Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0072

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2022.
    M.A.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil u tal-immigrazzjoni – Direttiva 2011/95/KE – Artikolu 4 – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/KE – Artikoli 6 u 7 – Standards għall-akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 8 – Tqegħid f’detenzjoni tal-applikant – Raġuni għat-tqegħid – Protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku – Tqegħid f’detenzjoni tal-applikant għall-ażil minħabba d-dħul irregolari tiegħu fit-territorju tal-Unjoni.
    Kawża C-72/22 PPU.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:505

    Kawża C‑72/22 PPU

    Valstybės sienos apsaugos tarnyba

    (talba għal deċiżjoni preliminari,
    imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat‑30 ta’ Ġunju 2022

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil u tal-immigrazzjoni – Direttiva 2011/95/KE – Artikolu 4 – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/KE – Artikoli 6 u 7 – Standards għall-akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 8 – Tqegħid f’detenzjoni tal-applikant – Raġuni għat-tqegħid – Protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku – Tqegħid f’detenzjoni tal-applikant għall-ażil minħabba d-dħul irregolari tiegħu fit-territorju tal-Unjoni”

    1. Domandi preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kundizzjonijiet – Persuna mċaħħda mil-libertà – Kunċett – Ċittadin ta’ pajjiż terz imqiegħed f’ċentru ta’ akkomodazzjoni b’restrizzjoni ta’ moviment għall-perimetru ta’ dan il-post – Inklużjoni – Soluzzjoni tat-tilwima li jista’ jkollha effett fuq din iċ-ċaħda ta’ libertà – Applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

      (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23a; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 107; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, 2013/32 u 2013/33)

      (ara l-punti 36 sa 38, 41 sa 45)

    2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Kunċett ta’ detenzjoni – Miżura koerċittiva li ċċaħħad lill-applikant mil-libertà ta’ moviment tiegħu u li tiżolah mill-bqija tal-popolazzjoni billi timponilu li jibqa’ f’perimetru ristrett u magħluq

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/33, Artikolu 2(h))

      (ara l-punt 39)

    3. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Aċċess għall-proċedura – Dikjarazzjoni, minn Stat Membru, tal-istat ta’ gwerra jew tal-istat ta’ emerġenza jew proklamazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza minħabba influss massiv ta’ barranin – Leġiżlazzjoni nazzjonali li di facto ċċaħħad liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment mill-possibbiltà li jkollhom aċċess, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għall-imsemmija proċedura – Inammissibbiltà

      (Artikolu 72 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 18; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 6, 7(1) u 43)

      (ara l-punti 58, 61 sa 64, 70 sa 72, 74, 75, u d-dispożittiv 1)

    4. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Tqegħid f’detenzjoni – Motivi – Dikjarazzjoni, minn Stat membru, tal-istat ta’ gwerra jew tal-istat ta’ emerġenza jew proklamazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza minħabba influss massiv ta’ barranin – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi f’tali każijiet, il-possibbiltà li applikant għall-ażil jitqiegħed f’detenzjoni unikament minħabba r-residenza irregolari tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru – Inammissibbiltà

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 6; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 8 u 9, u 2013/33, premessi 15 u 20, Artikolu 8(2) u (3) u Artikolu 9)

      (ara l-punti 80 sa 84, 86 sa 91, 93, u d-dispożittiv 2)

    Sunt

    Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-leġiżlazzjoni Litwana li skontha, fil-każ ta’ influss massiv ta’ barranin, applikant għall-ażil jista’ jitqiegħed f’detenzjoni unikament minħabba li jirrisjedi irregolarment

    Madankollu, bħala prinċipju huwa l-Istat Membru li lilu l-applikant għall-ażil li jirrisedi irregolament jitlob il-protezzjoni internazzjonali li għandu juri li, minħabba ċirkustanzi speċifiċi, huwa jikkostitwixxi theddida għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku li tiġġustifika d-detenzjoni

    Fit‑2 ta’ Lulju 2021, ir-Repubblika tal-Litwanja ddikjarat sitwazzjoni ta’ emerġenza fit-territorju kollu tagħha. Din id-dikjarazzjoni ġiet segwita, fl‑10 ta’ Novembru 2021, bi proklamazzjoni tal-istat ta’ emerġenza fuq parti minn dan it-territorju minħabba influss massiv ta’ migranti provenjenti, b’mod partikolari, mill-Bjelorussja.

    Fis‑17 ta’ Novembru 2021, M.A., ċittadin ta’ pajjiż terz, ġie arrestat fil-Polonja, flimkien ma’ grupp ta’ persuni provenjenti mil-Litwanja, minħabba li la kellu pussess tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u lanqas il-viża neċessarja sabiex jirrisjedi f’dan l-aħħar Stat Membru u fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk M.A. ġie kkonsensjat lill-awtoritajiet Litwani, li qegħduh f’detenzjoni sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-istatus ġuridiku tiegħu. Fil-jiem wara din il-konsenja, huwa kien immedjatament ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sussegwentement irrepetuta bil-miktub f’Jannar 2022. Madankollu din l-applikazzjoni kienet ġiet miċħuda bħala inammissibbli minħabba li kienet ġiet ippreżentata mingħajr osservanza tal-modalitajiet previsti mil-leġiżlazzjoni Litwana dwar il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoniijet għal protezzjoni internazzjonali f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkawżata mill-influss massiv ta’ barranin ( 1 ). Fil-fatt, skont din il-leġiżlazzjoni, barrani li jkun daħal irregolarment fil-Litwanja ma għandux il-possibbiltà li jippreżenta, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Din l-istess leġiżlazzjoni tipprevedi wkoll li, f’tali sitwazzjoni ta’ emerġenza, barrani jista’ jitqiegħed f’detenzjoni unikament minħabba d-dħul irregolari tiegħu fit-territorju Litwan.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju, adita b’appell minn M.A. mid-deċiżjoni li tipprevedi t-tqegħid f’detenzjoni tiegħu, tfittex li tiddetermina jekk id-Direttivi “proċeduri” ( 2 ) u “akkoljenza” ( 3 ) jipprekludux tali leġiżlazzjoni.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tiddeċiedi skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, taqta’ u tiddeċiedi li d-Direttiva “proċeduri” ( 4 ) tipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li, fil-każ ta’ dikjarazzjoni tal-istat ta’ gwerra jew tal-istat ta’ emerġenza jew fil-każ ta’ proklamazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza minħabba influss massiv ta’ barranin, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari de facto, jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jkollhom aċċess, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għall-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva “akkoljenza” ( 5 ) tipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li, fil-każ ta’ tali dikjarazzjoni jew ta’ tali proklamazzjoni, applikant għall-ażil jista’ jitqiegħed f’detenzjoni unikament peress li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, qabelxejn, li kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat għandha d-dritt li tippreżenta tali applikazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż fil-fruntieri tiegħu jew fiż‑żoni ta’ tranżitu tiegħu, anki jekk din il-persuna tirrisjedi irregolarment f’dan it‑territorju. Dan id-dritt huwa intiż li jiżgura, minn naħa, l-aċċess effettiv għall-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, l-effettività tad-dritt għall-ażil, hekk kif iggarantit mill-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, għandu jitqies li l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-leġiżlazzjoni Litwana inkwistjoni, li tipprevedi li ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari jkun, minħabba dan il-fatt biss, imċaħħad, wara d-dħul tiegħu fit-territorju Litwan, mill-possibbiltà li jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dan it-territorju, tipprekludi lill-imsemmi ċittadin milli effettivament igawdi mid-dritt għall-ażil.

    Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-fatt li jiġi invokat b’mod ġenerali ksur tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà interna li jista’ jiġi kkawżat mill-influss massiv ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz ma jippermettix li tiġi ġġustifikata, skont l-Artikolu 72 TFUE ( 6 ), tali leġiżlazzjoni.

    Fl-aħħar nett, id-Direttiva “proċeduri” ( 7 ) tippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu proċeduri speċjali, applikabbli fil-fruntieri tagħhom, intiżi sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f’sitwazzjonijiet fejn l-aġir tal-applikant iwassal sabiex jiġi indikat li l-applikazzjoni tiegħu hija manifestament infondata jew abbużiva. Dawn il-proċeduri jippermettu lill-Istati Membri li jeżerċitaw, fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, ir-responsabbiltajiet tagħhom fil-qasam taż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi applikata deroga skont l-Artikolu 72 TFUE.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni tat-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz unikament minħabba d-dħul irregolari tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar qabelxejn li, skont id-Direttiva “akkoljenza” ( 8 ), applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jinżamm f’detenzjoni biss meta, wara evalwazzjoni każ b’każ, dan jirriżulta neċessarju u jekk miżuri oħra inqas koerċittivi ma jistgħux jiġu applikati b’mod effikaċi. Sussegwentement, din id-direttiva ( 9 ) telenka b’mod eżawrjenti d-diversi raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw tqegħid f’detenzjoni. Issa, iċ-ċirkustanza li applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru ma tinsabx fost dawn ir-raġunijiet. Konsegwentement, ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax ikun is-suġġett ta’ miżura ta’ detenzjoni għal din ir-raġuni biss.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali ċirkustanza tistax tiġġustifika t-tqegħid f’detenzjoni ta’ applikant għall-ażil abbażi tar-raġunijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku ( 10 ), fil-kuntest eċċezzjonali rrappreżentat mill-influss massiv tal-barranin inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li t-theddida għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku tista’ tiġġustifika t-tqegħid f’d-detenzjoni ta’ applikant biss bil-kundizzjoni li l-aġir individwali tiegħu jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew is-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan ir-rigward, in-natura irregolari tar-residenza ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali ma tistax titqies li turi, fiha nnifisha, l-eżistenza ta’ tali theddida. Għalhekk, tali applikant, bħala prinċipju, ma jistax jikkostitwixxi theddida għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat Membru, unikament peress li jinsab f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari fi Stat Membru. Din il-konstatazzjoni hija bla ħsara għall-possibbiltà li applikant għal protezzjoni internazzjonali li jirrisjedi irregolarment jitqies li jikkostitwixxi tali theddida minħabba ċirkustanzi speċifiċi, li juru l-periklu tiegħu, li jiżdiedu man-natura irregolari ta’ din ir-residenza.


    ( 1 ) Fil-fatt, il-Kapitolu X2 tal-Lietuvos Respublikos įstatymas “Dėl užsieniečių teisinės padėties” (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Istatus Ġuridiku tal-Barranin) jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ din il-liġi fil-każ ta’ dikjarazzjoni tal-istat ta’ gwerra jew tal-istat ta’ emerġenza jew fil-każ ta’ proklamazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza minħabba influss massiv ta’ barranin. F’dan il-kapitolu, l-Artikolu 14012(1) jippreċiża l-postijiet li minnhom tista’ ssir l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

    ( 2 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘proċeduri’”).

    ( 3 ) Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2013, L 180, p. 96, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘akkoljenza’”).

    ( 4 ) Ara, iktar speċifikament, l-Artikolu 6 tad-Direttiva “proċeduri”, li jikkonċerna l-aċċess għall-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, u l-Artikolu 7(1) li jimponi fuq l-Istati Membri obbligu li jkun hemm mezz li kull persuna adulta li għandha l-kapaċità legali jkollha d-dritt li tippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’isimha stess.

    ( 5 ) Ara l-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva “akkoljenza” dwar it-tqegħid f’detenzjoni ta’ applikant għall-ażil.

    ( 6 ) Skont din id-dispożizzjoni, “[d]an it-titolu (dwar l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja) m’għandux jolqot l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri rigward iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna”.

    ( 7 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 43 tad-Direttiva “proċeduri”.

    ( 8 ) Ara l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva “akkoljenza”.

    ( 9 ) Ara l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva “akkoljenza”.

    ( 10 ) Ara l-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva “akkoljenza”.

    Top