This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0518
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Diċembru 2023.
J.M.P. vs AP Assistenzprofis GmbH.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(5) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà – Artikolu 19 – Awtonomija tal-ħajja u inklużjoni fis-soċjetà – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 26 – Integrazzjoni soċjali u professjonali ta’ persuni b’diżabbiltà – Servizz ta’ assistenza personali għall-persuni b’diżabbiltà – Offerta ta’ impjieg li tinkludi l-indikazzjoni ta’ età minima u ta’ età massima tal-persuna mfittxija – Teħid inkunsiderazzjoni tax-xewqat u tal-interessi tal-persuna b’diżabbiltà – Ġustifikazzjoni.
Kawża C-518/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Diċembru 2023.
J.M.P. vs AP Assistenzprofis GmbH.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(5) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà – Artikolu 19 – Awtonomija tal-ħajja u inklużjoni fis-soċjetà – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 26 – Integrazzjoni soċjali u professjonali ta’ persuni b’diżabbiltà – Servizz ta’ assistenza personali għall-persuni b’diżabbiltà – Offerta ta’ impjieg li tinkludi l-indikazzjoni ta’ età minima u ta’ età massima tal-persuna mfittxija – Teħid inkunsiderazzjoni tax-xewqat u tal-interessi tal-persuna b’diżabbiltà – Ġustifikazzjoni.
Kawża C-518/22.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:956
Kawża C‑518/22
J.M.P.
vs
AP Assistenzprofis GmbH
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) tas‑7 ta’ Diċembru 2023
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(5) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà – Artikolu 19 – Awtonomija tal-ħajja u inklużjoni fis-soċjetà – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 26 – Integrazzjoni soċjali u professjonali ta’ persuni b’diżabbiltà – Servizz ta’ assistenza personali għall-persuni b’diżabbiltà – Offerta ta’ impjieg li tinkludi l-indikazzjoni ta’ età minima u ta’ età massima tal-persuna mfittxija – Teħid inkunsiderazzjoni tax-xewqat u tal-interessi tal-persuna b’diżabbiltà – Ġustifikazzjoni”
Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Provvista ta’ servizzi ta’ assistenza personali – Reklutaġġ suġġett għal kundizzjoni ta’ età – Teħid inkunsiderazzjoni tax-xewqat u tal-interessi tal-persuna b’diżabbiltà – Differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali intiża għall-protezzjoni tal-awtodeterminazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà – Ammissibbiltà – Kundizzjoni
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 26; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 2(5); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48)
(ara l-punti 54 sa 66, 68 u d-dispożittiv)
Sunt
Matul ix-xahar ta’ Lulju 2018, AP Assistenzprofis GmbH, kumpannija li tipprovdi servizzi ta’ assistenza u ta’ pariri lill-persuni b’diżabbiltà, ippubblikat offerta ta’ impjieg li kienet tindika li A, studenta ta’ 28 sena, kienet qiegħda tfittex assistenti personali tas-sess femminili sabiex jgħinuha fl-aspetti kollha tal-ħajja ta’ kuljum u li kellhom “ikollhom preferibbilment bejn 18 u 30 sena”.
J.M.P., li twieldet fis-sena 1968, applikat għal din l-offerta u rċeviet risposta fin-negattiv min-naħa ta’ AP Assistenzprofis.
Peress li qieset li kienet is-suġġett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, J.M.P. ippreżentat rikors kontra AP Assistenzprofis quddiem l-Arbeitsgericht Köln (il-Qorti Industrijali ta’ Köln, il-Ġermanja) għall-finijiet li tikseb kumpens għad-dannu li jirriżulta minn din id-diskriminazzjoni. Dik il-qorti laqgħet l-imsemmi rikors.
Wara sentenza tal-Landesarbeitsgericht Köln (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja), li permezz tagħha ntlaqa’ l-appell ippreżentat minn AP Assistenzprofis, J.M.P. ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja).
Peress li kellha dubji dwar il-ġustifikazzjoni, skont id-Direttiva 2000/78 ( 1 ), tad-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età li kienet sofriet J.M.P. u peress li xtaqet tikseb kjarifiki dwar il-konċiljazzjoni, fid-dawl tal-istess direttiva, tad-dritt għal protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età mad-dritt tal-persuna b’diżabbiltà għal protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà tagħha, din l-aħħar qorti ddeċidiet li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet li d-Direttiva 2000/78, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dwar l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà ( 2 ), bit-titolu “Għajxien indipendenti u inklużjoni fil-komunità”, ma kinitx tipprekludi li r-reklutaġġ ta’ persuna li tipprovdi assistenza personali jkun suġġett għal kundizzjoni ta’ età, skont leġiżlazzjoni nazzjonali, jekk tali miżura tkun neċessarja għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tiddetermina jekk din kinitx iġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 ( 3 ).
Qabel kollox, hija kkonstatat li din id-differenza fit-trattament kienet tirriżulta minn miżura prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 4 ), skont l-imsemmi Artikolu 2(5).
Hija sussegwentement eżaminat jekk din il-miżura kinitx tfittex l-għan tal-“protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”, stabbilit minn din id-dispożizzjoni.
F’dan ir-rigward, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni riedet tilħaq għan intiż għall-protezzjoni tal-awtodeterminazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, billi tiggarantixxi d-dritt għall-espressjoni tax-xewqat u għall-għażla libera tal-imsemmija persuni meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza personali u meta dawn is-servizzi jiġu pprovduti, peress li dawn is-servizzi jikkonċernaw l-oqsma kollha tal-ħajja u jestendu fil-fond fl-isfera privata u intima tal-persuni li jirċevuhom. Dan l-għan jaqa’ taħt l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.
Fil-fatt, dan id-dritt għall-espressjoni tax-xewqat u għall-għażla libera jikkonkretizza d-dritt għall-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà stabbilit fl-Artikolu 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Barra minn hekk, l-osservanza tal-awtodeterminazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà tikkostitwixxi għan stabbilit fl-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-NU, li d-dispożizzjonijiet tagħha jistgħu jiġu invokati għall-interpretazzjoni ta’ dawk tad-Direttiva 2000/78.
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat jekk id-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx tirriżulta minn miżura neċessarja għall-protezzjoni tal-imsemmi dritt għall-awtodeterminazzjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, f’dan ir-rigward, li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-preferenza għal ċerta kategorija ta’ età espressa mill-persuna b’diżabbiltà seta’ jippromwovi r-rispett tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni ta’ din il-persuna waqt il-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza personali, sa fejn kien jidher raġonevoli li wieħed jistenna li persuna li tappartjeni għall-istess kategorija ta’ età bħall-persuna b’diżabbiltà tintegra ruħha iktar faċilment fl-ambjent personali, soċjali u universitarju ta’ din tal-aħħar.
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, bla ħsara għall-verifiki li kellhom isiru mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età f’dan il-każ kienet tirriżulta minn miżura neċessarja għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, u, konsegwentement, setgħet tiġi ġġustifikata fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.
( 1 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 79).
( 2 ) Approvata f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas‑26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tan-NU”).
( 3 ) Skont din id-dispożizzjoni, id-Direttiva ma għandhiex tippreġudika l-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għaż-żamma tal-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ reati kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa kif ukoll għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.
( 4 ) Dan huwa l-Artikolu 8(1) tas-Sozialgesetzbuch, Neuntes Buch (IX) (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, Ktieb IX), tat‑23 ta’ Diċembru 2016 (BGBl. 2016 I, p. 3234, iktar ’il quddiem is-“SGB IX”), moqri flimkien mal-Artikolu 33 tas-Sozialgesetzbuch, Erstes Buch (I) (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, Ktieb I), tal‑11 ta’ Diċembru 1975 (BGB1. 1975 I, p. 3015, iktar ’il quddiem is-“SGB I”), li jipprevedi li, waqt it-teħid ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza personali u waqt l-eżekuzzjoni tas-servizzi intiżi li jippromwovu l-parteċipazzjoni fis-soċjetà tal-persuna b’diżabbiltà, għandhom ikunu rrispettati x-xewqat leġittimi tal-benefiċjarji ta’ dawn servizzi, sa fejn dawn ikunu raġonevoli u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali, l-età, is-sess, il-familja kif ukoll il-bżonnijiet reliġjużi u filosofiċi tal-imsemmija benefiċjarji.