Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TJ0296

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2022.
SU vs L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol.
Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien determinat – Nuqqas ta’ tiġdid – Proċedura ta’ tiġdid – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni mhux iffinalizzat – Responsabbiltà – Dannu materjali – Telf ta’ opportunità – Dannu morali – Ġurisdizzjoni sħiħa – Eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali.
Kawża T-296/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:808

Kawża T‑296/21

SU

vs

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal‑14 ta’ Diċembru 2022

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien determinat – Nuqqas ta’ tiġdid – Proċedura ta’ tiġdid – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni mhux iffinalizzat – Responsabbiltà – Dannu materjali – Telf ta’ opportunità – Dannu morali – Ġurisdizzjoni sħiħa – Eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali”

  1. Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Evalwazzjoni – Direttiva interna dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni – Effetti legali

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 15(2) u 54)

    (ara l-punti 36-39)

  2. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Redazzjoni – Sistema stabbilita mill-Kummissjoni – Kontestazzjoni quddiem l-evalwatur tal-appell – Nuqqas ta’ risposta – Konsegwenza – Rapport mhux definittiv

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 15(2) u 54)

    (ara l-punti 40-42, 45, 47)

  3. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Redazzjoni – Obbligu tal-amministrazzjoni – Ksur – Ġustifikazzjoni bbażata fuq l-organizzazzjoni interna – Inammissibbiltà

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

    (ara l-punt 44)

  4. Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Adozzjoni ta’ direttivi interni li jistabbilixxu proċedura għad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-tiġdid – Sistema stabbilita mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni mhux definittiv – Konsegwenzi – Annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid – Kundizzjonijiet

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 8, 15(2) u 54)

    (ara l-punti 51-62, 64-67)

  5. Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Dannu – Telf ta’ remunerazzjoni wara n-nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Assenza ta’ dritt għat-tiġdid ta’ kuntratt – Assenza ta’ assigurazzjoni preċiża u konkreta tal-amministrazzjoni fir-rigward tat-tiġdid – Ċaħda

    (Artikolu 266 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

    (ara l-punt 82)

  6. Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Dannu – Dannu materjali marbut mat-telf ta’ opportunità li kuntratt jiġġedded – Evalwazzjoni – Kriterji – Natura reali u natura definittiv tat-telf

    (Artikolu 266 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

    (ara l-punti 83-98)

  7. Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors għad-danni – Annullament tal-att ikkontestat li ma jiżgurax il-kumpens adegwat għad-dannu morali – Dannu morali kkawżat mid-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ membru tal-persunal temporanju u miċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tagħha – Membru tal-persunal temporanju fuq leave tal-mard sa mill-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni

    (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

    (ara l-punti 108-113)

  8. Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta' eżekuzzjoni – Sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju – Talba għad-danni tar-rikorrent dwar il-possibbiltà li jinkisbu drittijiet għall-pensjoni – Natura prematura tat-talba

    (Artikolu 266 TFUE)

    (ara l-punt 114)

Sunt

F’Jannar 2015, ir-rikorrenti, SU, ġiet irreklutata bħala membru tal-persunal temporanju mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), permezz ta’ kuntratt għal perijodu ta’ tliet snin, sussegwentement imġedded għall-istess tul ta’ żmien.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019, l-evalwatur tar-rikorrenti osserva li l-prestazzjonijiet tagħha ma kinux suffiċjenti u li r-riżultati tagħha fl-2020 kellhom jitjiebu sabiex jibqgħu globalment sodisfaċenti. Id-Direttur Eżekuttiv tal-EIOPA, li kien ukoll l-evalwatur tal-appell, ma rreaġixxiex għar-rifjut tar-rikorrenti li taċċetta r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha u għall-osservazzjonijiet ifformulati minnha u għalhekk ma ħax pożizzjoni, f’dan ir-rapport, fuq dawn l-osservazzjonijiet.

F’Lulju 2020, wara r-rapport dwar it-tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrenti, li fih il-Kap tad-Dipartiment ma kienx jirrakkomanda tiġdid ieħor tal-kuntratt tagħha, id-Direttur Eżekuttiv tal-EIOPA ddeċieda li ma jġeddidx il-kuntratt tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Adita mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tispeċifika l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ finalizzazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni fuq il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt. Fil-parti li tikkonċerna t-talbiet għad-danni, din is-sentenza tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ kumpens għal telf ta’ opportunità, b’mod partikolari dik li jinkiseb it-tiġdid ta’ kuntratt. Hija tagħti kjarifiki fir-rigward tal-kundizzjonijiet marbuta man-natura reali u man-natura definittiva tat-telf ta’ opportunità u tispjega r-relazzjoni bejn il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali u l-obbligu tal-amministrazzjoni li tadotta miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament.

L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

Fil-kuntest tat-talbiet għal annullament, il-Qorti Ġenerali tibda billi teżamina l-istatus legali tar-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019 tar-rikorrenti.

F’dan il-kuntest, hija tosserva li jirriżulta b’mod ċar mit-testi applikabbli għall-EIOPA ( 1 ) li, meta l-persuna li għandha l-pożizzjoni tirrifjuta r-rapport ta’ evalwazzjoni, dan isir definittiv biss wara d-deċiżjoni tal-evalwatur tal-appell. Fil-fatt, meta l-evalwatur tal-appell ikollu setgħa ta’ stħarriġ sħiħ dwar il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet li jinsabu f’rapport ta’ evalwazzjoni u jkun jista’ jivvalidah jew jibdlu, u jastjeni illegalment mill-eżerċizzju tal-istħarriġ tiegħu, ir-rapport ta’ evalwazzjoni rrifjutat mill-persuna li għandha l-pożizzjoni ma jsirx definittiv.

Madankollu, l-amministrazzjoni ma tistax teċċepixxi mill-organizzazzjoni amministrattiva interna tagħha sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tad-dmir imperattiv tagħha li tiżgura r-redazzjoni perijodika tar-rapporti ta’ evalwazzjoni fit-termini stabbiliti u l-istabbiliment regolari tagħhom. Madankollu, in-nuqqas ta’ azzjoni tal-evalwatur tal-appell f’dan il-każ, dovut għal żball intern ta’ organizzazzjoni, ma jistax jitqies bħala konferma impliċita tal-imsemmi rapport li jkollha bħala effett li tirrendih definittiv u li tagħti bidu għat-terminu għat-tressiq ta’ lment kontriha.

Sussegwentement, fir-rigward tal-konsegwenzi tal-assenza ta’ finalizzazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li mid-direttiva interna tal-EIOPA fil-qasam tat-tiġdid tal-kuntratti jirriżulta li meta deċiżjoni dwar it-tiġdid ta’ kuntratt tittieħed abbażi tal-kriterju dwar il-prestazzjoni tal-persuna li għandha l-pożizzjoni, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm fl-istadju tar-rakkomandazzjoni tal-Kap tad-Dipartiment kif ukoll fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni.

F’dan il-każ, il-il-fatt li l-kummenti tar-rikorrenti dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha tas-sena 2019 ma ttiħdux inkunsiderazzjoni u li dan ma sarx definittiv seta’ kellu effett deċiżiv fuq il-proċedura ta’ tiġdid. Konsegwentement, id-deċiżjoni li l-kuntratt tagħha ma jiġġeddidx għandha tiġi annullata.

Fil-kuntest tat-talbiet għal kumpens, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ewwel kap ta’ dannu materjali li jikkonsisti fit-telf ta’ remunerazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol. Hija tindika li l-irregolarità proċedurali inkwistjoni ma timplikax li r-rikorrenti hija awtomatikament integrata mill-ġdid, iżda biss li r-rapport ta’ evalwazzjoni inkomplet jiġi ffinalizzat u li t-talba għat-tiġdid tal-kuntratt tiġi eżaminata mill-ġdid.

Barra minn hekk, it-telf tar-remunerazzjoni huwa inerenti f’kull tmiem ta’ kuntratt għal żmien determinat, peress li t-tiġdid ta’ tali kuntratt ma huwiex dritt, iżda sempliċi għażla. Għalhekk, fl-assenza ta’ kwalunkwe assigurazzjoni preċiża u konkreta min-naħa tal-EIOPA rigward it-tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrenti, din ma setax ikollha l-aspettattiva li tkompli tibbenefika mir-remunerazzjoni tagħha wara t-tmiem tal-kuntratt tagħha għal żmien determinat. Għal din ir-raġuni wkoll, ma jistax jiġi sostnut li l-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ikollu l-effett li jimplika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida, b’effett retroattiv, li permezz tagħha l-EIOPA ġġedded il-kuntratt tar-rikorrenti.

Fir-rigward tat-tieni kap ta’ dannu materjali allegat, li jikkonsisti f’telf ta’ opportunità li l-kuntratt jiġġedded, il-Qorti Ġenerali tosserva li dan it-telf, sabiex jiġi kkonstatat u sabiex jagħti lok għal kumpens, għandu jkun reali u definittiv.

Sabiex tiġi ddeterminata n-natura reali tat-telf ta’ opportunità, għandu jsir riferiment għad-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u għandu jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-rikorrent iċċaħħad mhux neċessarjament mit-tiġdid tal-kuntratt tiegħu, li huwa qatt ma jista’ jipprova li kien ser iseħħ, iżda minn opportunità ġenwina li l-kuntratt tiegħu jiġġedded, bil-konsegwenza li l-persuna kkonċernata tbati dannu materjali li jikkonsisti f’telf ta’ qligħ. L-eżistenza ta’ opportunità ġenwina ma tiddependix mil-livell ta’ probabbiltà li din l-opportunità sseħħ, għaliex dan il-fattur imsemmi l-aħħar jittieħed inkunsiderazzjoni sussegwentement, jekk din l-eżistenza tiġi rrikonoxxuta, sabiex tiġi stabbilita l-portata tad-dannu materjali sostnut u l-kumpens tiegħu.

Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, f’dan il-każ, fl-assenza tal-illegalità marbuta mal-użu ta’ rapport ta’ evalwazzjoni mhux definittiv li bih hija vvizzjata d-deċiżjoni li l-kuntratt tar-rikorrenti ma jiġġeddidx, ma setax jiġi eskluż li l-kuntratt tar-rikorrenti jiġġedded.

Fir-rigward tan-natura definittiva tat-telf ta’ opportunità, din għandha tiġi evalwata fil-mument li fih il-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inklużi l-fatturi sussegwenti għall-adozzjoni tal-att illegali li ta lok għad-dannu.

F’dan ir-rigward, l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li l-att tiegħu jew tagħha ġie annullat, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mas-sentenza ta’ annullament u, għalhekk, ineħħu l-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati. Meta l-att annullat ikun diġà ġie implimentat, it-tneħħija tal-effetti tiegħu titlob, fil-prinċipju, li tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ġuridika li r-rikorrent kien jinsab fiha qabel l-adozzjoni tal-imsemmi att. Madankollu, dan l-obbligu ma jeskludix neċessarjament li t-telf ta’ opportunità tar-rikorrent li jkun kiseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernah jkun definittiv.

Fil-fatt, in-natura definittiva tista’ tiġi kkonstatata meta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, anki jekk ikun għadu possibbli għall-amministrazzjoni li tadotta miżuri li jippermettu li tiġi kkorreġuta l-illegalità mwettqa, dawn il-miżuri ma jkollhomx effett utli għar-rikorrent, billi ma jagħtuhx lura l-istess opportunità bħal dik li din l-illegalità ċaħħditu minnha.

Dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ma jimplikax, fih innifsu, ir-reintegrazzjoni ġuridika tar-rikorrenti fid-dipartimenti tal-EIOPA fid-data li fiha din id-deċiżjoni ssir effettiva. B’mod differenti minn deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal b’kuntratt għal żmien indeterminat, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ma interrompietx relazzjoni ta’ impjieg li kienet tkompli fl-assenza tal-intervent tagħha. Għalhekk, l-amministrazzjoni tista’ tikkunsidra li d-deċiżjoni l-ġdida li hija għandha tieħu wara din is-sentenza ser tipprovdi biss għall-ġejjieni. Min-naħa l-oħra, anki jekk jingħad li l-EIOPA tadotta, wara l-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid mill-Qorti Ġenerali, deċiżjoni ġdida li ġġedded il-kuntratt tar-rikorrenti mill-iskadenza tal-kuntratt preċedenti tagħha, din id-deċiżjoni ma jkollhiex, għar-rikorrenti, effett utli għall-perijodu mill-iskadenza tal-kuntratt tagħha preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni l-ġdida. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata li titlob, għal dan il-perijodu, il-ħlas tar-remunerazzjoni tagħha u ma tistax teżerċita funzjonijiet fi ħdan l-EIOPA ħlief mill-mument li fih hija tiġi integrata mill-ġdid f’din l-aġenzija.

Filwaqt li tagħmel użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sabiex tiggarantixxi l-effett utli tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tiddetermina hija stess l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas abbażi tat-telf ta’ opportunità.


( 1 ) L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”); l-Artikolu 15(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea; l-Artikolu 7(1) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013)8985 tas‑16 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u li timplimenta l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-EIOPA b’analoġija (EIOPA‑MB‑14/018)

Top