Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0706

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Mejju 2024.
    Konzernbetriebsrat der O SE & Co. KG vs Vorstand der O Holding SE.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kumpannija Ewropea – Regolament (KE) Nru 2157/2001 – Artikolu 12(2) – Involviment tal-ħaddiema – Reġistrazzjoni tal-kumpannija Ewropea – Kundizzjonijiet – Implimentazzjoni minn qabel tal-proċedura ta’ negozjati fuq l-involviment tal-ħaddiema msemmija fid-Direttiva 2001/86/KE – Kumpannija Ewropea kkostitwita u rreġistrata mingħajr ħaddiema li saret il-kumpannija omm ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema – Obbligu li tinfetaħ a posteriori l-proċedura ta’ negozjati – Assenza – Artikolu 11 – Użu abbużiv ta’ kumpannija Ewropea – Ċaħda tad-drittijiet ta’ involviment tal-ħaddiema – Projbizzjoni.
    Kawża C-706/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:402

    Kawża C‑706/22

    Konzernbetriebsrat der O SE & Co. KG

    vs

    Vorstand der O Holding SE

    (talba għal deċiżjoni preliminari,
    imressqa mill-Bundesarbeitsgericht)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Mejju 2024

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kumpannija Ewropea – Regolament (KE) Nru 2157/2001 – Artikolu 12(2) – Involviment tal-ħaddiema – Reġistrazzjoni tal-kumpannija Ewropea – Kundizzjonijiet – Implimentazzjoni minn qabel tal-proċedura ta’ negozjati fuq l-involviment tal-ħaddiema msemmija fid-Direttiva 2001/86/KE – Kumpannija Ewropea kkostitwita u rreġistrata mingħajr ħaddiema li saret il-kumpannija omm ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema – Obbligu li tinfetaħ a posteriori l-proċedura ta’ negozjati – Assenza – Artikolu 11 – Użu abbużiv ta’ kumpannija Ewropea – Ċaħda tad-drittijiet ta’ involviment tal-ħaddiema – Projbizzjoni”

    Politika soċjali – Kumpannija Ewropea – Involviment tal-ħaddiema – Kumpannija Ewropea kkostitwita u rreġistrata mingħajr ħaddiema, iżda li saret, wara r-reġistrazzjoni tagħha, il-kumpannija omm ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema – Proċedura ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema – Nuqqas ta’ tali negozjati qabel ir-reġistrazzjoni tal-kumpanija – Obbligu ta’ ftuħ a posteriori tal-proċedura ta’ negozjati – Assenza

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2157/2001, Artikolu 12(2); Direttiva tal-Kunsill 2011/86, Artikoli 3 sa 7 u 11)

    (ara l-punti 40, 46 sa 51, u 54 sa 58, u d-dispożittiv)

    Sunt

    Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) fil-kuntest ta’ tilwima dwar in-negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema f’kumpannija Ewropea (iktar ’il quddiem “SE”), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-assenza ta’ obbligu li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2157/2001 ( 1 ) u tad-Direttiva 2001/86 ( 2 ), għal SE holding, li l-ebda waħda mill-kumpanniji parteċipanti jew mis-sussidjarji tagħha ma timpjega ħaddiema u li ġiet irreġistrata mingħajr ma twettqu tali negozjati minn qabel, li tiftaħ sussegwentement dawn in-negozjati minħabba li, sussegwentement, hija tkun kisbet il-kontroll ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema fi Stat Membru wieħed jew iktar.

    Fit-28 ta’ Marzu 2013, O Holding SE, ikkostitwita ( 3 ) minn żewġ kumpanniji stabbiliti fir-Renju Unit u fil-Ġermanja, mingħajr ħaddiema jew sussidjarji ( 4 ) li jimpjegaw ħaddiema, ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-kumpanniji għall-Ingilterra u għal Wales, mingħajr ma kien hemm ebda negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema ( 5 ) qabel din ir-reġistrazzjoni.

    Fid-29 ta’ Marzu 2013, O Holding SE saret l-azzjonista unika tal-kumpannija O Holding GmbH, li s-sede tagħha kienet tinsab f’Hamburg (il-Ġermanja) u li kellha bord superviżorju kompost, għal terz, minn rappreżentanti tal-ħaddiema. F’Ġunju 2013, O Holding SE ddeċidiet li tittrasforma lil O Holding GmbH f’soċjetà in akkomandita, imsejħa O KG. Din il-bidla fil-forma tniżżlet fir-reġistru tal-kumpanniji f’Settembru 2013 u, minn din id-data, il-koġestjoni fi ħdan il-bord superviżorju ma baqgħetx applikabbli. Barra minn hekk, O Holding SE ttrasferixxiet is-sede tagħha f’Hamburg minn Ottubru 2017.

    Għalkemm O KG timpjega madwar 816 ħaddiem u għandha sussidjarji f’diversi Stati Membri li jimpjegaw total ta’ madwar 2200 ħaddiem, is-soċji tagħha (O Holding SE, assoċjata in akkomandita, u O Management SE, assoċjata li tirrispondi personalment, irreġistrata f’Hamburg, li l-azzjonist uniku tagħha hija O Holding SE) ma jimpjegaw ebda ħaddiem.

    Peress li qies li t-tmexxija ta’ O Holding SE kellha tistabbilixxi a posteriori grupp speċjali ta’ negozjati, peress li din tal-aħħar kellha sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema f’diversi Stati Membri, il-kumitat tal-impriża tal-grupp O KG beda proċedura kontenzjuża fil-qasam tad-dritt tax-xogħol. Adita wara ċ-ċaħda ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju talbet l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001 ( 6 ), moqri flimkien mal-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2001/86 ( 7 ). Hija kellha dubju dwar l-eżistenza ta’ obbligu li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2157/2001 u tad-Direttiva 2001/86, għal SE, li l-ebda waħda mill-kumpanniji parteċipanti tagħha jew mis-sussidjarji tagħha ma timpjega ħaddiema u li r-reġistrazzjoni tagħha twettqet mingħajr ma twettqu negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema minn qabel, li timplimenta a posteriori tali proċedura ta’ negozjati minħabba li din is-SE kisbet il-kontroll ta’ sussidjarji li jimpjegaw lil ħaddiema f’diversi Stati Membri.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li minn qari flimkien tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001 u tal-Artikolu 3(1) sa (3) tad-Direttiva 2001/86 jirriżulta li l-proċedura ta’ negozjati bejn il-partijiet dwar il-modalitajiet relattivi għall-involviment tal-ħaddiema fis-SE sabiex jiġi konkluż ftehim dwar dawn il-modalitajiet għandha, bħala regola ġenerali, isseħħ waqt il-kostituzzjoni tas-SE u qabel ir-reġistrazzjoni tagħha. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli għal SE diġà kkostitwita, minkejja li l-kumpanniji parteċipanti li fformawha ma kinux jimpjegaw, dak iż-żmien, ħaddiema u li, għaldaqstant, ma setgħux isiru negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema fis-SE qabel ir-reġistrazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, għalkemm id-Direttiva 2001/86 tipprevedi madankollu tliet ipoteżijiet li fihom il-proċedura ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema tista’ tinfetaħ fi stadju ulterjuri, il-formulazzjoni ta’ din id-direttiva ma timponix l-implimentazzjoni sussegwenti ta’ din il-proċedura fi ħdan SE diġà kkostitwita.

    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, qabel kollox, li mid-Direttiva 2001/86 ( 8 ) jirriżulta li kemm il-garanzija tad-drittijiet miksuba fil-qasam tal-involviment tal-ħaddiema kif ukoll in-negozjati bejn il-partijiet dwar il-proċeduri konkreti ta’ dan l-involviment huma marbuta mal-“ħolqien” u mal-“istabbiliment” ta’ SE. Din il-konklużjoni ma tikkonfermax, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, it-teżi li tgħid li l-proċedura ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema għandha tinfetaħ sussegwentement fi ħdan SE diġà stabbilita. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat sussegwentement li r-Regolament Nru 2157/2001 ( 9 ) ma jinkludi ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/86 dwar il-proċedura ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema għandhom jiġu applikati mutatis mutandis għal SE diġà kkostitwita meta l-kumpanniji parteċipanti li fformawha jkunu bdew jeżerċitaw attività ekonomika li tinvolvi l-impjieg tal-ħaddiema wara din il-kostituzzjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li d-Direttiva 2001/86 ma tinkludi ebda dispożizzjoni li toħloq obbligu ta’ ftuħ tan-negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema jew li testendi l-garanzija tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni eżistenti tal-ħaddiema f’sitwazzjonijiet fejn isiru bidliet strutturali lil SE holding diġà kkostitwita minn kumpanniji parteċipanti li ma jimpjegawx ħaddiema u li ma għandhomx sussidjarji li jimpjegaw tali ħaddiema.

    Fit-tielet u l-aħħar lok, filwaqt li tat deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk jistax jiġi impost obbligu li tinfetaħ proċedura ta’ negozjati ulterjuri fi ħdan SE diġà kkostitwita, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/86 ( 10 ), fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ SE sabiex il-ħaddiema jiġu mċaħħda mid-drittijiet ta’ involviment tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan l-artikolu jħalli marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-għażla ta’ miżuri xierqa li għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward, bla ħsara għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u ma jistabbilixxix, fil-każ ta’ SE li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu li sussegwentement tiftaħ din il-proċedura ta’ negozjati.


    ( 1 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat‑8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251)

    ( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat‑8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 272)

    ( 3 ) Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2157/2001.

    ( 4 ) Fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/86.

    ( 5 ) Kif previst fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2001/86.

    ( 6 ) Skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001 “SE ma tistax tkun reġistrata jekk kemm-il darba ma jkunx konkluż ftehim u arranġamenti għall-involviment ta’ l-impjegat bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/86/KE, jew tkun ittieħdet deċiżjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva, jew il-perijodu ta’ negozjati bis-saħħa ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva ikun spiċċa mingħajr ma jkun ġie konkluż ftehim.”

    ( 7 ) L-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2001/86 jipprevedu r-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema f’SE.

    ( 8 ) U, b’mod partikolari, il-premessi 3 u 6 sa 8 tad-Direttiva 2001/86.

    ( 9 ) U, b’mod partikolari, il-premessi 1 u 2 tagħha.

    ( 10 ) L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/86, intitolat “[l]-użu ħażin tal-proċeduri”, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, “bil-ħsieb li jipprevienu l-użu ħażin ta’ SE bl-għan li jċaħħdu lill-ħaddiema mid-drittijiet dwar l-involviment tal-ħaddiema jew iż-żamma ta’ dawn id-drittijiet”.

    Top