EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TJ0309

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tas-7 ta’ Ġunju 2023.
TC vs Il-Parlament Ewropew.
Dritt istituzzjonali – Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Allowance ta’ assistenza parlamentari – Irkupru tas-somom imħallsa indebitament – Terminu raġonevoli – Oneru tal-prova – Dritt għal smigħ – Protezzjoni tad-data personali – Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/1725 – Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal.
Kawża T-309/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:315

Kawża T‑309/21

TC

vs

Il-Parlament Ewropew

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tas‑7 ta’ Ġunju 2023

“Dritt istituzzjonali – Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Allowance ta’ assistenza parlamentari – Irkupru tas-somom imħallsa indebitament – Terminu raġonevoli – Oneru tal-prova – Dritt għal smigħ – Protezzjoni tad-data personali – Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/1725 – Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal”

  1. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Neċessità ta’ interess reali u attwali – Deċiżjoni li l-att ikkontestat jiġi rtirat jew issostitwit fil-mori tal-kawża – Ma hemmx lok parzjalment li tingħata deċiżjoni

    (Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punti 38, 39)

  2. Parlament Ewropew – Membri – Spejjeż u allowances – Allowance ta’ assistenza parlamentari – Kontroll dwar l-użu tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari – Oneru tal-prova

    (Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, it-tieni sentenza tal-Artikolu 33(1) u Artikolu 68)

    (ara l-punti 49 sa 53, 89)

  3. Baġit tal-Unjoni Ewropea – Regolament Finanzjarju – Irkupru ta’ krediti tal-Unjoni mingħand terzi – Terminu ta’ komunikazzjoni ta’ nota ta’ debitu – Preċiżjoni regolamentari tat-terminu sabiex in-nota ta’ debitu tintbagħat lid-debitur – Prinċipju ta’ terminu raġonevoli – Applikabbiltà – Assenza

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/1046, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2))

    (ara l-punti 61, 62)

  4. Parlament Ewropew – Membri – Spejjeż u allowances – Irkupru ta’ somom imħallsa indebitament – Dritt għal smigħ qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li tista’ tolqot lill-Membru b’mod negattiv – Talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni li hija neċessarja sabiex isiru l-osservazzjonijiet – Inklużjoni

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2))

    (ara l-punti 89, 90)

  5. Parlament Ewropew – Membri – Spejjeż u allowances – Irkupru ta’ somom imħallsa indebitament – Dritt għal smigħ qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li tista’ tolqot lill-Membru b’mod negattiv – Talba tal-istituzzjoni għal osservazzjonijiet li jikkonċernaw informazzjoni li ma hijiex disponibbli għall-Membru – Garanzija tal-effett utli u tal-effikaċja tad-dritt għal smigħ – Portata – Dritt għal komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-membru – Inklużjoni – Kundizzjoni – Ibbilanċjar bejn id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għal smigħ

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/1725, Artikolu 9)

    (ara l-punti 112 sa 117)

Sunt

Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament ( 1 ), il-Qorti Ġenerali kienet annullat id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li jiġi xolt il-kuntratt ta’ assistent parlamentari akkreditat ta’ L (iktar ’il quddiem l-“APA”), akkreditat għall-finijiet tal-assistenza ta’ TC, ir-rikorrent, Membru tal-Parlament Ewropew, minħabba t-tmiem tar-rabta ta’ fiduċja għaliex ma kienx osserva r-regoli dwar l-awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu eżerċitati attivitajiet esterni. Il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat, effettivament, li mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrent mhux biss kien jaf bl-attivitajiet esterni tal-APA, iżda li, barra minn hekk, kien direttament responsabbli għalihom.

Wara li ngħatat din is-sentenza, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament informa lir-rikorrent bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ rkupru tas-somom imħallsa indebitament ( 2 ), li kienet tikkonċerna l-assistenza parlamentari mogħtija lir-rikorrent mill-APA. Fl-istess ħin, ir-rikorrent intalab jippreżenta, f’terminu ta’ xahrejn, osservazzjonijiet u provi li jikkonfutaw il-konklużjonijiet preliminari tal-Parlament dwar l-attivitajiet esterni li kien eżerċita l-APA u li juru li dan tal-aħħar kien effettivament eżerċita funzjonijiet ta’ assistent parlamentari akkreditat. Bi tweġiba, ir-rikorrent bagħat lill-Parlament osservazzjonijiet u provi addizzjonali, filwaqt li talab lill-Parlament jgħaddilu għadd ta’ dokumenti u informazzjoni dwar il-fajl personali tal-APA, il-kopji tal-korrispondenza li l-APA kellu mar-rappreżentanti tal-Parlament dwar ix-xogħol tiegħu u l-fajl sħiħ tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019. Il-Parlament laqa’ parzjalment it-talbiet għal dokumenti u informazzjoni tar-rikorrent.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament qies li somma flus kienet ġiet indebitament sostnuta minn din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-impjieg tal-APA u li din kellha tiġi rkuprata mingħand ir-rikorrent ( 3 ). Sussegwentement, fil‑31 ta’ Marzu 2021, id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament ħareġ nota ta’ debitu li tordna l-irkupru tal-imsemmija somma.

Adita b’rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata, li hija laqgħet, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni dwar id-dritt ta’ debitur li jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli fejn l-istituzzjoni tibgħatlu nota ta’ debitu fi żmien ħames snin, liema terminu ġie ffissat mir-Regolament Finanzjarju, affermat mill-ġdid l-importanza tal-osservanza tal-prinċipju tad-dritt għal smigħ fil-proċeduri ta’ rkupru ta’ spejjeż ta’ assistenza parlamentari miftuħa mill-Parlament fil-konfront tal-Membri tiegħu u, fl-aħħar, solviet il-kwistjoni ġdida tad-dritt li wieħed jinvoka, taħt il-garanzija tad-dritt għal smigħ, raġunijiet ta’ interess pubbliku sabiex data personali tiġi trażmessa lilu.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, minħabba li l-Parlament allegatament ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq informazzjoni tal-kawża L vs Il-Parlament, li fiha r-rikors kien ġie ppreżentat f’April 2017.

F’dan ir-rigward, hija fakkret li l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni jistabbilixxi l-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, li jagħmel parti integrali mid-dritt għal amministrazzjoni tajba u li l-osservanza ta’ terminu raġonevoli hija meħtieġa f’kull każ fejn, kemm-il darba l-liġi tibqa’ siekta, il-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jżommu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi milli jaġixxu mingħajr l-ebda limitu ta’ żmien. Mill-banda l-oħra, fejn l-amministrazzjoni taġixxi fit-terminu li jkun ġie speċifikament previst lilha permezz ta’ liġi, ma jkunx jista’ jiġi validament allegat li jkunu ġew injorati r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt li wieħed ikollu l-kawżi tiegħu ttrattati f’terminu raġonevoli.

Madankollu, għall-kuntrarju tar-regolament preċedenti ( 4 ), dak applikabbli fil-każ ineżami ( 5 ) issa kien jipprevedi li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jibgħat in-nota ta’ debitu minnufih wara li jistabbilixxi l-kreditu u mhux iktar tard minn ħames snin minn meta l-istituzzjoni tal-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tinvoka l-kreditu tagħha.

Għalhekk, ma kienx hemm lok, f’dan il-każ, li jintuża l-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli sabiex jiġi evalwat iż-żmien li fih intbagħtet in-nota ta’ debitu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, minn naħa, in-nota ta’ debitu ntbagħtet lir-rikorrent immedjatament wara li kien ġie stabbilit il-kreditu fid-deċiżjoni kkontestata u li, min-naħa l-oħra, il-mument li fih il-Parlament kien f’pożizzjoni li jinvoka l-kreditu tiegħu kien jikkoinċidi mal-preżentata tar-rikors fil-kawża L vs Il-Parlament jew mal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża tal-aħħar, b’mod li t-terminu ta’ ħames snin previst mir-Regolament Finanzjarju fis-seħħ kien ġie osservat mill-Parlament.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ. Preliminarjament, hija fakkret li d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali fil-konfront tagħha li tolqotha b’mod negattiv huwa ggarantit, b’mod speċifiku, mill-MIS ( 6 ), li bis-saħħa tagħhom il-Membru kkonċernat għandu jinstema’ qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni f’dan il-qasam. Dan id-dritt jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li tkun tista’ taffettwa l-interessi tagħha b’mod negattiv.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li numru ta’ talbiet lill-Parlament għal dokumenti u informazzjoni mressqa mir-rikorrent kienu ġew miċħuda, ħlief għad-dokumenti li jikkonċernaw it-tmiem tal-kuntratt tal-APA.

Hija fakkret li, fil-każ ta’ dubju dwar ir-regolarità tal-użu tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari mħallsa lil APA, huwa l-Membru Parlamentari li għandu jistabbilixxi li dan l-APA jkun ħadem għalih, b’rabta mal-mandat parlamentari tiegħu, matul il-perijodu kollu li fih ikunu tħallsu dawn l-ispejjeż. Barra minn hekk, fejn huwa jiġi msejjaħ jipprova dan, il-Membru Parlamentari għandu jittrażmetti lill-Parlament, fit-terminu mogħti lilu, il-provi li jkollu f’idejh. Jekk xi provi oħra jidhru rilevanti, huwa jista’, abbażi tad-dritt għal smigħ, jitlob lill-istituzzjonijiet, lill-organi u lill-aġenziji tal-Unjoni li jkollhom dawn il-provi li jittrażmettuhomlu, kemm-il darba jikkonċernaw informazzjoni li tkun neċessarja għalih sabiex ikun jista’ jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu b’mod utli u effettiv dwar l-irkupru previst. Meta jirċievi talba bħal din, il-Parlament ma jistax jirrifjuta li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mingħajr ma jikser id-dritt għal smigħ, sakemm ma jinvokax, insostenn ta’ dan ir-rifjut, raġunijiet li jkunu jistgħu jitqiesu ġġustifikati fid-dawl, minn naħa, taċ-ċirkustanzi tal-każ u, min-naħa l-oħra, tar-regoli applikabbli.

Il-Qorti Ġenerali eżaminat, għalhekk, jekk ir-raġunijiet invokati mill-Parlament sabiex ma jittrażmettix l-informazzjoni mitluba mir-rikorrent kinux iġġustifikati.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx ir-raġunijiet invokati mill-Parlament sabiex tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrent li jiġu trażmessi lilu l-“messaġġi elettroniċi kollha tas-snin 2015, 2016 u 2019” u l-korrispondenza li huwa kellu mas-servizzi kompetenti tal-Parlament dwar ix-xogħol tal-APA. Hija fakkret li kull istituzzjoni torganizza xogħolha skont ir-regoli li japplikaw għaliha u li hija tista’ tippromulga u qieset li, f’dan il-każ, il-Parlament seta’ jillimita l-perijodu ta’ konservazzjoni tal-messaġġi elettroniċi tal-Membri, filwaqt li jippermettilhom li jżommuha f’fajls personali. Madankollu, hija ddeterminat jekk, f’dan il-każ, din il-miżura kinitx ġiet implimentata b’mod li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ.

Issa, hija kkonstatat li, sa mill-bidu tas-sena 2016, il-Parlament kien jaf b’sitwazzjoni kunfliġġenti bejn ir-rikorrent u l-APA dwar jekk dan tal-aħħar kienx eżerċita jew le l-attivitajiet tiegħu fir-rigward tar-rikorrent skont ir-regoli dwar l-assistenza parlamentari. Konsegwentement, minn dan il-mument ’il quddiem, kien neċessarju li l-Parlament jiżgura l-konservazzjoni tal-messaġġi elettroniċi li setgħet tistabbilixxi n-natura eżatta tal-attivitajiet tal-APA matul l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ tkeċċija u, jekk din tal-aħħar tkun wasslet għal proċeduri oħra, ġudizzjarji jew amministrattivi, bħal proċedura ta’ rkupru, matul il-perijodu kollu li fih dawn il-proċeduri oħra jkunu għadhom pendenti.

Barra minn hekk, il-possibbiltà li jsir arkivju personali ma tistax teħles lill-Parlament mill-obbligu li jiżgura l-konservazzjoni ta’ kull messaġġ elettroniku rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk, konformement mar-regoli tal-istituzzjoni, APA eżerċitax l-attivitajiet tiegħu, b’mod effettiv u esklużiv, fir-rigward tal-Membru li ġie assenjat lilu, b’rabta diretta mal-mandat ta’ dan tal-aħħar. Hija żiedet tgħid li din il-possibbiltà ma tistax teħles lill-Parlament mill-obbligu li jittrażmetti l-messaġġi elettroniċi miżmuma b’dan il-mod, fejn, skont id-dritt għal smigħ, li huwa fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, huwa jintalab jagħmel dan mill-Membru kkonċernat li, bħal f’dan il-każ, ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ rkupru għal użu irregolari ta’ spejjeż ta’ assistenza parlamentari.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx ir-raġunijiet invokati mill-Parlament sabiex tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrent dwar il-“fajl personali” tal-APA (id-dokumenti kollha marbuta mar-reklutaġġ u max-xogħol tiegħu), inkluż l-informazzjoni dwar in-numru ta’ drabi li ntalbet l-protezzjoni tal-Parlament għal dan l-APA u dwar il-preżenza tiegħu li tista’ tinġabar mill-kard ta’ aċċess tal-Parlament tiegħu.

Fir-rigward tar-raġuni li t-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni kienet tmur kontra r-Regolament dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data ( 7 ), il-Qorti Ġenerali rrilevat li kien minnu li, peress din kellha tgħin id-difiża tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, l-informazzjoni mitluba mir-rikorrent ma setgħetx titqies li kienet “neċessarja għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lir-riċevitur” ( 8 ). Għall-istess raġuni, it-trażmissjoni tal-imsemmija informazzjoni lir-rikorrent ma setgħetx titqies li kienet tissodisfa “fini speċifiku fl-interess pubbliku” ( 9 ).

Madankollu, il-Qorti Ġenerali rrilevat li t-talba għal osservazzjonijiet mibgħuta mill-Parlament lir-rikorrent sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu għal smigħ kienet ibbażata, f’dan il-każ, fuq provi miżmuma minn din l-istituzzjoni mingħajr ma seta’, fejn meħtieġ, ikun jaf bihom ir-rikorrent jew fuq provi li r-rikorrent kien jaf bihom billi kien is-superjur ġerarkiku tal-APA, iżda li huwa ma kienx għad kellu.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-importanza li tingħata lid-dritt għal smigħ, il-fatt li tali provi setgħu jinstabu fil-“fajl personali” tal-APA ma setax, bħala tali, iżomm dawn il-provi milli jiġu trażmessi lir-rikorrent sabiex ikun jista’ jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu b’mod utli u effettiv fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-imsemmi dritt.

Fil-fatt, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ma huwiex dritt assolut, iżda għandu jitqies b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u għandu jiġi bbilanċjat, għal dan il-għan, ma’ drittijiet fundamentali oħra, fil-kuntest ta’ proċess li, fid-dawl tal-fatti tal-każ, jagħti lil kull wieħed mid-drittijiet involuti l-post li jixraqlu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-ħtieġa li jiġi żgurat tali bilanċ bejn id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-drittijiet fundamentali l-oħra rrikonoxxuti f’dan l-ordinament ġuridiku hija enfasizzata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data ( 10 ), li tiegħu r-Regolament dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni huwa l-ekwivalenti.

Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma setax jiġi aċċettat li l-Parlament seta’ jistieden lir-rikorrent jieħu pożizzjoni b’mod utli u effettiv dwar provi li jinsabu, jekk ikun il-każ, fil-fajl tal-APA, mingħajr ma jagħtih aċċess għal dawn il-provi, wara li jkun ibbilanċja, minn naħa, l-interess ta’ dan l-APA li l-informazzjoni li tikkonċernah ma tgħaddix f’idejn terzi u, min-naħa l-oħra, l-interess tar-rikorrent li jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu b’mod utli u effettiv fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru li nfetħet kontrih.

Fir-rigward tar-raġuni li t-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni kienet tmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar il-fajls individwali tal-uffiċjali u aġenti ( 11 ), li japplikaw għall-assistenti parlamentari, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, sa fejn kien meħtieġ li r-rikorrent jeżerċita d-dritt tiegħu għal smigħ, il-kunfidenzjalità tad-dokumenti inkwistjoni ma setgħetx tiġi invokata kontra r-rikorrent, li, barra minn hekk, bħala s-superjur ġerarkiku tal-APA, kien l-awtur ta’ wħud mid-dokumenti kkonċernati.

Fl-aħħar, it-tielet, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx ir-raġunijiet invokati mill-Parlament sabiex tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrent dwar il-proċess tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019. Fil-fatt, fir-rigward tal-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet tat l-anonimat lill-APA fil-proċedura li wasslet għal dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-anonimat huwa intiż li jħalli barra l-isem ta’ parti fil-kawża jew dak ta’ persuni oħra msemmija fil-kuntest tal-proċedura kkonċernata, jew saħansitra ta’ informazzjoni oħra fid-dokumenti relatati mal-kawża li l-pubbliku jkollu aċċess għalihom. Għall-kuntrarju, l-anonimat mogħti mill-Qorti Ġenerali ma jikkonċernax il-kunfidenzjalità ta’ provi miżmuma fil-proċess tal-imsemmija proċedura lil hinn minn din tal-aħħar, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet u terzi. Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-anonimat ma kinitx żammet lill-Parlament milli jgħaddi lir-rikorrent id-dokumenti skambjati fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, li setgħu jkunu rilevanti sabiex ir-rikorrent jeżerċita d-dritt tiegħu għal smigħ.


( 1 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament (T‑59/17, EU:T:2019:140).

( 2 ) Bis-saħħa tal-Artikolu 68 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tad‑19 ta’ Mejju u tad‑9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2009, C 159, p. 1, iktar ’il quddiem il-“MIS”).

( 3 ) Skont l-Artikolu 68(1) tal-MIS.

( 4 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1) u r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 966/2012 (ĠU 2012, L 362, p. 1).

( 5 ) It-tieni paragrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1).

( 6 ) Artikolu 68(2) tal-MIS.

( 7 ) Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39)

( 8 ) Fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament 2018/1725.

( 9 ) Fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725.

( 10 ) Premessa 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

( 11 ) Artikolu 26 tar-Regolament Nru 31(KEE), 11(KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, kif emendat.

Top