EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0402

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Lulju 2023.
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid vs M.A.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/95/UE – Standards dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 14(4)(b) – Revoka tal-istatus ta’ refuġjat – Ċittadin ta’ pajjiż terz ikkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju – Theddida għas-soċjetà – Stħarriġ tal-proporzjonalità.
Kawża C-402/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:543

Kawża C‑402/22

Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

M.A.

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi))

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas‑6 ta’ Lulju 2023

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/95/UE – Standards dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 14(4)(b) – Revoka tal-istatus ta’ refuġjat – Ċittadin ta’ pajjiż terz ikkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju – Theddida għas-soċjetà – Stħarriġ tal-proporzjonalità”

  1. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Revoka, tmiem tal-istatus ta’ refuġjat jew rifjut ta’ tiġdid tiegħu – Delitt partikolarment serju – Kunċett – Delitt li huwa ta’ serjetà eċċezzjonali, li jagħmel parti mid-delitti li l-iktar jippreġudikaw l-ordinament ġuridiku tas-soċjetà kkonċernata – Kriterji ta’ evalwazzjoni tas-serjetà

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, premessa 12 u Artikoli 1, 12(2)(b), 14(4)(b), 17(1)(b) u (3) u l-Artikoli 21(2)(b))

    (ara l-punti 24 sa 26, 29, 31, 33 sa 45, 48, u d-dispożittiv 1)

  2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Revoka, tmiem tal-istatus ta’ refuġjat jew rifjut ta’ tiġdid tiegħu – Theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti – Theddida stabbilita sempliċement minħabba l-kundanna tal-persuna kkonċernata permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju – Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikolu 14(4)(b))

    (ara l-punti 50 sa 52, u d-dispożittiv 2)

  3. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Revoka, tmiem tal-istatus ta’ refuġjat jew rifjut ta’ tiġdid tiegħu – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti – Theddida li għandha tkun ta’ natura reali, attwali u suffiċjentement serja – Revoka tal-istatus ta’ refuġjat li għandha tikkostitwixxi miżura proporzjonata għat-theddida

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikolu 14(4)(b))

    (ara l-punti 54 sa 56, u d-dispożittiv 3)

Sunt

Fil-kuntest tal-kawża Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li wettaq delitt serju) (C‑663/21), f’Diċembru 2015, AA ngħata l-istatus ta’ refuġjat fl-Awstrija. Bejn Marzu 2018 u Ottubru 2020, huwa ġie kkundannat diversi drabi għal pieni ta’ priġunerija u kkundannat għall-ħlas ta’ multa għal diversi delitti li jinkludu, b’mod partikolari, dawk ta’ theddid serju, ta’ distruzzjoni jew ta’ degradazzjoni tal-proprjetà ta’ ħaddieħor, ta’ użu pprojbit ta’ drogi, ta’ traffikar ta’ drogi, ta’ offiża fuq il-persuna, kif ukoll ta’ aġir aggressiv fil-konfront ta’ uffiċjal tal-pulizija.

Permezz ta’ deċiżjoni adottata f’Settembru 2019, l-awtorità kompetenti Awstrijaka rtirat l-istatus ta’ refuġjat ta’ AA, ħadet deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ residenza fil-konfront tiegħu u ffissat terminu għal tluq volontarju, filwaqt li ddikjarat li t-tneħħija tiegħu ma kinitx awtorizzata.

Wara rikors ippreżentat minn AA, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), permezz ta’ sentenza mogħtija f’Mejju 2021, annullat id-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq ta’ Settembru 2019. Din il-qorti kkonstatat li AA kien ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali talli wettaq delitt partikolarment serju u li huwa kien ta’ theddida għas-soċjetà. Madankollu, hija qieset li kellhom jiġu bbilanċjati l-interessi tal-Istat Membru ospitanti u dawk tal-persuna kkonċernata li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri li hija kienet ser tiġi esposta għalihom li kieku kellha tiġi rrevokata din il-protezzjoni. Issa, peress li AA, li kieku kellu jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, kien ikun f’riskju ta’ tortura jew ta’ mewt, l-imsemmija qorti qieset li l-interessi tiegħu kienu jipprevalu fuq dawk tal-Awstrija. L-awtorità kompetenti Awstrijaka ppreżentat rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija).

Fil-kuntest tal-kawża Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Refuġjat li wettaq delitt serju) (C‑8/22), fi Frar 2007, XXX ingħata l-istatus ta’ refuġjat fil-Belġju. Permezz ta’ sentenza mogħtija f’Diċembru 2010, huwa ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ 25 sena, b’mod partikolari, għal serq bi vjolenza ta’ diversi oġġetti mobbli u omiċidju volontarju bil-għan li jiġi ffaċilitat dan is-serq jew li jiżgura li ma jiġix ikkastigat għal għemilu.

Permezz ta’ deċiżjoni adottata f’Mejju 2016, l-awtorità kompetenti Belġjana rtiratlu l-istatus ta’ refuġjat. XXX ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) li, permezz ta’ sentenza mogħtija f’Awwissu 2019, ċaħad l-imsemmi rikors. Din il-qorti qieset li l-perikolu li jirrappreżenta XXX għas-soċjetà kien jirriżulta mill-kundanna tiegħu għal delitt partikolarment serju, b’tali mod li l-imsemmija awtorità ma kellhiex l-obbligu li turi li dan jikkostitwixxi perikolu reali, attwali u suffiċjentement serju għas-soċjetà. Għall-kuntrarju, kien XXX li kellu jistabbilixxi li, minkejja din il-kundanna, huwa ma kienx għadu jikkostitwixxi tali perikolu. XXX ippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju).

Fil-kuntest tal-kawża Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Delitt partikolarment serju) (C‑402/22), f’Lulju 2018, M.A. ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. F’Ġunju 2020, l-awtorità kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi ċaħdet din l-applikazzjoni minħabba li l-applikant, matul is-sena 2018, kien ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ 24 xahar talli, matul l-istess lejl, wettaq tliet attentati għall-pudur, tentattiv ta’ attentat għall-pudur u serq ta’ telefon ċellulari.

Wara rikors ippreżentat minn M.A., id-deċiżjoni ta’ Ġunju 2020 ġiet annullata minn qorti tal-ewwel istanza minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. L-awtorità kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi appellat minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi). Hija sostniet, minn naħa, li l-fatti li kien mixli bihom M.A. kellhom jitqiesu li kienu ksur uniku li jikkostitwixxi delitt partikolarment serju u, min-naħa l-oħra, li l-kundanna għal delitt partikolarment serju turi, bħala prinċipju, li M.A. kien ta’ theddida għas-soċjetà.

F’dawn it-tliet kawżi, il-qrati tar-rinviju staqsew lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kundizzjonijiet li kienet suġġetta għalihom ir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 ( 1 ), kif ukoll dwar il-bilanċ, f’dan il-kuntest, bejn l-interessi tal-Istat Membru ospitanti u dawk tal-persuna kkonċernata li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali.

Permezz ta’ dawn it-tliet sentenzi mogħtija fl-istess jum, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal dawn id-domandi, billi fissret, minn naħa, il-kunċetti ta’ “delitt partikolarment serju” u ta’ “theddida għas-soċjetà”, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-portata tal-istħarriġ tal-proporzjonalità li għandu jitwettaq f’dan il-kuntest. Hija spjegat ukoll ir-relazzjoni bejn ir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, qabel kollox, li, sabiex japplika l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet distinti, jiġifieri li, minn naħa, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju u li, min-naħa l-oħra, ikun ġie stabbilit li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru li jkun jinsab fih. Għalhekk, ma jistax jitqies li l-fatt li l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet tkun issodisfatta jkun biżżejjed biex jiġi stabbilit li t-tieni waħda tiġi ssodisfatta wkoll. Tali interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tirriżulta kemm mill-kliem tagħha kif ukoll mill-paragun tagħha mal-kliem tal-Artikolu 12(2)(b) ( 2 ) u dak tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2011/95 ( 3 ).

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-kunċett ta’ “delitt partikolarment serju” għandu, fin-nuqqas ta’ riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tiegħu, normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi. Minn naħa, it-terminu “delitt”, skont is-sens ordinarju tiegħu, jikkaratterizza, f’dan il-kuntest, att jew ommissjoni li jikkostitwixxu ksur serju tal-ordinament ġuridiku tas-soċjetà kkonċernata u li jiġi, minħabba f’hekk, issanzjonat kriminalment bħala tali fi ħdan din is-soċjetà. Min-naħa l-oħra, l-espressjoni “partikolarment serju”, sa fejn iżżid żewġ klassifikazzjonijiet ma’ dan il-kunċett ta’ “delitt”, tirreferi għal delitt ta’ gravità eċċezzjonali.

Fir-rigward tal-kuntest li fih jintuża l-kliem “delitt partikolarment serju”, hemm lok, minn naħa, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/95, li jirreferi għal “delitt serju mhux politiku” u dwar l-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva, li jirreferi għal “delitt serju”, peress li dawn iż-żewġ artikoli għandhom ukoll l-għan li jċaħħdu mill-protezzjoni internazzjonali lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun wettaq delitt li jippreżenta ċertu livell ta’ gravità. Min-naħa l-oħra, mill-paragun tal-Artikoli 12, 14, 17 u 21 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni impona rekwiżiti differenti fir-rigward tal-livell ta’ gravità tad-delitti li jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ esklużjoni jew ta’ revoka tal-protezzjoni internazzjonali jew li jiġi rritornat refuġjat. B’hekk, l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2011/95 isemmi t-twettiq ta’ “delitt wieħed jew aktar” u l-Artikolu 12(2)(b) u l-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva jirreferu għat-twettiq ta’ “delitt serju”. Minn dan jirriżulta li l-użu, fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, tal-espressjoni “delitt partikolarment serju” jixhed l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għas-sodisfazzjon, b’mod partikolari, ta’ kundizzjoni partikolarment rigoruża, marbuta mal-eżistenza ta’ kundanna definittiva għal delitt li jippreżenta gravità eċċezzjonali, superjuri għal dik tad-delitti li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ta’ din id-direttiva.

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ gravità ta’ delitt fid-dawl tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, din għandha, mingħajr dubju, issir abbażi ta’ standard u ta’ kriterji komuni. Madankollu, sa fejn id-dritt kriminali tal-Istati Membri ma huwiex is-suġġett ta’ miżuri ġenerali ta’ armonizzazzjoni, hija għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għażliet magħmula, fil-kuntest tas-sistema kriminali tal-Istat Membru kkonċernat, fir-rigward tal-identifikazzjoni tad-delitti li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, jippreżentaw gravità eċċezzjonali, sa fejn dawn ikunu l-iktar ta’ ħsara għall-ordinament ġuridiku tas-soċjetà.

Fi kwalunkwe każ, peress li din id-dispożizzjoni tirreferi għal kundanna definittiva għal “delitt partikolarment serju” fis-singular, il-livell ta’ gravità ta’ delitt ma jistax jintlaħaq permezz ta’ kumulu ta’ reati distinti li ebda wieħed minnhom ma jikkostitwixxi delitt partikolarment serju.

Fl-aħħar nett, sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ gravità ta’ tali delitt, għandhom jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandhom rilevanza sinjifikattiva, b’mod partikolari, il-motivi tad-deċiżjoni ta’ kundanna, in-natura, kif ukoll l-ammont tal-piena inflitta u l-piena mogħtija, in-natura tad-delitt, iċ-ċirkustanzi kollha tat-twettiq ta’ dan id-delitt, in-natura intenzjonali jew le ta’ dan id-delitt, kif ukoll in-natura u l-portata tad-danni li huwa jkun ikkawża.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, marbuta mal-fatt li jkun ġie stabbilit li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fl-ewwel lok, li miżura msemmija fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 tista’ tiġi adottata biss meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal xi interess fundamentali tas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, b’mod partikolari, li mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tapplika biss meta dan iċ-ċittadin “jikkostitwixxi” theddida għas-soċjetà, fatt li jindika li din it-theddida għandha tkun reali u attwali. Għaldaqstant, iktar ma deċiżjoni skont din id-dispożizzjoni ddum ma tittieħed minn meta tinqata’ l-kundanna definittiva għal delitt partikolarment serju, iktar għandha l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-iżviluppi li jkunu seħħew wara t-twettiq ta’ tali delitt, sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix theddida reali u suffiċjentement serja fil-ġurnata li fiha hija jkollha tagħti deċiżjoni dwar l-eventwali revoka tal-istatus ta’ refuġjat. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha wkoll, f’dan ir-rigward, fuq il-fatt li minn paragun ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 mal-Artikolu 14(4)(b) tagħha kien jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija suġġetta għal kundizzjonijiet rigorużi.

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rwoli rispettivi tal-awtorità kompetenti u taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tat-theddida, hija l-awtorità kompetenti li, sabiex tapplika l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, għandha twettaq, għal kull każ individwali, evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ. F’dan il-kuntest, din l-awtorità għandha jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha u għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiddetermina s-sens tad-deċiżjoni tagħha kif ukoll sabiex timmotivaha b’mod sħiħ.

Fl-aħħar lok, il-possibbiltà għall-Istat Membru li jadotta l-miżura prevista fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandha tiġi eżerċitata b’osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika bilanċ bejn, minn naħa, it-theddida li jikkostitwixxi ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għas-soċjetà tal-Istat Membru li jkun jinsab fih u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet li għandhom jiġu ggarantiti lill-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sostantivi tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tara jekk ikunx possibbli li jiġu adottati miżuri oħra inqas ta’ ħsara għad-drittijiet iggarantiti lir-refuġjati u għad-drittijiet fundamentali li jkunu daqstant ieħor effettivi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

Madankollu, meta tadotta tali miżura, l-imsemmija awtorità ma hijiex obbligata, barra minn hekk, li tivverifika li l-interess pubbliku li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jipprevali fuq l-interess ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jżomm il-protezzjoni internazzjonali, fid-dawl tal-portata u tan-natura tal-miżuri li dan tal-aħħar jista’ jiġi espost għalihom li kieku kellu jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Fil-fatt, il-konsegwenzi, għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew għas-soċjetà tal-Istat Membru li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jinsab fih, tar-ritorn eventwali tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma humiex intiżi li jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ revoka tal-istatut ta’ refuġjat, iżda, jekk ikun il-każ, meta l-awtorità kompetenti tkun biħsiebha tieħu deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jikkorrispondi parzjalment għar-raġunijiet ta’ tkeċċija li jinsabu fl-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 4 ). Għalhekk, sa fejn tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tipprevedi, fil-każijiet imsemmija fiha, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrevokaw l-istatus ta’ refuġjat, filwaqt li tat-tieni tippermetti r-ritorn ta’ refuġjat li jinsab f’wieħed minn dawn il-każijiet lejn pajjiż li fih ħajtu jew il-libertà tiegħu tiġi mhedda, id-dritt tal-Unjoni jipprevedi protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati kkonċernati iktar wiesgħa minn dik żgurata mill-Konvenzjoni ta’ Genève. Konsegwentement, l-awtorità kompetenti tista’, konformement mad-dritt tal-Unjoni, tkun intitolata tirrevoka, skont l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, l-istatus ta’ refuġjat mogħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz, mingħajr madankollu ma tkun neċessarjament awtorizzata li tneħħi lil dan tal-aħħar lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Barra minn hekk, tali tneħħija timplika, mil-lat proċedurali, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, b’osservanza tal-garanziji sostantivi u proċedurali previsti mid-Direttiva 2008/115 ( 5 ), li tipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5 tagħha, li l-Istati Membri, meta jiġu biex jimplimentaw din id-direttiva, huma marbuta josservaw il-prinċipju ta’ non‑refoulement. Għaldaqstant, ir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, skont l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95, ma tistax titqies li timplika t-teħid ta’ pożizzjoni fir-rigward tal-kwistjoni distinta dwar jekk din il-persuna tistax titneħħa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi li tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fejn ikun stabbilit li t-tneħħija ta’ dan tal-aħħar lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni previst tkun, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ non‑refoulement, eskluża għal żmien indeterminat.


( 1 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9). L-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva jipprovdi li “[l]-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta: […] hija, wara li tkun instabet ħatja minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikkostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru”.

( 2 ) L-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi b’mod espliċitu li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi eskluż mill-istatus ta’ refuġjat meta huwa jkun wettaq delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż ta’ refuġju qabel ma jitħalla jidħol bħala refuġjat, mingħajr ma jeżiġi bl-ebda mod li dan tal-aħħar ikun ta’ perikolu għas-soċjetà tal-Istat Membru li jinsab fih.

( 3 ) L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2011/95, dwar l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja, li tista’ toffri protezzjoni iktar limitata mill-istatus ta’ refuġjat, jirreferi, fis-subparagrafu (b) tiegħu, għat-twettiq ta’ delitt serju u, fis-subparagrafu (d) tiegħu, għall-eżistenza ta’ theddida għas-soċjetà, liema elementi huma ppreżentati b’mod espliċitu bħala kundizzjonijiet alternattivi li kull waħda minnhom, meħuda waħedha, timplika l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja.

( 4 ) L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954, ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”) jipprovdi: “1. Ebda wieħed mill-Istati Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jirritorna (‘refouler’), bi kwalunkwe mod, refuġjat lejn il-fruntieri tat-territorji fejn il-ħajja jew il-libertà tiegħu tkun mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-appartenenza tiegħu fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tiegħu. 2. Madankollu, il-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi invokat minn refuġjat li fir-rigward tiegħu jkun hemm raġunijiet serji li jitqies li jkun perikolu għas-sigurtà tal-pajjiż fejn ikun jinsab jew li, minħabba li kien is-suġġett ta’ kundanna definittiva għal delitt partikolarment serju, jikkostitwixxi theddida għall-komunità tal-imsemmi pajjiż.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 5 ) Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98)

Top