EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0106

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Lulju 2023.
Xella Magyarország Építőanyagipari Kft. vs Innovációs és Technológiai Miniszter.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Libertà ta’ stabbiliment – Regolament (UE) 2019/452 – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-investimenti barranin f’impriżi residenti meqjusa bħala ‘strateġiċi’ – Deċiżjoni meħuda abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni, li tipprojbixxi l-akkwist minn kumpannija residenti tal-ishma kollha ta’ kumpannija residenti oħra – Impriża akkwistata meqjusa bħala ‘strateġika’ minħabba li l-attività prinċipali tagħha tikkonċerna l-estrazzjoni minerarja ta’ ċerti materji primi bażiċi bħaż-żrar, ir-ramel u t-tafal – Impriża akkwirenti meqjusa bħala ‘investitur barrani’ minħabba li tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji li l-kumpannija holding tagħhom hija stabbilita f’pajjiż terz – Preġudizzju jew riskju ta’ preġudizzju għall- interessi tal-Istat, għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru – Għan intiż li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima bażika għall-benefiċċju tas-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell reġjonali.
Kawża C-106/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:568

Kawża C‑106/22

Xella Magyarország Építőanyagipari Kft.

vs

Innovációs és Technológiai Miniszter

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Lulju 2023

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Libertà ta’ stabbiliment – Regolament (UE) 2019/452 – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-investimenti barranin f’impriżi residenti meqjusa bħala ‘strateġiċi’ – Deċiżjoni meħuda abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni, li tipprojbixxi l-akkwist minn kumpannija residenti tal-ishma kollha ta’ kumpannija residenti oħra – Impriża akkwistata meqjusa bħala ‘strateġika’ minħabba li l-attività prinċipali tagħha tikkonċerna l-estrazzjoni minerarja ta’ ċerti materji primi bażiċi bħaż-żrar, ir-ramel u t-tafal – Impriża akkwirenti meqjusa bħala ‘investitur barrani’ minħabba li tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji li l-kumpannija holding tagħhom hija stabbilita f’pajjiż terz – Preġudizzju jew riskju ta’ preġudizzju għall- interessi tal-Istat, għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru – Għan intiż li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima bażika għall-benefiċċju tas-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell reġjonali”

  1. Politika kummerċjali komuni – Skrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea – Regolament 2019/452. – Kamp ta’ applikazzjoni – Investimenti magħmula minn impriżi ta’ Stat Membru suġġetti għal influwenza determinanti minn impriża ta’ pajjiż terz – Esklużjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/452)

    (ara l-punti 32 sa 34)

  2. Libertà ta’ stabbiliment – Kumpannija inkorporata skont il-liġijiet ta’ Stat Membru u li għandha l-uffiċċju rreġistrat jew l-uffiċċju reali tagħha hemmhekk – Determinazzjoni tar-rabta mas-sistema legali ta’ Stat Membru – Post tal-uffiċċju rreġistrat, tal-amministrazzjoni ċentrali jew tal-istabbiliment prinċipali tal-kumpanniji – Stabbiliment tad-dritt tal-kumpannija li tinvoka l-libertà ta’ stabbiliment – Kriterji – Post tal-uffiċċju rreġistrat u rabta mas-sistema legali – Nazzjonalità tal-azzjonisti – Assenza ta’ effett

    (Artikolu 54 TFUE)

    (ara l-punti 45 sa 49)

  3. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Domanda magħmula dwar tilwima li qamet fi Stat Membru wieħed biss – Kumpannija akkwirenti u kumpannija akkwistata li huma kumpanniji residenti fl-istess Stat Membru – Kumpannija akkwirenti li tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji stabbiliti, b’mod partikolari, fi Stati Membri differenti – Ġurisdizzjoni fid-dawl tal-istruttura ta’ proprjetà transkonfinali tal-kumpannija residenti akkwirenti ġewwa l-Unjoni

    (Artikolu 54 TFUE)

    (ara l-punti 50 sa 52, 56)

  4. Libertà ta’ stabbiliment – Kumpanniji – Skrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni – Impriżi residenti meqjusa bħala strateġiċi – Interess li tiġi żgurata l-provvista ta’ materja prima bażika – Akkwist minn kumpannija residenti tal-ishma kollha ta’ kumpannija residenti oħra – Impriża akkwistata meqjusa bħala strateġika fid-dawl tal-attività prinċipali tagħha, marbuta mal-provvista ta’ materja prima bażika – Impriża akkwirenti meqjusa bħala investitur barrani minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fi grupp ta’ kumpanniji magħquda flimkien ma’ kumpannija holding stabbilita f’pajjiż terz – Akkwist ipprojbit minħabba l-eventwali preġudizzju għall-interess li tiġi ggarantita l-provvista – Inammissibbiltà

    (Artikoli 49 sa 54 TFUE)

    (ara l-punti 58, 60, 61, 64 sa 68, 74, u d-dispożittiv)

Sunt

Janes és Tár1sa kienet kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż li kellha bħala attività prinċipali l-estrazzjoni minerarja ta’ żrar, ta’ ramel u ta’ tafal fil-barriera tagħha li tinsab f’Lázi (il-Kontea ta’ Győr-Moson-Sopron, distrett ta’ Pannonhalma, l-Ungerija).

Minħabba din l-attività, Janes és Társa kienet ikklassifikata bħala “impriża strateġika”, fis-sens ta’ liġi li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-investimenti barranin. Is-sehem mis-suq tagħha fis-suq Ungeriż tal-produzzjoni tal-materja prima kkonċernata kien ta’ 0.52 %.

Xella Magyarország kienet kumpannija oħra rregolata mid-dritt Ungeriż li kienet tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji li l-kumpannija ewlenija tagħhom kienet stabbilita fil-Bermuda u li kienet tappartjeni, fi tmiem katina, lil ċittadin Irlandiż. Hija kienet topera fis-suq Ungeriż tal-materjali tal-bini u kellha bħala attività prinċipali l-manifattura ta’ elementi ta’ kostruzzjoni fil-konkrit. Hija kienet tixtri madwar 90 % tal-produzzjoni annwali ta’ Janes és Társa għall-ipproċessar, fil-fabbrika tagħha li tinsab qrib il-barriera, ta’ din il-materja prima fi briks tar-ramel u l-ġir.

F’Ottubru 2020, Xella Magyarország ikkonkludiet kuntratt ta’ bejgħ għall-akkwist tal-ishma kollha f’Janes és Társa, u talbet lill-ministru kompetenti jieħu nota tat-tranżazzjoni kkonċernata jew jikkonferma li din il-formalità ma kinitx meħtieġa minħabba l-istruttura tal-proprjetà tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni adottata f’Lulju 2021, l-imsemmi ministru pprojbixxa l-eżekuzzjoni tal-operazzjoni legali kkomunikata, filwaqt li kklassifika lil Xella Magyarország bħala “investitur barrani” minħabba ż-żamma indiretta tagħha minn LSF10 XL Investments, kumpannija rreġistrata f’Bermuda.

Barra minn hekk, l-istess ministru sostna li s-sigurtà u l-prevedibbiltà tal-estrazzjoni u tal-provvista tal-materja prima kienu ta’ importanza strateġika, b’mod partikolari fid-dawl tat-tfixkil serju tal-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista globali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. Fil-fehma tiegħu, il-produzzjoni tal-granulat, bħar-ramel, iż-żrar u t-torba, għas-settur tal-kostruzzjoni, kienet diġà ddominata minn produtturi Ungeriżi b’kapital barrani. Għaldaqstant, l-ipoteżi li Janes és Társa ssir indirettament il-proprjetà ta’ kumpannija rreġistrata f’Bermuda kienet toħloq riskju iktar fit-tul għas-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, li seta’ jippreġudika l-“interessi tal-Istat”, fis-sens wiesa’.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment kienu jipprekludu l-mekkaniżmu ta’ skrinjar tal-investimenti barranin inkwistjoni. Fil-fatt, dan il-mekkaniżmu kien jippermetti li jiġi pprojbit l-akkwist tal-proprjetà ta’ kumpannija residenti meqjusa bħala strateġika minn kumpannija residenti oħra li tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji stabbiliti f’diversi Stati Membri, li fiha impriża ta’ pajjiż terz ikollha influwenza determinanti. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument tal-Gvern Ungeriż li jgħid li tali akkwist jippreġudika jew jirriskja li jippreġudika l-interess tal-Istat li jikkonsisti fil-garanzija tas-sigurtà tal-provvista għall-benefiċċju tas-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali, fir-rigward tal-materja prima bażika.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru jipprojbixxu lil kumpannija tal-Unjoni, għal raġunijiet ta’ sigurtà u ta’ ordni pubbliku, milli takkwista sehem f’kumpannija residenti “strateġika” li jippermettilha teżerċita influwenza ċerta fuq il-ġestjoni u fuq il-kontroll ta’ din l-aħħar kumpannija kienet tikkostitwixxi, manifestament, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ din il-kumpannija tal-Unjoni, f’dan il-każ, restrizzjoni partikolarment serja.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk din ir-restrizzjoni kinitx tista’ tiġi ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont il-ġurisprudenza tagħha, tali ġustifikazzjoni kienet tippreżupponi li r-restrizzjoni tkun xierqa biex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u li ma tmurx lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

F’dan il-każ, l-interess speċifiku inkwistjoni f’dan il-każ, intiż li jiżgura s-sigurtà u l-kontinwità tal-provvista tas-settur tal-kostruzzjoni fir-rigward ta’ ċerta materja prima bażika, seta’ jaqa’ taħt l-Artikolu 52(1) TFUE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika.

Madankollu, skont il-ġurisprudenza, anki jekk l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw, skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika, dawn tal-aħħar jistgħu jiġu invokati biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà.

Fir-rigward speċifikament tal-għan marbut mas-sigurtà tal-provvista favur is-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali, għal dak li jirrigwarda ċerta materja prima bażika, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan ma setax jikkostitwixxi raġuni ta’ sigurtà pubblika u, għaldaqstant, ma setax jiġġustifika eventwalment l-ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’dan il-każ ta’ natura partikolarment serja. Fil-fatt, ma setax jitqies li tali kien għan jaqa’ taħt “interess fundamentali tas-soċjetà”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Barra minn hekk, ma kienx jidher li l-akkwist ipprojbit mid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien effettivament ta’ natura li joħloq “theddida reali u suffiċjentement gravi”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, minn naħa, qabel dan l-akkwist, madwar 90 % tal-produzzjoni tal-materja prima bażika kkonċernata li kienet ġejja mill-barriera tal-kumpannija akkwistata kienet diġà tinxtara mill-kumpannija akkwirenti, filwaqt li l-10 % li kien fadal kienet tinxtara minn impriżi lokali fis-settur tal-kostruzzjoni. Min-naħa l-oħra, kien magħruf li dawn il-materji primi bażiċi kellhom, min-natura tagħhom, valur tas-suq relattivament baxx meta mqabbla, fuq kollox, mal-ispiża tat-trasport tagħhom. Għaldaqstant, ir-riskju ta’ esportazzjoni ta’ parti sinjifikattiva tal-produzzjoni tal-imsemmija materja prima kien jidher ftit probabbli, jew kien saħansitra eskluż fil-prattika.

Top