Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0540

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2024.
    SN et vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikoli 56 u 57 TFUE – Kollokament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi minn impriża ta’ Stat Membru sabiex iwettqu xogħlijiet fi Stat Membru ieħor – Tul ta’ żmien ta’ iktar minn 90 jum f’perijodu ta’ 180 jum – Obbligu tal-ħaddiema kkollokati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti f’każ ta’ provvista għal iktar minn tliet xhur – Limitazzjoni tal-perijodu ta’ validità tal-permessi ta’ residenza mogħtija – Ammont tal-ħlas marbut mal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza – Restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità.
    Kawża C-540/22.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:530

    Kawża C‑540/22

    SN u AS u RA

    vs

    Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid

    (talba għal deċiżjoni preliminari,
    imressqa mir-Rechtbank Den Haag)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal‑20 ta’ Ġunju 2024

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikoli 56 u 57 TFUE – Kollokament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi minn impriża ta’ Stat Membru sabiex iwettqu xogħlijiet fi Stat Membru ieħor – Tul ta’ żmien ta’ iktar minn 90 jum f’perijodu ta’ 180 jum – Obbligu tal-ħaddiema kkollokati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti f’każ ta’ provvista għal iktar minn tliet xhur – Limitazzjoni tal-perijodu ta’ validità tal-permessi ta’ residenza mogħtija – Ammont tal-ħlas marbut mal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza – Restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità”

    1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Portata – Limiti – Dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-persuni li jimpjegaw– Dritt ta’ residenza dderivat tal-ħaddiema kkollokati ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Inammissibbiltà

      (Artikoli 56 u 57 TFUE)

      (ara l-punti 49 sa 55, u d-dispożittiv 1)

    2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni – Ħaddiema impjegati li jkunu ċittadini ta’ pajjiż terz legalment impjegati fi Stat Membru u kkollokati fi Stat Membru ieħor għall-finijiet tat-twettiq ta’ provvista ta’ servizzi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda d-dritt ta’ residenza ta’ tali ħaddiema – Inklużjoni

      (Artikoli 56 u 57 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1030/2002, Artikolu 1(2)(a); Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71, premessa 20, u 2006/123, il-punt 9 tal-Artikolu 17; Direttiva tal-Kunsill 2003/109, Artikolu 3(2)(e); Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, Artikolu 21(1))

      (ara l-punti 59 sa 66)

    3. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Impriża stabbilita fi Stat Membru li twettaq provvista ta’ servizzi għal tul ta’ żmien ta’ iktar minn tliet xhur fi Stat Membru ieħor – Leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ twettiq tal-provvista li timponi fuq tali impriża l-obbligu li tikseb permess ta’ residenza għal kull ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz ikkollokat minnha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru – Permess ikkonċernat li jimplika notifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti, minn din l-impriża, tal-provvista ta’ servizzi li tkun is-suġġett tal-kollokament u komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti ta’ sostenn – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Titjib tas-sigurtà legali tal-ħaddiema kkollokati u faċilitazzjoni tal-kontrolli tal-amministrazzjoni – Protezzjoni tal-ordni pubbliku – Proporzjonalità – Verifika mill-qorti tar-rinviju

      (Artikolu 56 TFUE)

      (ara l-punti 67 sa 76, u 78 sa 103, u d-dispożittiv 2)

    4. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tillimita t-tul ta’ validità tal-permess ta’ residenza li jista’ jingħata lil ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz ikkollokat fit-territorju tiegħu – Tul li jista’ jkun inqas minn dak meħtieġ għat-twettiq tas-servizz li ta lok għall-kollokament – Tul limitat għal dak tal-permess ta’ xogħol u ta’ residenza tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-fornitur – Ħruġ tal-imsemmi permess li jirrikjedi ħlasijiet ta’ ammont ogħla minn dawk dovuti għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ residenza regolari lil ċittadin tal-Unjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

      (Artikolu 56 TFUE)

      (ara l-punti 112 sa 122, u d-dispożittiv 3)

    Sunt

    Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Middelburg, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kundizzjonijiet li fihom, fir-rigward tad-dritt ta’ residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jiġu kkollokati fi Stat Membru minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor.

    Ir-rikorrenti, ċittadini Ukraini, kellhom permess ta’ residenza temporanju maħruġ mill-awtoritajiet Slovakki. Huma kienu jaħdmu għall-kumpannija rregolata mid-dritt Slovakk ROBI spol s.r.o., li kkollokathom ma’ kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż sabiex iwettqu missjoni fil-port ta’ Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi). Għal dan l-għan, ROBI nnotifikat lill-awtoritajiet Olandiżi kompetenti bin-natura tal-attivitajiet eżerċitati matul il-kollokament tagħhom u t-tul tiegħu.

    Sussegwentement, ROBI informat lil dawn l-awtoritajiet li l-imsemmija attivitajiet kienu ser jaqbżu t-tul tad-dritt ta’ moviment ta’ 90 jum matul perijodu ta’ 180 jum li kienu jgawdu minnu l-barranin detenturi ta’ permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru, previst fl-Artikolu 21(1) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen ( 1 ). Għaldaqstant, għat-tul ta’ din il-provvista, ROBI ppreżentat applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza għal kull rikorrent quddiem l-awtoritajiet Olandiżi, li għall-ipproċessar tagħhom inġabru ħlasijiet. L-awtorità kompetenti, li kienet qiegħda taġixxi f’isem l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi), ħarġet il-permessi ta’ residenza mitluba, filwaqt li llimitat il-validità tagħhom għall-perijodu ta’ validità tal-permessi ta’ residenza temporanji Slovakki, jiġifieri għal perijodu iqsar minn dak tal-kollokament tagħhom.

    F’April 2021, l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti kontra kull waħda mid-deċiżjonijiet li tawhom permess ta’ residenza ġew miċħuda mis-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà. Adita b’rikors kontra d-deċiżjonijiet meħuda f’April 2021, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, stabbilita fl-Artikoli 56 u 57 TFUE, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-obbligu, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali, għall-ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati minn fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru li jkollhom, minbarra permess ta’ residenza f’dan l-Istat Membru, permess ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ twettiq tal-provvista wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ 90 jum imsemmi fid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tal-KIFS, peress li t-tul ta’ dan il-permess jista’ jiġi limitat ratione temporis. Hija talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-impożizzjoni ta’ ħlasijiet għal kull applikazzjoni għal permess ta’ residenza fl-Istat Membru fejn titwettaq il-provvista.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Permezz tas-sentenza tagħha, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 56 u 57 TFUE ma jimponux ir-rikonoxximent awtomatiku ta’ “dritt ta’ residenza dderivat” għall-benefiċċju tal-ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkollokati fi Stat Membru, kemm jekk fl-Istat Membru fejn huma impjegati jew f’dak fejn huma kkollokati.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-obbligu, impost fuq l-impriża li tipprovdi servizzi mil-leġiżlazzjoni kkontestata, li tinnotifika l-provvista ta’ servizzi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li tikseb permess ta’ residenza għal kull ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz li hija jkollha l-intenzjoni tikkolloka fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, qabelxejn, li, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, għalkemm applikabbli mingħajr distinzjoni, kienet timponi, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa mill-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jaqbżu tliet xhur, formalitajiet addizzjonali fuq dawn l-impriżi meta mqabbla ma’ dawk li kienu diġà suġġetti għalihom fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom, skont id-Direttiva 2009/52 ( 2 ), sabiex jimpjegaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni kienet tistabbilixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikoli 56 u 57 TFUE.

    Filwaqt li sussegwentement eżaminat jekk din ir-restrizzjoni setgħetx tiġi ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod partikolari li, ċertament, ix-xewqa li jiġi evitat tfixkil fis-suq tax-xogħol tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Madankollu, tali raġuni ma tistax tiġġustifika leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkollokati minn impriża li tipprovdi servizzi stabbilita fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu, taħt il-kontroll tagħha u l-awtorità tagħha, provvista ta’ servizzi li ma hijiex self ta’ ħaddiema, peress li dawn il-ħaddiema kkollokati ma humiex ikkunsidrati bħala attivi fis-suq tal-impjieg tal-Istat Membru li fih ikunu kkollokati.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tal-ħaddiema kkollokati billi jippermettilhom jistabbilixxu faċilment li huma kkollokati fit-territorju tal-Istat Membru ta’ twettiq tal-provvista ta’ servizzi f’kundizzjonijiet legali u, għaldaqstant, li jirrisjedu hemmhekk regolarment, jikkostitwixxi wkoll raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Issa, fir-rigward tal-proporzjonalità ta’ tali miżura, minn naħa, miżura li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor jitolbu permess ta’ residenza għal kull ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz ikkollokat, sabiex dawn ikollhom dokument sigur, tikkostitwixxi miżura adatta sabiex jintlaħaq l-għan li tittejjeb iċ-ċertezza legali ta’ tali ħaddiema, peress li dan il-permess jipprova d-dritt ta’ residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tidhirx li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan, peress li l-obbligi imposti fuq l-impriża fornitriċi jkunu b’mod partikolari neċessarji sabiex tiġi pprovata r-regolarità tal-kollokament. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata mill-għan ta’ titjib taċ-ċertezza legali tal-ħaddiema kkollokati u ta’ faċilitazzjoni tal-kontrolli tal-amministrazzjoni u għandha titqies, f’dan il-każ, li hija proporzjonata.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat wkoll li l-għan ibbażat fuq in-neċessità li jiġi kkontrollat li l-ħaddiem ikkonċernat ma jirrappreżentax theddida għall-ordni pubbliku għandu jitqies li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F’dan il-każ, il-miżura kkontestata tidher xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan u ma tistax, barra minn hekk, titqies li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan l-għan, sakemm din twassal sabiex ir-residenza tiġi rrifjutata biss lil persuni li jirrappreżentaw theddida reali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà. Fil-fatt, peress li l-evalwazzjoni tat-theddida li tista’ tirrappreżenta persuna għall-ordni pubbliku tista’ tvarja minn pajjiż għal ieħor, l-eżistenza potenzjali ta’ kontroll analogu fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-fornitur ma tistax tneħħi r-rilevanza tat-twettiq, fl-Istat Membru li fih għandha titwettaq il-provvista ta’ servizzi, ta’ tali kontroll. Barra minn hekk, b’differenza mill-proċedura ta’ notifika, li hija bbażata fuq kontroll abbażi ta’ informazzjoni rċevuta jew diġà miżmuma, il-proċedura ta’ permess ta’ residenza, sa fejn din teħtieġ li l-persuna kkonċernata tippreżenta ruħha fiżikament fil-bini ta’ awtorità kompetenti, tista’ tippermetti verifika fid-dettall tal-identità tagħha, li hija partikolarment importanti fil-qasam tal-ġlieda kontra t-theddid għall-ordni pubbliku.

    Għalhekk, l-għan ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku jista’ jiġġustifika li Stat Membru jeżiġi li fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jixtiequ jikkollokaw ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiksbu, wara perijodu ta’ residenza ta’ tliet xhur fl-ewwel Stat Membru, permess ta’ residenza għal kull wieħed minn dawn il-ħaddiema. Tali għan jidher li jiġġustifika wkoll li, f’din l-okkażjoni, dan l-Istat Membru jissuġġetta l-ħruġ ta’ tali permess għall-verifika li l-persuna kkonċernata ma tirrappreżentax theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika, sa fejn il-kontrolli mwettqa għal dan l-għan ma setgħux jitwettqu, b’mod affidabbli, abbażi tal-informazzjoni li l-imsemmi Stat Membru kien jeżiġi jew seta’ raġonevolment jeżiġi l-komunikazzjoni tagħha matul il-proċedura ta’ notifika, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 56 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li, fl-ipoteżi fejn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor twettaq fl-ewwel Stat Membru provvista ta’ servizzi li t-tul tagħha jaqbeż it-tliet xhur, din l-impriża jkollha l-obbligu li tikseb fl-Istat Membru ospitanti permess ta’ residenza għal kull ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz li hija jkollha l-intenzjoni li tikkolloka hemmhekk, u li, sabiex tikseb dan il-permess, hija tinnotifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti l-provvista ta’ servizzi li għat-twettiq tagħha dawn il-ħaddiema ser jiġu kkollokati u li hija tikkomunika lil dawn l-awtoritajiet il-permessi ta’ residenza li dawn ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom fl-Istat Membru fejn hija tkun stabbilita kif ukoll il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom.

    Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-fatt li l-ħlasijiet dovuti għall-għoti ta’ permess ta’ residenza lil ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz ikkollokat fi Stat Membru minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor huma ogħla minn dawk dovuti għall-għoti ta’ ċertifikat ta’ residenza lil ċittadin tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sabiex miżura li teżiġi ħlasijiet inkambju għall-ħruġ, minn Stat Membru, ta’ permess ta’ residenza tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE, l-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet ma jistax ikun eċċessiv jew irraġonevoli. Il-proporzjonalità tal-ħlasijiet dovuti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-ispejjeż iġġenerati mill-ipproċessar tal-applikazzjoni li l-Istat Membru għandu jsostni. Dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-fatt li l-ħlasijiet mitluba għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għal ħaddiem ikkollokat li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz ikunu ogħla minn dawk mitluba għal ċertifikat ta’ residenza għal ċittadin tal-Unjoni ma jistax, bħala prinċipju, ikun biżżejjed sabiex waħdu jistabbilixxi li l-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet jikser l-Artikolu 56 TFUE. Madankollu, dan il-fatt jista’ jikkostitwixxi indizju serju tan-natura sproporzjonata ta’ dan l-ammont, jekk il-kompiti li l-amministrazzjoni għandha twettaq sabiex tagħti tali permess ta’ residenza kif ukoll l-ispejjeż ta’ manifattura tad-dokument sigur korrispondenti jkunu ekwivalenti għal dawk neċessarji għall-għoti ta’ ċertifikat ta’ residenza lil ċittadin tal-Unjoni, fatt li kellu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 56 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-validità tal-permess ta’ residenza li jista’ jingħata lil ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz ikkollokat f’dan l-Istat Membru ma tistax, fi kwalunkwe każ, teċċedi tul iddeterminat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li għalhekk tista’ tkun inqas minn dik neċessarja sabiex jitwettaq is-servizz li għalih dan il-ħaddiem huwa kkollokat. Dan l-artikolu lanqas ma jipprekludi li t-tul tal-validità ta’ dan il-permess ta’ residenza jkun limitat għal dak tal-permess ta’ xogħol u ta’ residenza tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur ta’ servizzi. Fl-aħħar nett, skont dan l-istess artikolu, il-ħruġ tal-imsemmi permess ta’ residenza jista’ jirrikjedi ħlasijiet ta’ ammont ogħla minn dak tal-ħlasijiet dovuti għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ residenza regolari lil ċittadin tal-Unjoni, sakemm, qabelxejn, il-perijodu inizjali ta’ validità tal-istess permess ma jkunx manifestament qasir wisq sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-maġġoranza tal-fornituri ta’ servizzi, sussegwentement, sa fejn huwa possibbli li jinkiseb it-tiġdid tal-permess ta’ residenza mingħajr ma jkun hemm bżonn li jitwettqu formalitajiet eċċessivi u, fl-aħħar nett, li dan l-ammont jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għall-ispiża amministrattiva li tirriżulta mill-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-kisba ta’ tali permess.


    ( 1 ) Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 2 p. 9), kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Marzu 2010 (ĠU 2010, L 85, p. 1), kif ukoll bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L. 182, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“KIFS”). Skont l-Artikolu 21(1) tal-KIFS: “Aljeni [persuni barranin] li għandhom permessi ta’ residenza validi maħruġa minn waħda mill-Partijiet Kontraenti jistgħu, fuq il-bażi ta’ dak il-permess u ta’ dokument validu ta’ l-ivvjaġġar, jiċċaqalqu b’mod ħieles għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti l-oħra, sakemm jissodisfaw il-Kondizzjonijiet ta’ dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (ċ) u (e) [tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen)] [...] u sakemm ma jkunux fuq il-lista nazzjonali ta’ twissijiet tal-Parti Kontraenti kkonċernata.”

    ( 2 ) Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali, (ĠU 2009, L 168, p. 24, u rettifika fil-ĠU 2012, L 208, p. 22).

    Top