EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0363

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-11 ta’ Jannar 2024.
Planistat Europe u Hervé-Patrick Charlot vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1073/1999 – Investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew tal-Ġlieda ta’ kontra l-Frodi (OLAF) – Investigazzjoni esterna tal-OLAF – Kawża ‘Eurostat’ – Trażmissjoni mill-OLAF lil awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali ta’ informazzjoni relatata ma’ fatti suġġetti għal proċeduri kriminali qabel tmiem l-investigazzjoni – Tressiq ta’ lment mill-Kummissjoni Ewropea qabel tmiem l-investigazzjoni mill-OLAF – Proċedura kriminali nazzjonali – Deċiżjoni definittiva li tikkonstata li ma hemmx lok li jitkomplew il-proċeduri – Kunċett ta’ ‘nuqqas ta’ ksur ikkaratterizzat’ minn dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi – Danni morali u materjali allegatament imġarrba mir-rikorrenti – Rikors għad-danni.
Kawża C-363/22 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:20

Kawża C‑363/22 P

Planistat Europe u
Hervé-Patrick Charlot

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) tal‑11 ta’ Jannar 2024

“Appell – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1073/1999 – Investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew tal-Ġlieda ta’ kontra l-Frodi (OLAF) – Investigazzjoni esterna tal-OLAF – Kawża ‘Eurostat’ – Trażmissjoni mill-OLAF lil awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali ta’ informazzjoni relatata ma’ fatti suġġetti għal proċeduri kriminali qabel tmiem l-investigazzjoni – Tressiq ta’ lment mill-Kummissjoni Ewropea qabel tmiem l-investigazzjoni mill-OLAF– Proċedura kriminali nazzjonali – Deċiżjoni definittiva li tikkonstata li ma hemmx lok li jitkomplew il-proċeduri – Kunċett ta’ ‘nuqqas ta’ ksur ikkaratterizzat’ minn dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi – Danni morali u materjali allegatament imġarrba mir-rikorrenti – Rikors għad-danni”

  1. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunċett – Dritt għal amministrazzjoni tajba u obbligu ta’ diliġenza – Trażmissjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) lil awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali ta’ informazzjoni dwar fatti li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali qabel it-tmiem tal-investigazzjoni tal-OLAF – Assenza ta’ eżami mill-Qorti Ġenerali tal-kredibbiltà u tal-kontenut ta’ din l-informazzjoni – Assenza ta’ eżami mill-Qorti Ġenerali tal-intenzjoni ta’ din it-trażmissjoni fid-dawl tal-ftuħ ta’ investigazzjoni ġudizzjarja – Żball ta’ liġi

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Artikolu 41; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, premessi 1, 5, 10 u 13 u Artikoli 9 u 10)

    (ara l-punti 66 sa 80, 93, 94)

  2. Appell – Appell meqjus fondat – Riżoluzzjoni tat-tilwima fuq il-mertu mill-qorti tal-appell – Kundizzjoni – Kawża fi stat li tista’ tiġi deċiża – Assenza – Rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61)

    (ara l-punt 95)

Sunt

Billi laqgħet parzjalment l-appell ippreżentat minn Planistat Europe SARL u H‑V. Charlot (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża Planistat Europe u Charlot vs Il‑Kummissjoni ( 1 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod partikolari dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandha twettaq il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikors għad-danni mhux kuntrattwali, ibbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, minn naħa, meta l-Uffiċċju Ewropew tal-Ġlieda ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) bagħat, skont ir-Regolament Nru 1073/1999 ( 2 ), informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u wettaq allegata kalunnja, filwaqt li, sussegwentement, il-qrati nazzjonali ddeċidew li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni kontra l-persuni kkonċernati u, min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni Ewropea ressqet ilment b’kostituzzjoni parti ċivili f’din il-kawża.

Matul is-sena 1996, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat) ħoloq network ta’ punti ta’ bejgħ ta’ informazzjoni statistika (datashops). Fl-Istati Membri, dawn id-datashops, li ma kellhomx personalità ġuridika, kienu bħala prinċipju integrati fl-istituti nazzjonali tal-istatistika bl-eċċezzjoni tal-Belġju, Spanja u l-Lussemburgu, fejn dawn kienu ġestiti minn kumpanniji kummerċjali. Mill‑1996 sal‑1999, Planistat Europe, immexxija minn H‑V. Charlot, ibbenefikat minn kuntratti qafas iffirmati ma’ Eurostat għal diversi servizzi, inkluż b’mod partikolari t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fi ħdan id-datashops. Mill‑1 ta’ Jannar 2000, Planistat Europe ġiet fdata bil-ġestjoni tad-datashops ta’ Brussell (il-Belġju), ta’ Madrid (Spanja) u tal-Lussemburgu (il-Lussemburgu).

F’Settembru tal‑1999, is-Servizz tal-Awditjar Intern ta’ Eurostat wettaq rapport li kkonstata irregolaritajiet minn Planistat Europe fil-ġestjoni tad-datashops. Fis‑17 ta’ Marzu 2000, il-Kummissjoni bagħtet dan ir-rapport lill-OLAF. Fit‑18 ta’ Marzu 2003, wara investigazzjoni interna, dan tal-aħħar iddeċieda li jiftaħ investigazzjoni esterna fir-rigward ta’ Planistat Europe u bagħat, l-għada, lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi informazzjoni dwar fatti li jistgħu, fil-fehma tiegħu, jiġu kkwalifikati bħala kriminali fil-kuntest tal-investigazzjoni pendenti (iktar ’il quddiem in-“nota tad‑19 ta’ Marzu 2003”). Fuq din il-bażi, fl‑4 ta’ April 2003, il-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Pariġi (Franza) fetaħ proċeduri quddiem il-juge d’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Istruttorja tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza) għal riċettazzjoni u kompliċità fi approprjazzjoni indebita. Din it-trażmissjoni ssemmiet fl-istampa f’Mejju 2003.

Sussegwentement, il-Kummissjoni u l-OLAF ippubblikaw diversi stqarrijiet għall-istampa, li tnejn minnhom kienu jsemmu lil Planistat Europe. Fil-fatt, l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ Lulju 2003 rreferiet għall-ewwel darba għal Planistat Europe, filwaqt li f’dik tat‑23 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li xxolji l-kuntratti konklużi magħha. Fl‑10 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni ressqet ilment kontra X b’kostituzzjoni bħala parti ċivili quddiem il-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Pariġi minħabba reat ta’ frodi u r-reati l-oħra kollha li setgħu jiġu dedotti mill-fatti msemmija fl-ilment. Fl‑10 ta’ Settembru 2003, Charlot tqiegħed taħt investigazzjoni għal approprjazzjoni indebita u riċettazzjoni. Fit‑23 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni xoljiet il-kuntratti konklużi ma’ Planistat Europe. Fil‑25 ta’ Settembru 2003, l-OLAF għalaq kemm l-investigazzjoni interna kif ukoll l-investigazzjoni esterna.

Fid‑9 ta’ Settembru 2013, il-juge d’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Istruttorja tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi), tat digriet li ma jitressqux proċeduri fir-rigward tal-persuni kollha li tqiegħdu taħt investigazzjoni fil-kuntest tal-proċedura kriminali, u li ġie appellat mill-Kummissjoni. Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Ġunju 2014, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni filwaqt li kkonfermat id-digriet li ma jitressqux proċeduri. Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2016, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni mis-sentenza ta’ appell, u b’hekk intemmu l-proċeduri ġudizzjarji.

Fl‑10 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti bagħtu ittra ta’ intimazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tħallashom is-somma ta’ flus bħala kumpens għad-danni allegatament imġarrba, b’mod partikolari minħabba l-ilment imressaq u minħabba l-istqarrijiet għall-istampa ppubblikati dwar is-suġġett. Fil‑15 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba għaliex qieset li l-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea ma ġewx issodisfatti.

Għalhekk, ir-rikorrenti adixxew lill-Qorti Ġenerali b’rikors ibbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE, intiż sabiex jinkiseb kumpens, minn naħa, għad-dannu morali subit minn H‑V. Charlot minħabba t-trażmissjoni mill-OLAF lill-awtoritajiet nazzjonali tan-nota tad‑19 ta’ Marzu 2003 kif ukoll l-ilment imressaq mill-Kummissjoni quddiem dawn l-awtoritajiet qabel ma ngħalqet l-investigazzjoni tal-OLAF u, min-naħa l-oħra, għad-dannu materjali li jirriżulta mix-xoljiment tal-kuntratti konklużi bejn Planistat Europe u l-Kummissjoni. Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti sostnew li l-OLAF u l-Kummissjoni kienu kisru b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Skont ir-rikorrenti, l-iżbalji mwettqa mill-OLAF u mill-Kummissjoni kellhom rabta kawżali diretta mad-danni morali u materjali li għalihom huma talbu kumpens. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom bħala inammissibbli minħabba l-preskrizzjoni ta’ ħames snin prevista fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn dan kien jirrigwarda l-kumpens għad-dannu materjali u dak tad-dannu morali li jirriżulta mill-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-isem ta’H‑V. Charlot. Fir-rigward tal-kumplament, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat sa fejn dan kien intiż għall-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-proċeduri kriminali mibdija kontrih quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi. Ir-rikorrenti għalhekk ippreżentaw appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Wara li ċaħdet l-argumenti tal-appellanti intiżi sabiex jikkontestaw l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-regoli tal-preskrizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, fir-rigward tal-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-proċeduri kriminali mibdija quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, li, fost il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hemm ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi. Tali ksur huwa stabbilit meta dan jimplika nuqqas manifest u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, li tosserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. L-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma l-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li d-dispożizzjoni miksura tħalli lill-awtorità tal-Unjoni. Id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jinkludi obbligu ta’ diliġenza tal-amministrazzjoni tal-Unjoni, li għandha taġixxi b’attenzjoni u prudenza, peress li l-ksur ta’ dan l-obbligu jikkostitwixxi ksur ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-implikazzjonijiet tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ diliġenza fuq il-possibbiltà tal-OLAF li jibgħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1073/1999 jirriżulta li “l-[OLAF] jista’ f’kull ħin jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri nteressati l-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni”. Mill-premessa 1 ta’ dan ir-regolament jirriżulta wkoll li din il-possibbiltà għandha tiġi eżerċitata fid-dawl tal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-ġlieda kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Barra minn hekk, skont il-premessa 5 tal-imsemmi regolament, ir-responsabbiltà tal-OLAF tikkonċerna, lil hinn mill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji, l-attivitajiet kollha marbuta mas-salvagwardja tal-interessi tal-Unjoni kontra aġir irregolari li jista’ jwassal għal prosekuzzjoni amministrattiva jew kriminali. Huwa għalhekk sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet li l-OLAF iwettaq investigazzjonijiet interni u esterni, li r-riżultati tagħhom huma, skont l-Artikolu 9 tal-istess regolament, ippreżentati f’rapport ta’ investigazzjoni mibgħut lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, fil-każ ta’ investigazzjoni esterna, jew lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu kkonċernat, fil-każ ta’ investigazzjoni interna, konformement, rispettivament, mal-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-artikolu.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li mill-Artikolu 9(2) tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq jirriżulta li r-rapporti mfassla mill-OLAF “jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali”. Minn dan isegwi, kif tikkonferma l-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, li l-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni tal-OLAF li jinsabu f’rapport finali ma jistgħux iwasslu awtomatikament għall-ftuħ ta’ proċeduri ġudizzjarji, peress li l-awtoritajiet kompetenti huma liberi li jiddeċiedu dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward ta’ dan ir-rapport u għalhekk huma l-uniċi awtoritajiet li jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tal-persuni li fir-rigward tagħhom l-imsemmi rapport irrakkomanda li jinbdew tali proċeduri. Fil-fatt, l-elementi pprovduti mill-OLAF jistgħu jiġu ssupplimentati u vverifikati mill-awtoritajiet nazzjonali, li għandhom firxa usa’ ta’ setgħat investigattivi minn dan l-uffiċċju.

Għalhekk, minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi li, għalkemm huwa minnu li l-OLAF għandu mhux biss il-fakultà, iżda wkoll l-obbligu li jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, inklużi dawk ġudizzjarji, anki qabel l-għeluq tal-investigazzjoni tiegħu u r-redazzjoni tar-rapport finali, kull informazzjoni rilevanti, li tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri minn dawn l-awtoritajiet, inkluż il-ftuħ ta’ investigazzjoni kriminali, xorta jibqa’ l-fatt li, meta jieħu d-deċiżjoni li jipproċedi għal tali trażmissjoni, l-OLAF għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu u jeżerċita ċerta prudenza, sa fejn dan l-uffiċċju ma jaġixxix bħala “informatur kwalunkwe”, iżda bħala uffiċċju li għandu setgħat investigattivi, u li tali trażmissjoni ta’ informazzjoni sseħħ bejn żewġ awtoritajiet li għandhom tali setgħat. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-fatt li l-każ jitressaq quddiem l-awtoritajiet nazzjonali jista’ jservi bħala bażi għall-ftuħ ta’ proċeduri ġudizzjarji, ċivili u kriminali.

Minn dan jirriżulta li, sabiex josserva l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu, l-OLAF għandu, qabel ma jibgħat, skont ir-Regolament Nru 1073/1999, informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali, jiżgura ruħu, konformement mal-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, li din l-informazzjoni tippreżenta grad ta’ plawżibbiltà u ta’ probabbiltà suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni, minn dawn l-awtoritajiet, ta’ miżuri li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, inkluż il-ftuħ, jekk ikun il-każ, ta’ investigazzjoni ġudizzjarja. Minn dan jirriżulta li, meta, bħal f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tintalab tiddetermina jekk l-OLAF osservax l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu fir-rigward tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali, hija għandha tivverifika li, fil-mument ta’ din it-trażmissjoni, l-OLAF kellu iktar elementi minn sempliċi dubju, mingħajr madankollu ma jeżiġi prova kkaratterizzata li ma teħtieġx iktar atti ta’ investigazzjoni.

Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija l-Qorti Ġenerali, minn naħa, li għandha tivverifika l-kredibbiltà u l-kontenut tal-informazzjoni jew tal-elementi li jinsabu fin-nota tad‑19 ta’ Marzu 2003 kif ukoll l-intenzjoni li biha saret it-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dawn l-elementi lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u, min-naħa l-oħra, li tiddetermina jekk l-imsemmija informazzjoni jew l-imsemmija elementi setgħux jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni ġudizzjarja jew jikkostitwixxux provi utli għal tali investigazzjoni. Għal dan il-għan, hija l-Qorti Ġenerali li kellha tistabbilixxi jekk l-OLAF kellux indizji materjali preċiżi biżżejjed li juru li kien hemm raġunijiet plawżibbli biex jitqies li l-informazzjoni trażmessa kien fiha fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala kriminali.

Peress li l-Qorti Ġenerali la vverifikat il-kredibbiltà u l-kontenut tal-informazzjoni jew tal-elementi li jinsabu fin-nota tad‑19 ta’ Marzu 2003, la l-intenzjoni li biha saret it-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dawn l-elementi lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, u lanqas jekk l-imsemmija informazzjoni jew l-imsemmija elementi setgħux jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni ġudizzjarja jew jikkostitwixxu provi utli għal tali investigazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Barra minn hekk, hija tiddeċiedi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet bħala ineffettiv l-argument tar-rikorrenti li jikkritikaw lill-OLAF u lill-Kummissjoni li wettqu denunzja kalunnja.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti, sa fejn kien intiż għall-kumpens għad-dannu morali allegatament subit minn H‑V. Charlot minħabba l-proċeduri kriminali mibdija kontrih quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi. Hija tiċħad il-kumplament tal-appell.

Filwaqt li rrilevat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx hemm ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, mingħajr ma wettqet eżami tal-kundizzjonijiet l-oħra li huma kumulattivament neċessarji sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li din il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża.

Konsegwentement, hija tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex tkun tista’ twettaq eżami mill-ġdid tal-eventwali eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha. Jekk dan l-eżami jiżvela l-eżistenza ta’ tali ksur, hija l-Qorti Ġenerali li għandha twettaq l-eżami tal-kundizzjonijiet l-oħra neċessarji sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.


( 1 ) Sentenza tas‑6 ta’ April 2022, Planistat Europe u Charlot vs Il‑Kummissjoni (T‑735/20, EU:T: 2022: 220).

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999 (KE) tal‑25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew tal-Ġlieda ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91).

Top