Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0700

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ġunju 2023.
    O. G.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Il-punt 6 tal-Artikolu 4 – Għan ta’ riabilitazzjoni soċjali – Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqgħodu jew jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
    Kawża C-700/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:444

    Kawża C-700/21

    O. G.

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte costituzionale)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ġunju 2023

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Il-punt 6 tal-Artikolu 4 – Għan ta’ riabilitazzjoni soċjali – Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqgħodu jew jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

    1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-Mandat ta’ arrest Ewropew – Mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ta’ ordni ta’ detenzjoni – Persuna rikjesta li toqgħod jew li tirrisjedi fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex jiddetermina s-sitwazzjonijiet li jippermettu li l-konsenja ta’ persuna li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi punt 6 tal-Artikolu 4 tiġi rrifjutata – Limiti – Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi ggarantit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Żamma tal-marġni ta’ evalwazzjoni neċessarju sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tiddeċiedi li tirrifjuta, fid-dawl tal-għan ta’ riabilitazzjoni soċjali, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 20 u 51(1); Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, punt 6 tal-Artikolu 4)

      (ara l-punti 36 sa 38, 40, 53, 55, 56)

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-Mandat ta’ arrest Ewropew – Mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ta’ ordni ta’ detenzjoni – Persuna rikjesta li toqgħod jew tirrisjedi fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas – Kundizzjonijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest – Kunċetti ta’ residenza u ta’ li joqgħod – Impenn mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jeżegwixxi l-piena – Interess leġittimu li jiġġustifika l-eżekuzzjoni tal-piena fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Għan ta’ riabilitazzjoni soċjali wara l-eżekuzzjoni tal-piena – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tevalwa l-eżistenza, bejn il-persuna rikjesta u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, ta’ rabtiet suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew

      (Direttiva tal-Kunsill 2003/109, premessa 12; Deċiżjonijiet Qafas tal-Kunsill 2002/584, punt 6 tal-Artikolu 4, u 2008/909, premessa 9 u l-Artikolu 25)

      (ara l-punti 46 sa 49, 61 sa 65, 67 sa 68, dispożittiv 2)

    3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni limitat biss għaċ-ċittadini nazzjonali u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, bl-esklużjoni assoluta u awtomatika taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Inammissibbiltà

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 20; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, punt 6 tal-Artikolu 4)

      (ara l-punti 51, 57, 58, dispożittiv 1)

    Sunt

    O. G., ċittadin Moldovan, kien ġie kkundannat fir-Rumanija għal ħames snin priġunerija għar-reati ta’ frodi fiskali u ta’ miżapproprjazzjoni ta’ ammonti dovuti għall-ħlas ta’ taxxa fuq id-dħul u tal-VAT, imwettqa bejn ix-xhur ta’ Settembru 2003 u ta’ April 2004. Fit‑13 ta’ Frar 2012, il-Judecătoria Brașov (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brașov, ir-Rumanija) ħarġet, mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja kontra O. G, li fil-frattemp kien stabbilixxa ruħu fl-Italja.

    Permezz tal-ewwel sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2020, il-qorti tal-appell kompetenti ( 1 ) ordnat il-konsenja ta’ O. G. lill-awtorità ġudizzjarja emittenti. O. G. appella minn dik is-sentenza quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), li annullat l-imsemmija sentenza u bagħtet lura l-kawża quddiem il-qorti tal-appell.

    Skont id-dritt tal-Unjoni ( 2 ), l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew biss għal raġunijiet li jirriżultaw mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 3 ), li jinkludu raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv, jiġifieri raġunijiet li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà – iżda mhux l-obbligu – li jipprevedu meta jittrasponu l-imsemmija deċiżjoni qafas. Waħda minn dawn ir-raġunijiet tirrigwarda l-possibbiltà li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi tali mandat jekk dan ikun inħareġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja, meta l-persuna rikjesta tkun toqgħod fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tkun ċittadina tiegħu jew tirrisjedi fih, u meta l-imsemmi Stat jimpenja ruħu li jeżegwixxi din il-piena jew din l-ordni ta’ detenzjoni konformement mad-dritt nazzjonali tiegħu ( 4 ).

    Il-qorti tal-appell ikkonstatat li l-leġiżlazzjoni li tittrasponi din ir-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv fid-dritt Taljan kienet tillimita l-possibbiltà ta’ rifjut ta’ konsenja biss għaċ-ċittadini Taljani u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni, bl-esklużjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, anki meta dawn tal-aħħar jipprovaw li jkunu stabbilixxew rabtiet ekonomiċi, professjonali u emotivi sodi fl-Italja.

    Peress li qieset li n-natura fit-tul tal-istabbiliment tal-familja u professjonali ta’ O. G. fl-Italja kienet suffiċjentement stabbilita, dik il-qorti adixxiet lill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), li kienet il-qorti tar-rinviju, b’domandi dwar il-kostituzzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni. Il-qorti tar-rinviju kellha dubju dwar jekk, bl-impożizzjoni tal-konsenja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti b’mod permanenti fl-Italja għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja f’pajjiż barrani, din il-leġiżlazzjoni kinitx tillimita b’mod indebitu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, li l-għan tagħha huwa dak li tiġi żgurata l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tal-persuna kkundannata wara li tkun skontat il-piena tagħha, li tippreżupponi ż-żamma tar-rabtiet tal-familja u soċjali tagħha.

    Il-qorti tar-rinviju qieset li qabel ma jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx konformi mal-Kostituzzjoni Taljana, kellha tiġi evalwata l-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni.

    Mistoqsija mill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, iddeċidiet li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tittrasponiha, teskludi b’mod assolut u awtomatiku mill-benefiċċju tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew li hija tipprevedi lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, mingħajr ma l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tevalwa r-rabtiet ta’ dan iċ-ċittadin mal-imsemmi Stat Membru. Hija għamlet ukoll preċiżazzjonijiet kemm dwar l-evalwazzjoni li din l-awtorità għandha twettaq sabiex tiddetermina jekk ikunx hemm lok li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra ċittadin ta’ pajjiż terz residenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar l-elementi li jkunu jistgħu jindikaw jekk ikunux jeżistu, bejn l-imsemmi ċittadin u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, rabtiet li juru li jkun suffiċjentement integrat f’dan l-Istat, b’tali mod li l-eżekuzzjoni, fl-imsemmi Stat Membru, tal-piena ta’ kustodja deċiża kontrih fl-Istat Membru emittenti tkun tista’ tikkontribwixxi sabiex jiżdiedu l-possibilitajiet ta’ riabilitazzjoni soċjali tiegħu wara li din il-piena tkun ġiet eżegwita.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju. Ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni, li huwa possibbli biss għal raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju jew fakultattiv li jirriżultaw mid-Deċiżjoni Qafas, huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett.

    F’dak li jirrigwarda r-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew elenkati fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas fid-dritt nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, dawn huma liberi li jittrasponu jew li ma jittrasponux dawn ir-raġunijiet fid-dritt nazzjonali tagħhom. Huma jistgħu wkoll jagħżlu li jillimitaw is-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, u b’hekk jiffaċilitaw il-konsenja tal-persuni rikjesti, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

    Madankollu jeżistu limiti għall-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istat Membru meta huwa jagħżel li jittrasponi raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv, bħal dik prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas.

    Fl-ewwel lok, l-Istat Membru li jagħżel li jittrasponi din ir-raġuni għandu josserva d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, iggarantit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 5 ), li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

    Ir-rekwiżit dwar in-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, għandu jiġi evalwat fid-dawl, b’mod partikolari, tas-suġġett u tal-għan li għandu jintlaħaq mill-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, f’dan ir-rigward, li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali bejn iċ-ċittadini Taljani u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, minn naħa, u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, ġiet stabbilita bil-għan tat-traspożizzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas, li ma tagħmel ebda distinzjoni skont jekk persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew, meta ma tkunx ċittadina tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tkun jew ma tkunx ċittadina ta’ Stat Membru ieħor.

    Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u mill-għan imfittex minnha jirriżulta li ma jistax jiġi preżunt li ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun is-suġġett ta’ tali mandat ta’ arrest Ewropew u li joqgħod jew li jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, neċessarjament jinstab f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat Membru jew ta’ Stat Membru ieħor li joqgħod jew li jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li jkun is-suġġett ta’ tali mandat. Bil-kontra ta’ dan, dawn il-persuni jistgħu jkunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista f’din id-dispożizzjoni, meta huma jkollhom livell ta’ integrazzjoni ċert fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali intiża għat-traspożizzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas ma tkunx konformi mal-Artikolu 20 tal-Karta jekk din tittratta b’mod differenti, minn naħa, liċ-ċittadini rispettivi tagħha u liċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, billi tirrifjuta lil dawn tal-aħħar, b’mod assolut u awtomatiku, il-benefiċċju ta’ raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista fid-Deċiżjoni Qafas, minkejja li dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu joqogħdu jew jirrisjedu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-livell ta’ integrazzjoni tagħhom fi ħdan is-soċjetà tal-imsemmi Stat Membru. Fil-fatt, tali differenza fit-trattament ma tistax titqies li hija oġġettivament iġġustifikata.

    Min-naħa l-oħra, xejn ma jipprekludi lill-Istat Membru li jittrasponi l-imsemmija dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tiegħu milli jissuġġetta, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-benefiċċju tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista f’din id-dispożizzjoni għar-rekwiżit li dawn iċ-ċittadini jkunu joqogħdu u jirrisjedu f’dan l-Istat għal perijodu mhux interrott minimu, sakemm tali kundizzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex jiġi ggarantit li l-persuna rikjesta jkollha livell ta’ integrazzjoni ċert fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    Fit-tieni lok, l-effett tat-traspożizzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas ma jistax ikun dak li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiġi mċaħħda mill-marġni ta’ evalwazzjoni neċessarju sabiex tkun tista’ tiddeċiedi jekk ikun hemm jew ma jkunx hemm lok, fid-dawl tal-għan imfittex ta’ riabilitazzjoni soċjali, li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew.

    Issa, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni tikkomprometti l-għan ta’ riabilitazzjoni soċjali billi ċċaħħad lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mis-setgħa li tevalwa jekk ir-rabtiet ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkunux suffiċjenti sabiex tiddetermina jekk l-eżekuzzjoni tal-piena f’dan l-Istat tkunx ser tikkontribwixxi għaż-żieda tal-possibbiltajiet ta’ riabilitazzjoni tiegħu wara li din il-piena tkun ġiet skontata.

    It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, sabiex tevalwa jekk ikunx hemm lok li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod jew li jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq evalwazzjoni globali tal-elementi konkreti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-persuna rikjesta, li jistgħu jindikaw jekk jeżistux, bejn din il-persuna u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, rabtiet li jippermettu l-konstatazzjoni ta’ integrazzjoni suffiċjenti f’dan l-Istat. Fost dawn l-elementi hemm ir-rabtiet tal-familja, lingwistiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikollu mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll in-natura, it-tul u l-kundizzjonijiet tas-soġġorn tiegħu f’dan l-Istat Membru.

    B’mod partikolari, meta l-persuna rikjesta tkun stabbilixxiet iċ-ċentru tal-ħajja tal-familja u tal-interessi tagħha fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali ta’ din il-persuna wara li tkun skontat il-piena tagħha fih tkun iffaċilitata mill-fatt li hija jkun jista’ jkollha kuntatti regolari u frekwenti mal-familja u mal-qraba tagħha.


    ( 1 ) Il-Corte d’appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“qorti tal-appell”).

    ( 2 ) Artikolu 1(2) u Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).

    ( 3 ) Iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”.

    ( 4 ) Raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas.

    ( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

    Top