This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021TJ0426
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tat-8 ta’ Marzu 2023.
Nizar Assaad vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żbalji ta’ evalwazzjoni – Retroattività – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Awtorità ta’ res judicata.
Kawża T-426/21.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tat-8 ta’ Marzu 2023.
Nizar Assaad vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żbalji ta’ evalwazzjoni – Retroattività – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Awtorità ta’ res judicata.
Kawża T-426/21.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:114
(Kawża T‑426/21)
Nizar Assaad
vs
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tat‑8 ta’ Marzu 2023
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żbalji ta’ evalwazzjoni – Retroattività – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Awtorità ta’ res judicata”
Proċedura ġudizzjarja – Produzzjoni tal-provi – Terminu – Produzzjoni tardiva tal-provi u tal-offerti ta’ prova – Kundizzjonijiet – Provi prodotti matul l-istanza bi tweġiba għall-argumenti mqajma mill-konvenut – Ammissibbiltà
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 85(1))
(ara l-punti 61, 67)
L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati – Obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi attwali
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2021/751 u (PESK) 2022/849; Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolamenti 2015/1828, 2021/743 u 2022/840)
(ara l-punti 70 sa 76, 88, 89)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK – Preżunzjoni ta’ appoġġ lir-reġim Sirjan fil-konfront ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja u ta’ membri tal-familji Assad jew Makhlouf – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2021/751 u (PESK) 2022/849, Artikoli 27(2)(a) u 28(2)(a); Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolamenti 2015/1828, 2021/743 u 2022/840, Artikolu 15(1a)(a))
(ara l-punti 78, 79)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u Regolament Nru 36/2012 – Kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Negozjanti ewlenin li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-Sirja – Assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan – Kunċetti
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2021/751 u (PESK) 2022/849, Artikolu 27(1) u (2)(a) u Artikolu 28(1) u (2)(a); Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolamenti 2015/1828, 2021/743 u 2022/840, Artikolu 15(1a)(a) u (1b))
(ara l-punti 79, 80)
L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Portata tal-istħarriġ – Inklużjoni tar-rikorrent fil-lista annessa mad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-kwalità tiegħu ta’ negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja, l-assoċjazzjoni tiegħu mar-reġim Sirjan u r-rabtiet tiegħu ma’ persuna jew entità suġġetta għall-miżuri restrittivi – Dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku – Valur probatorju – Prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2021/751 u (PESK) 2022/849, Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolamenti 2015/1828, 2021/743 u 2022/840)
(ara l-punti 81, 84 sa 86, 90)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u Regolament Nru 36/2012 – Preżunzjoni ta’ appoġġ tar-reġim Sirjan fil-konfront ta’ negozjanti ewlenin li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-Sirja – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Preżunzjoni konfutabbli – Prova kuntrarja
Assenza
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2021/751 u (PESK) 2022/849, Artikolu 27(2)(a) u Artikolu 28(2)(a); Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolamenti 2015/1828, 2021/743 u 2022/840, Artikolu 15(1a)(a))
(ara l-punti 93, 94, 97, 102, 105, 108 sa 118, 120, 124, 126, 127, 173)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u Regolament Nru 36/2012 – Preżunzjoni ta’ appoġġ tar-reġim Sirjan fil-konfront tal-persuni u entitajiet marbuta mal-membri tal-familji Assad jew Makhlouf – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Preżunzjoni konfutabbli – Prova kuntrarja
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2021/751 u (PESK) 2022/849, Artikolu 27(2) u (3) u Artikolu 28(2) u (3); Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolamenti 2015/1828, 2021/743 u 2022/840, Artikolu 15(1a) u (1b))
(ara l-punti 131 u 132, 148, 157 sa 160, 173)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u Regolament Nru 36/2012 – Preżunzjoni ta’ appoġġ tar-reġim Sirjan fil-konfront tal-membri tal-familji Assad jew Makhlouf – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Preżunzjoni konfutabbli – Prova kuntrarja
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2021/751 u (PESK) 2022/849, Artikolu 27(2)(b) u (3) u Artikolu 28(2)(b) u (3); Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolamenti 2015/1828, 2021/743 u 2022/840, Artikolu 15(1a)(a))
(ara l-punti 136, 137, 144, 146, 147, 149, 173)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u Regolament Nru 36/2012 – Kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Appoġġ lir-reġim Sirjan u benefiċċju miksub minnu – Kunċett – Kriterju ġuridiku awtonomu – Inklużjoni fil-listi bbażata fuq sensiela ta’ indizji preċiżi, konkreti u konkordanti – Assenza
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2021/751 u (PESK) 2022/849, Artikolu 27(1) u Artikolu 28(1); Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolamenti 2015/1828, 2021/743 u 2022/840, Artikolu 15(1)(a))
(ara l-punti 161, 166 sa 170, 172, 173)
Atti tal-istituzzjonijiet – Applikazzjoni ratione temporis – Retroattività ta’ regola sostantiva – Kundizzjonijiet – Eżami tal-kontenut tal-att – Leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ miżuri restrittivi indikattivi – Emenda ulterjuri tal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ persuna inkluża fil-listi – Effett retroattiv tal-atti adottati
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2019/1836, (PESK) 2021/751 u (PESK) 2022/849, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolamenti 2015/1828, 2021/743 u 2022/840)
(ara l-punti 189 sa 194, 198, 200, 201, 204, 205, 207 sa 211, 244)
Atti tal-istituzzjonijiet – Applikazzjoni ratione temporis – Nuqqas ta’ retroattività – Eċċezzjonijiet – Kundizzjonijiet – Twettiq ta’ għan ta’ interess ġenerali u osservanza tal-aspettattivi leġittimi – Leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ miżuri restrittivi indikattivi – Emenda sussegwenti tal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ persuna inkluża fil-listi – Ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2021/751 u (PESK) 2022/849; Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolamenti 2015/1828, 2021/743 u 2022/840)
(ara l-punti 212, 216 sa 219, 225, 226 sa 228, 235, 238, 240, 241, 245 sa 249, 254)
Proċedura ġudizzjarja – Awtorità ta’ res judicata – Portata – Digriet tal-Qorti Ġenerali li jippronunzja l-inammissibbiltà ta’ rikors għal annullament fil-konfront ta’ atti li jirrigwardaw miżuri restrittivi fl-assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent – Emenda ulterjuri u retroattiva tal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrent – Talba ġdida intiża għall-annullament tal-atti sussegwenti adottati fil-konfront tiegħu – Ksur tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2021/751 u (PESK) 2022/849; Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolamenti 2015/1828, 2021/743 u 2022/840)
(ara l-punti 257, 259 sa 264, 268, 270, 271, 273)
Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja – Miżuri restrittivi fil-konfront ta’ ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Annullament f’żewġ mumenti differenti ta’ żewġ atti li jinkludu miżuri restrittivi identiċi – Riskju ta’ preġudizzju serju għaċ-ċertezza legali – Żamma tal-effetti tal-ewwel wieħed minn dawn l-atti sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament tat-tieni wieħed
(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 u Artikolu 280 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 60; Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/849; Regolament tal-Kunsill 2022/840)
(ara l-punti 276 sa 280)
Sunt
Ir-rikorrent, Nizar Assaad, huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana, Libaniża u Kanadiża li għandu, skont il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, rabtiet mill-qrib mar-reġim Sirjan.
Ismu kien ġie inkluż fl‑2011 fil-listi tal-persuni u entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tar-Repubblika Għarbija Sirjana mill-Kunsill ( 1 ), sussegwentement, fin-nuqqas ta’ identifikazzjoni preċiża, wara korrezzjoni u żieda ta’ informazzjoni ta’ identifikazzjoni addizzjonali ( 2 ), il-Kunsill kien qies li l-imsemmija atti ma kinux jagħmlu riferiment għalih. Huwa kien ġie inkluż mill-ġdid fil-listi fl‑2020 ( 3 ), sussegwentement miżmum fihom fl‑2021 u fl‑2022 ( 4 ), għar-raġuni li huwa kien, skont il-Kunsill, negozjant ewlieni b’rabtiet mill-qrib mar-reġim, li kien marbut mal-familji Assad u Makhlouf u li kien, bħala fundatur u kap tal-kumpannija Lead Contracting & Trading Ltd., wieħed mill-investituri prinċipali fis-settur taż-żejt.
Dawn il-motivi kienu bbażati, minn naħa, fuq il-kriterju tan-negozjant ewlieni li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja ( 5 ) u, min-naħa l-oħra, fuq il-kriterju tal-assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan ( 6 ) u, fl-aħħar, fuq il-kriterju tar-rabta ma’ persuna jew entità koperta mill-miżuri restrittivi, minħabba, skont il-Kunsill, ir-rabta tar-rikorrent ma’ membri tal-familji Assad u Makhlouf ( 7 ).
Ir-rikorrent ippreżenta rikors għal annullament kontra l-atti adottati fl‑2021 u fl‑2022 sa fejn dawn jikkonċernawh. Il-Qorti Ġenerali tilqa’ dan ir-rikors billi teżamina, b’mod partikolari, u għall-ewwel darba, il-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill jistax legalment jagħti effett retroattiv għal atti adottati fil-kuntest ta’ sistema ta’ miżuri restrittivi. Il-Qorti Ġenerali teżamina wkoll il-kwistjoni tal-awtorità ta’ res judicata ta’ deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill u l-Qorti Ġenerali humiex marbuta bid-dikjarazzjoni magħmula minnha dwar l-identità ta’ persuna inkluża fil-listi.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-motiv ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali teżamina, qabelxejn, il-kriterju tal-istatus ta’ negozjant ewlieni li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja fir-rigward tal-motivi ta’ inklużjoni adottati mill-Kunsill fil-konfront tar-rikorrent. Filwaqt li mill-provi prodotti mill-Kunsill isegwi li r-rikorrent ċertament kien investitur fis-settur taż-żejt Sirjan, minn naħa, ir-rikorrent wera li ma kienx għad għandu interessi fil-kumpannija Lead Syria ( 8 ), li kienet fi stralċ fid-data ta’ adozzjoni tal-atti kkontestati, u, min-naħa l-oħra, il-Kunsill ma ppreżenta ebda argument intiż li jikkontesta l-affidabbiltà tal-provi prodotti mir-rikorrent jew sabiex jikkontesta r-riżenja tiegħu mill-kumpannija Lead UAE ( 9 ), b’tali mod li r-rikorrent jista’ jitqies bħala li ma għadux iżjed involut f’din il-kumpannija. L-istess japplika fir-rigward tal-assenza ta’ involviment tar-rikorrent f’diversi entitajiet Sirjani oħrajn u l-parteċipazzjoni tiegħu f’diversi kmamar tal-kummerċ. Għaldaqstant il-Kunsill ma ssostanzjax b’mod suffiċjenti fid-dritt il-fatt li r-rikorrent kellu interessi kummerċjali fis-Sirja jew kien membru ta’ ċerti korpi relatati mal-kummerċ. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi minn dan li l-Kunsill ma weriex, fid-data ta’ adozzjoni tal-atti kkontestati, li r-rikorrent kien negozjant influwenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja konformement mal-kriterju adottat mid-Deċiżjoni 2013/255.
Sussegwentement, fir-rigward tar-rabtiet tar-rikorrent ma’ membri tal-familja Assad, il-Qorti Ġenerali tirrileva li r-rikorrent ma huwiex membru ta’ din il-familja u li r-rabtiet li huma attribwiti lilu mill-Kunsill huma biss ta’ natura professjonali, minħabba attivitajiet fis-settur taż-żejt b’mod partikolari. L-eżami tal-provi prodotti mill-Kunsill f’dan ir-rigward iwassal madankollu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li l-Kunsill ma ġabx sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jistgħu jissostanzjaw din il-konklużjoni. Hija tasal għal konklużjoni simili dwar l-assenza ta’ rabta tar-rikorrent mal-familja Makhlouf.
Fl-aħħar, fir-rigward tal-assoċjazzjoni allegata tar-rikorrent mar-reġim Sirjan, li allegatament tirriżulta mill-appoġġ li huwa jagħti lil dan ir-reġim jew mill-benefiċċju li huwa jislet mill-politika mmexxija minn dan tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, qabelxejn, li ma huwiex minħabba l-attivitajiet kummerċjali tiegħu fis-Sirja jew minħabba r-rabtiet tiegħu mal-membri tal-familji Makhlouf u Assad, u lanqas minħabba responsabbiltajiet oħrajn jew l-attività tal-kumpannija Lead Syria, li r-rikorrent jista’ jiġi assoċjat mar-reġim Sirjan. Għall-kuntrarju, huwa ddistanzja ruħu minn dan ir-reġim, b’mod partikolari mill‑2012. Għaldaqstant il-Kunsill ma weriex b’mod suffiċjenti fil-liġi l-assoċjazzjoni tar-rikorrent mar-reġim Sirjan u, konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tilqa’ l-ewwel motiv tar-rikorrent dwar l-assenza ta’ fondatezza tal-motivi ta’ inklużjoni fil-listi adottati mill-Kunsill fil-konfront tar-rikorrent.
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-fatt li l-Kunsill isemmi, fl-atti kkontestati, id-data ta’ inklużjoni inizjali tar-rikorrent it‑23 ta’ Awwissu 2011, il-Qorti Ġenerali teżamina, fl-ewwel lok, jekk dawn l-atti għandhomx, mill-kontenut tagħhom, effett retroattiv. Dan huwa l-każ tal-atti adottati fl‑2021, li huma parti mill-kontinwità ta’ atti preċedenti li jagħmlu modifiki għalihom u li ġew adottati wara li l-Kunsill aċċetta li wettaq żball fir-rigward tal-identità tal-persuna kkonċernata. Il-modifika, f’dawn l-atti, tad-data ta’ inklużjoni inizjali tar-rikorrent għandha fil-fatt effett retroattiv fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu. Dan huwa l-każ, minn naħa, fir-rigward tar-reputazzjoni tiegħu u tal-onorabbiltà tiegħu u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sitwazzjoni ġuridika tiegħu fi Franza fid-dawl ta’ deċiżjoni ministerjali tat‑12 ta’ Frar 2020, ibbażata fuq l-atti tal‑2019, li kienet wasslet għall-iffriżar tal-fondi tiegħu f’dan l-Istat Membru.
Il-Qorti Ġenerali teżamina, fit-tieni lok, l-eventwali ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi minħabba din ir-retroattività. Dwar l-eżistenza eventwali ta’ interess ġenerali, hija tenfasizza li ċ-ċertezza legali tista’ tiġi ggarantita, u l-effett utli tal-miżuri restrittivi żgurat, biss jekk il-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jkunu identifikati b’mod ċar mill-Kunsill fl-atti inkwistjoni. Huwa għalhekk leġittimu u neċessarju li l-Kunsill ikun jista’ jikkoreġi l-iżbalji mwettqa dwar l-identità ta’ persuna, u dan sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tal-miżuri restrittivi billi t-terzi jkunu jistgħu jkunu jafu min huwa kopert minn dawn il-miżuri u l-persuna kkonċernata tkun tista’ tippreżenta, jekk ikun il-każ, rikors kontra dawn il-miżuri. Fir-rigward tal-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi tar-rikorrent, ibbażati fuq is-sitwazzjoni preċedenti għall-korrezzjoni tal-imsemmi żball ta’ identifikazzjoni, il-Qorti Ġenerali tfakkar li ma huwiex meħtieġ li r-rikorrent kien id-destinatarju ta’ atti li jikkostitwixxu drittijiet suġġettivi sabiex ikun jista’ jinvoka l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tiegħu, u bl-istess mod ma għandux għalfejn juri li huwa rċieva assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, ta’ natura sabiex juri l-eżistenza ta’ tali aspettattivi leġittimi tiegħu. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, jiġifieri l-iskambji ta’ ittri bejn il-Kunsill u r-rappreżentanti tar-rikorrent, l-atti ta’ rettifika adottati mill-Kunsill minħabba dawn l-iskambji ( 10 ) u l-pożizzjoni meħuda mill-Kunsill fil-kuntest ta’ kawża preċedenti Assaad vs Il‑Kunsill ( 11 ), il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kunsill ikkonferma lir-rikorrent, diversi drabi, li huwa ma kienx il-persuna kkonċernata inizjalment mill-atti adottati fl‑2011. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkontesta l-argument tal-Kunsill li kwalunkwe konklużjoni dwar l-identità ta’ persuna kkonċernata minn miżuri restrittivi għandha biss valur dikjaratorju u tirrileva li l-ittra inkwistjoni, flimkien mad-diversi atti adottati mill-Kunsill, nisslu, fir-rikorrent, l-isperanza li huwa ma kienx il-persuna kkonċernata. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kunsill ma osservax l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrent u l-prinċipju ta’ ċertezza legali meta adotta, fil-konfront tiegħu, miżuri b’effett retroattiv.
Fir-rigward, fit-tielet u l-aħħar lok, tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-awtorità ta’ res judicata, fil-każ tad-digriet mogħti fil-kawża preċedenti Assaad vs Il‑Kunsill li kien ikkonkluda li r-rikors tar-rikorrent kien inammissibbli minħabba li, peress li ma kienx il-persuna kkonċernata mil-listi tal‑2011, huwa ma kellux interess ġuridiku, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, billi l-Kunsill ikkonferma fl-atti kkontestati li r-rikorrent kien ikkonċernat mill-atti tal‑2011, dan iwassal sabiex jikkoeżistu, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, deċiżjoni u atti li huma kuntrarji, anki inkompatibbli, fir-rigward tal-effetti tagħhom u, għaldaqstant, kiser il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata tad-digriet iċċitat iktar ’il fuq sa fejn dan jirrigwarda l-atti tal‑2011. Min-naħa l-oħra, peress li l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata ma jistax jinftiehem b’mod li digriet jirregola kwistjonijiet dwar serje ta’ atti legali, adottati abbażi ta’ provi oħra u li jirrigwardaw atti bażiċi differenti, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li r-rikorrenti ma hijiex fondata ssostni li l-atti kkontestati ġew adottati, mill‑2020, bi ksur tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tannulla l-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent, filwaqt li żammet l-effetti tad-Deċiżjoni 2022/849 fil-konfront tiegħu sad-data ta’ skadenza tat-terminu tal-appell jew, jekk huwa ppreżentat appell f’dan it-terminu, saċ-ċaħda eventwali tal-imsemmi appell.
( 1 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/515/PESK tat‑23 ta’ Awwissu 2011 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2011, L 218, p. 20), u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 843/2011 tat‑23 ta’ Awwissu 2011 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2011, L 218, p. 1).
( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/735/PESK tal‑14 ta’ Novembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU 2011, L 296, p. 53), u Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1150/2011 tal‑14 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2011, L 296, p. 1).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 66) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 1).
( 4 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/751 tas‑6 ta’ Mejju 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (ĠU 2021, L 160 I, p. 115) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/743 tas‑6 ta’ Mejju 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2021, L 160, p. 1); Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/849 tat‑30 ta’ Mejju 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (ĠU 2022, L 148, p. 52) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/840 tat‑30 ta’ Mejju 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 148, p. 8) (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”).
( 5 ) Ara l-Artikolu 27(2)(a) u l-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836, kif ukoll l-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/1828.
( 6 ) Ara l-Artikoli 27(1) u 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836, kif ukoll l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/1828.
( 7 ) Ara l-aħħar sentenza tal-Artikolu 27(2) u l-aħħar sentenza tal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836, kif ukoll l-aħħar sentenza tal-Artikolu 15(1a) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828.
( 8 ) Lead Contracting and Trade Company.
( 9 ) Lead Contracting and Trading Limited.
( 10 ) Deċiżjoni 2011/735/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU 2011, L 296, p. 53) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1150/2011 tal‑14 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU 2011, L 296, p. 1), kif ukoll rettifiki għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/185/PESK tat‑22 ta’ April 2013 li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/739/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013 tat‑22 ta’ April 2013 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2013, L 111, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 127, p. 27 u fil-ĠU 2013, L 123, p. 28).
( 11 ) Digriet tal‑24 ta’ Mejju 2012, Assaad vs Il‑Kunsill (T‑550/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:266).