This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0431
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2023.
Scuola europea di Varese vs PD, bħala persuna li teżerċita r-responsabbiltà ta’ ġenitur fuq NG u LC, bħala persuna li teżerċita r-responsabbiltà ta’ ġenitur fuq NG.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej – Artikolu 27(2) – Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej – Artikoli 62, 66, u 67 – Kontestazzjoni tad-deċiżjoni li student ma jiġix promoss għall-klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju adottata mill-kunsill tal-klassi – Assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
Kawża C-431/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2023.
Scuola europea di Varese vs PD, bħala persuna li teżerċita r-responsabbiltà ta’ ġenitur fuq NG u LC, bħala persuna li teżerċita r-responsabbiltà ta’ ġenitur fuq NG.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej – Artikolu 27(2) – Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej – Artikoli 62, 66, u 67 – Kontestazzjoni tad-deċiżjoni li student ma jiġix promoss għall-klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju adottata mill-kunsill tal-klassi – Assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
Kawża C-431/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:1021
Kawża C‑431/22
Scuola europea di Varese
vs
PD, bħala persuna li teżerċita r-responsabbiltà ta’ ġenitur fuq NG
u
LC, bħala persuna li teżerċita r-responsabbiltà ta’ ġenitur fuq NG
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal‑21 ta’ Diċembru 2023
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej – Artikolu 27(2) – Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej – Artikoli 62, 66, u 67 – Kontestazzjoni tad-deċiżjoni li student ma jiġix promoss għall-klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju adottata mill-kunsill tal-klassi – Assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”
Domandi preliminari - Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja - Kunċett ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet - Il-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej - Inklużjoni
(Il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 u l-Artikolu 352 TFUE; Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej]
(ara l-punti 50, 51)
Ftehimiet internazzjonali - Il-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej - Ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Appell - Kawża dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ kunsill tal-klassi ta’ Skola Ewropea li ma jawtorizzax il-passaġġ ta’ student għal klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju - Inklużjoni - Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva - Assenza
(Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, Artikolu 27(2); Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej (2014), Artikoli 61, 62, 66 u 67)
(ara l-punti 54, 56, 67, 68, 74, 75, 78, 82, 84, 85, 89, 97 sa 99 u d-dispożittiv)
Sunt
Ġenituri li kienu qiegħed jaġixxu bħala rappreżentanti legali tat-tifel minuri tagħhom, li dak iż-żmien kien jattendi għal ħames sena taċ-ċiklu sekondarju fi ħdan l-iScuola europea di Varese (l-Iskola Ewropea ta’ Varese, l-Italja), ġew innotifikati b’deċiżjoni tal-kunsill ta’ klassi kompetenti li ma jawtorizzax il-passaġġ ta’ binhom għal klassi li jmiss. Dawn il-ġenituri ta’ NG ressqu quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja) b’rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Din il-qorti ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors.
L-iScuola Europea ta’ Varese ressqet talba għal riżoluzzjoni preliminari tal-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, quddiem l-awli magħquda tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) ( 1 ), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din it-tilwima. Skont din l-iskola, tali tilwima taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Ilmenti”), skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni li jiddefinixxu l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej (iktar ’il quddiem iċ-“CSEE”) ( 2 ) u tal-Artikolu 67(1) tar-Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“RGEE tal‑2014”) ( 3 ). Il-ġenituri kif ukoll l-Uffiċċju tal-Prosekutur jikkunsidraw, min-naħa l-oħra, li l-qrati Taljani għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-imsemmija tilwima minħabba, b’mod partikolari, li skont l-Artikolu 27(2) taċ-CSEE, il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti hija limitata għall-atti li jikkawżaw preġudizzju li joriġinaw mill-Bord tal-Gvernaturi jew mill-Bord tad-Diretturi tal-Iskola.
Mitluba tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni preliminari relatata mal-ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani, il-qorti tar-rinviju tindika li hija diġà ddeċidiet favur tali ġurisdizzjoni, f’ċirkustanzi analogi għal dawk li jikkaratterizzaw din il-kawża ( 4 ). Għalhekk, hija ddeċidiet li l-kompetenza esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti kienet tkopri l-atti li jikkawżaw preġudizzju li joriġinaw mill-Bord tal-Gvernaturi jew mill-Bord tad-Diretturi ta’ Skola Ewropea, iżda mhux l-atti li joriġinaw minn kunsill fil-klassi ta’ tali skola ( 5 ). Il-Qorti tar-rinviju tirrileva, madankollu, li fiż-żmien meta hija ddeċidiet f’dan is-sens, ir-RGEE li dak iż-żmien kienet fis-seħħ kienet tipprevedi biss rikors limitat, intern għall-Iskejjel Ewropej u ta’ natura purament amministrattiva, kontra deċiżjonijiet ta’ kunsill tal-klassi li ma jawtorizzax il-passaġġ ta’ student fil-klassi li jmiss u kien għadu ma jagħtix il-possibbiltà li jitressaq rikors quddiem il-Bord tal-Ilmenti, b’mod kontenzjuż, għal dak li jikkonċerna tali deċiżjonijiet.
Issa, skont il-qorti tar-rinviju, il-fatt li l-possibbiltà ta’ tali azzjoni ġudizzjarja kienet, fil-frattemp, ġiet stabbilita mir-RGEE tal‑2005 u, sussegwentement, ikkonfermata fl-Artikolu 67 tar-RGEE tal‑2014, jista’ jirriżulta li huwa ta’ natura li jiġġustifika li issa tiġi rrikonoxxuta l-kompetenza esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti sabiex jieħu konjizzjoni ta’ dan it-tip ta’ kontenzjuż. Skont din il-qorti, tali soluzzjoni tidher li tista’ ssib sostenn, b’mod partikolari, fit-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza Oberto u O’Leary ( 6 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat, billi bbażat ruħha fuq ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ( 7 ), li l-Bord tal-Ilmenti seta’ validament jingħata kompetenza esklużiva sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikorsi diretti kontra att tad-direttur ta’ Skola Ewropea li jikkawża preġudizzju lil għalliem tagħha. Jistgħu wkoll jirriżultaw rilevanti, f’dan ir-rigward, diversi dokumenti prodotti mill-Iskola Ewropea ta’ Varese u, b’mod partikolari, id-diversi deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Bord tal-Ilmenti iddeċieda f’kawżi li jirrigwardaw deċiżjonijiet ta’ konsill tal-klassi li jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni tal-passaġġ minn student fil-klassi li jmiss, u b’hekk żviluppat prassi ġudizzjarja stabbilita minn meta ngħatat ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali kawżi mir-RGEE tal‑2005.
Madankollu, filwaqt li rrilevat li d-differenzi ta’ natura fattwali li jeżistu bejn is-sentenza Oberto u O’Leary u din il-kawża jipprekludu li jiġi kkunsidrat li interpretazzjoni tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE hija tant evidenti li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-qorti tar-rinviju ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Bord tal-Ilmenti għandu kompetenza esklużiva tal-ewwel u tal-aħħar istanza sabiex jiddeċiedi, wara l-eżawriment tar-rimedju amministrattiv previst mir-RGEE tal‑2014, dwar kull tilwima dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ kunsill tal-klassi ta’ Skola Ewropea li ma jawtorizzax il-passaġġ minn student għal klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju ( 8 ).
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li s-sistema tal-Iskejjel Ewropej hija sistema sui generis li toħloq, permezz ta’ ftehim internazzjonali, forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn dawn u l-Unjoni Ewropea. L-iskejjel Ewropej jikkostitwixxu organizzazzjoni internazzjonali li, minkejja l-kuntatti funzjonali li għandha mal-Unjoni, tibqa’ formalment distinta minnha u mill-Istati Membri tagħha. Għaldaqstant, għalkemm iċ-CSEE jikkostitwixxi, fir-rigward tal-Unjoni, att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, dan huwa rregolat wkoll mid-dritt internazzjonali, u b’mod iktar partikolari, mill-perspettiva tal-interpretazzjoni tiegħu, mid-dritt internazzjonali tat-trattati. Dan id-dritt ġie kkodifikat, essenzjalment, mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna li r-regoli tagħha japplikaw għal ftehim konkluż bejn l-Istati Membri u organizzazzjoni internazzjonali, bħaċ-CSEE, sa fejn dawn ir-regoli huma l-espressjoni tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ natura konswetudinarja. Din l-aħħar konvenzjoni għandha, konsegwentement, tiġi interpretata skont dawn ir-regoli u, b’mod partikolari, skont dawk li jinsabu fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li tesprimi d-dritt konswetudinarju internazzjonali.
Wara li fakkret it-termini tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE kif ukoll il-kontenut u l-portata tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-RGEE tal‑2014 ( 9 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk, b’mod analogu għal dak li hija ddeċidiet fis-sentenza Oberto u O’Leary fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija mid-Direttur ta’ Skola Ewropea, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jippermettux li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-Bord tal-Ilmenti, skont id-dispożizzjonijiet tar-RGEE tal‑2014, kompetenza esklużiva sabiex jieħu konjizzjoni tad-deċiżjonijiet li ma jiġix awtorizzat l-passaġġ ta’ student minn Skola Ewropea għall-klassi li jmiss, minkejja li dawn id-deċiżjonijiet ma jirriżultawx mill-Bord tal-Gvernaturi jew mill-Bord tad-Diretturi ta’ din l-iskola, iżda minn kunsill tal-klassi.
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, trattat għandu jiġi interpretat skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan tiegħu. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, minkejja li l-atti tal-kunsilli tal-klassi ma humiex espressament imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE, il-kuntest normattiv li fih tinsab din id-dispożizzjoni u l-għanijiet imfittxija miċ-CSEE jippermettu li jitqies li l-estensjoni tal-kompetenza magħmula favur il-Bord tal-Ilmenti permezz tad-dispożizzjonijiet tar-RGEE tal‑2014 ma tiksirx din id-dispożizzjoni taċ-CSEE.
Fir-rigward tal-Artikolu 31(3)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-istess ħin bħall-kuntest, minn naħa, kull ftehim sussegwenti li jsir bejn il-partijiet dwar l-interpretazzjoni tat-trattat jew tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu u, min-naħa l-oħra, kull prassi sussegwenti segwita fl-applikazzjoni ta’ dan it-trattat li permezz tagħha huwa stabbilit il-ftehim tal-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-imsemmi trattat.
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-adozzjoni mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Artikoli 62, 66 u 67 tar-RGEE 2014 u, qabel dan, tad-dispożizzjonijiet analogi li jinsabu fir-RGEE tal‑2005, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma waqfu minn dak iż-żmien, kemm mis-Segretarju Ġenerali kif ukoll mill-Bord tal-Ilmenti, mingħajr ma l-partijiet kontraenti fiċ-CSEE ma kkontestaw din l-adozzjoni u din l-applikazzjoni, huma ta’ natura li juru l-eżistenza jekk mhux ta’ ftehim ulterjuri li seħħ bejn dawn il-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni u tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha fis-sens tal-Artikolu 31(3)(a), tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, tal-inqas ta’ prattika li tistabbilixxi l-ftehim tal-partijiet dwar tali interpretazzjoni fis-sens tal-Artikolu 31(3)(b) ta’ din l-aħħar konvenzjoni. Fil-fatt, l-assenza ta’ kontestazzjonijiet min-naħa tal-partijiet għaċ-CSEE fir-rigward ta’ tali applikazzjoni mhux interrotta għandu jitqies bħala aġir ta’ dawn il-partijiet li jirrifletti l-kunsens taċitu tagħhom għall-imsemmija applikazzjoni u għalhekk bħala tali prattika. Issa, tali ftehim u/jew tali prattika jistgħu jipprevalu fuq il-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni għandha tinqara bħala li ma tipprekludix li d-deċiżjonijiet tal-kunsilli tal-klassi tal-Iskejjel Ewropej li ma jawtorizzawx il-passaġġ ta’ student għall-klassi li jmiss jitqiesu, bħala prinċipju, bħala li jaqgħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni.
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi li l-Bord tal-Ilmenti għandu, skont l-Artikolu 67(1) tar-RGEE tal‑2014, ġurisdizzjoni esklużiva tal-ewwel u tal-aħħar istanza sabiex jiddeċiedi, wara l-eżawriment tar-rimedju amministrattiv stabbilit mill-Artikolu 62(1) ta’ dan ir-regolament, fuq kull tilwima relatata mad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Klassi ta’ Skola Ewropea li ma jawtorizzax il-passaġġ ta’ student għal klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju u li tali ġurisdizzjoni esklużiva ma tiksirx l-Artikolu 27(2) taċ-CSEE.
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li tali interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti taċ-CSEE u tar-RGEE tal‑2014 ma tippreġudikax id-dritt tal-persuni kkonċernati għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
Fir-rigward taċ-CSEE, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni għandhom fl-istess ħin jirregolaw l-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni u jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni u osservati mill-korpi stabbiliti mill-imsemmija konvenzjoni meta dawn il-korpi jeżerċitaw il-kompetenzi li jirriżultaw mir-regoli stabbiliti minnha u jadottaw atti konformement mad-dispożizzjonijiet tagħha. Kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-Bord tal-Ilmenti prodotti mill-Iskola Ewropea ta’ Varese, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 62(1) tar-RGEE tal‑2014, minkejja li ddedikati għall-azzjoni amministrattiva miftuħa quddiem is-Segretarju Ġenerali, jikkundizzjonaw ukoll, konsegwentement, il-portata tal-kompetenza ġudizzjarja ta’ dan il-bord fil-każ ta’ appell ippreżentat mir-rappreżentanti legali tal-istudent kontra deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali li ċaħdet l-azzjoni amministrattiva inizjalment ippreżentata quddiem dan tal-aħħar.
Issa, rikors ġudizzjarju, anki jekk delimitat b’dan il-mod, ma jippreġudikax il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn bi “ksur ta’ regola ta’ dritt dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-promozzjoni għall-klassi li jmiss”, fis-sens tal-Artikolu 62(1) tar-RGEE tal‑2014, wieħed għandu jifhem, f’sens wiesa’, il-ksur ta’ kull regola kemm strettament proċedurali kif ukoll sostantiva li għandha neċessarjament tirregola d-deliberazzjonijiet tal-kunsilli tal-klassi. Fost tali regoli hemm, b’mod partikolari, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli li l-Bord tal-Ilmenti għandu, konsegwentement, jiżgura l-osservanza tagħhom meta jiġi adit b’rikors li jirrigwarda deċiżjoni tal-kunsill tal-klassi li ma jawtorizzax il-passaġġ minn student fil-klassi li jmiss.
Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ eżerċitat minn dan il-Bord tal-Ilmenti relatat mal-motivazzjoni ta’ tali deċiżjoni tal-kunsill tal-klassi, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ għalhekk, b’mod partikolari, li, bla ħsara għall-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ inerenti għall-funzjoni ta’ deliberazzjoni mogħtija lill-kunsill tal-klassi, tali stħarriġ jirrigwarda, tal-inqas, il-verifika tal-assenza ta’ eċċess jew ta’ użu ħażin ta’ poter, ta’ żball ta’ liġi jew ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.
( 1 ) Abbażi tal-Artikolu 41 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Taljan, li jipprovdi: “Sakemm il-kawża ma tkunx ġiet deċiża fil-mertu fl-ewwel istanza, kull parti tista’ titlob lill-Awli Magħquda tal-(Corte Suprema di cassazione (Qorti Suprema tal-Kassazzjoni)) jsolvu l-kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni [...]”.
( 2 ) Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, konkluża fil-Lussemburgu fil 21 ta’ Ġunju 1994 bejn l-Istati Membri u l-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 16). Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE, “il-Bord ta’ l-Ilmenti jkollu ġurisdizzjoni esklużiva fil-prim’istanza u fl-aħħar istanza, wara li jkun sar użu mill-kanali kollha amministrattivi, f’kull tilwima li tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni għall-persuni kollha li huma koperti biha ħlief persunal amministrattiv u anċillari, u rigward il-legalità ta’ kull att ibbażat fuq il-Konvenzjoni jew regoli magħmulin taħtha, li jaffettwaw ħażin dwak il-persuni, mwettqa mill-Bord tal-Gvernaturi jew mill-Bord Amministrattiv ta’ skola fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom kif speċifikat [bl-istess] Konvenzjoni.
( 3 ) Ir-Regolament Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej, fil-verżjoni tiegħu Nru 2014–03-D-14-fr-11. Skont l-Artikolu 67(1) tar-RGEE tal-2014, “[i]d-deċiżjonijiet amministrattivi, espliċiti jew impliċiti, meħuda dwar ir-rikorsi msemmija fl-artikolu preċedenti jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors kontenzjuż ippreżentat mir-rappreżentanti legali tal-istudenti, direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Bord tal-Ilmenti previst fl-Artikolu 27 taċ-[CSEE].
( 4 ) Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), sentenza tal‑15 ta’ Marzu 1999, ECLI:IT:CASS:1999:138CIV.
( 5 ) Skont id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6, tal-Artikolu 27(1), (2) u (7) taċ-CSEE.
( 6 ) Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2015, Oberto u O’Leary (C‑464/13 u C‑465/13, EU:C:2015:163), iktar ’il quddiem is-“sentenza Oberto u O’Leary”.
( 7 ) Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331).
( 8 ) Skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE u tal-Artikoli 61, 62, 66 u 67 tar-RGEE tal‑2014.
( 9 ) Artikolu 61(1), Artikolu 62(1) u (2), Artikolu 66(1) u (5) u Artikolu 67(1) tar-RGEE tal‑2014.