Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0699

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ April 2023.
    E. D. L.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(3) – Artikolu 23(4) – Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 4(3) TUE – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Marda gravi, kronika u potenzjalment irreversibbli – Riskju ta’ perikolu serju għas-saħħa tal-persuna kkonċernata mill-mandat ta’ arrest Ewropew.
    Kawża C-699/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:295

    Kawża C-699/21

    E. D. L.

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte costituzionale)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ April 2023

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(3) – Artikolu 23(4) – Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 4(3) TUE – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Marda gravi, kronika u potenzjalment irreversibbli – Riskju ta’ perikolu serju għas-saħħa tal-persuna kkonċernata mill-mandat ta’ arrest Ewropew”

    Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew taħt suspett lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Obbligu ta’ rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali – Projbizzjoni ta’trattamenti inumani jew degradanti– Riskju ta’ ħsara serja għas-saħħa – Ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw is-sospensjoni tal-konsenja jekk mhux saħansitra r-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Obbligi tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, inkluż dak li tiddiskuti mal-awtorità ġudizzjarja emittenti

    (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 4; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikoli 1(3), u 23(1) u (4))

    (ara l-punti 35 sa 42, 45 sa 53, 55 u d-dispożittiv)

    Sunt

    Fl-2019, qorti Kroata ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra E. D. L., residenti fl-Italja, bil-għan li jitressqu proċeduri kriminali. Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest, il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano, l-Italja) issuġġettat lil E. D. L. għal perizja psikjatrika, li minnha rriżulta li dan kien isofri minn problema psikotika li teħtieġ it-tkomplija ta’ trattament li ma kienx jagħmlu adatt għal ħajja f’ħabs. Il-Qorti tal-Appell ta’ Milano għalhekk qieset li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest kienet ser tinterrompi t-trattament ta’ E. D. L. u kienet ser twassal għal deterjorazzjoni ta’ saħħtu, jekk mhux saħansitra għal riskju kkonfermat ta’ suwiċidju. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Taljana ( 1 ) li tittrasponi d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 2 ) dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew ma kinux jipprevedu li l-konsenja ta’ persuna rikjesta tista’ tiġi rrifjutata għal tali raġunijiet ta’ saħħa.

    Peress li kellha dubji dwar il-kostituzzjonalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, il-Qorti tal-Appell ta’ Milano adixxiet lill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja). Skont din il-qorti tal-aħħar, ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 lanqas ma jinkludu l-każ ta’ perikolu serju għas-saħħa tal-persuna kkonċernata minħabba patoloġiji ta’ natura kronika ta’ tul potenzjalment indeterminat, bħal dawk li minnhom kien isofri E. D. L. Hija għalhekk iddeċidiet li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni li kellha tingħata lil din id-deċiżjoni qafas f’tali każ.

    Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, tat deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-possibbiltà jew l-obbligu, abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li tissospendi l-konsenja ta’ persuna rikjesta u li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ ta’ riskju ta’ ħsara serja għas-saħħa ta’ din il-persuna, kif ukoll dwar l-eżistenza, f’tali każ, ta’ obbligu ta’ diskussjoni mal-awtorità ġudizzjarja emittenti.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tipprevedix li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew għas-sempliċi raġuni li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ tali mandat ta’ arrest issofri minn patoloġiji gravi, ta’ natura kronika u potenzjalment irreversibbli. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu huwa bbażat l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja ( 3 ), teżisti, effettivament, preżunzjoni li l-kuri u t-trattamenti offruti fl-Istati Membri għall-kura, b’mod partikolari, ta’ tali patoloġiji, ikunu adegwati, inkluż fil-qasam tal-ħabsijiet.

    Madankollu, fid-dawl tal-Artikolu 23(4) ( 4 ) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija awtorizzata tissospendi temporanjament il-konsenja tal-persuna rikjesta, dejjem sakemm ikun hemm raġunijiet serji li wieħed jaħseb, abbażi ta’ elementi oġġettivi, bħal ma huma dikjarazzjonijiet mediċi jew rapporti ta’ perizja, li jkun hemm ir-riskju li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest tipperikola, b’mod manifest, is-saħħa ta’ din il-persuna, pereżempju, minħabba marda jew kundizzjoni temporanja qabel id-data prevista għall-konsenja tagħha.

    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma jistax jiġi eskluż li l-konsenja ta’ persuna marida serjament tista’ tkun tinvolvi, għal din il-persuna, riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, u dan minħabba jew, f’ċerti ċirkustanzi, indipendentement mil-livell ta’ kwalità tal-kura disponibbli fl-Istat Membru emittenti, fil-każ fejn dawn it-trattamenti jilħqu l-limitu minimu ta’ gravità li jaqbeż il-livell inevitabbli ta’ tbatija inerenti għad-detenzjoni.

    Għalhekk, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha, fid-dawl tal-elementi oġġettivi quddiemha, raġunijiet serji u kkonfermati li bihom temmen li l-konsenja tal-persuna rikjesta, li tkun serjament marida, tkun ser tesponiha għal riskju reali ta’ tnaqqis sinjifikattiv tal-aspettattivi ta’ ħajja tagħha jew ta’ deterjorament rapidu, sinjifikattiv u irrimedjabbli tal-istat tas-saħħa tagħha, din l-awtorità hija obbligata li tissospendi temporanjament il-konsenja. Hija għandha, barra minn hekk, titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdilha kull informazzjoni neċessarja sabiex tiżgura ruħha li l-modalitajiet li fihom ikunu ser jiġu eżerċitati l-proċeduri kriminali li jkunu taw lok għall-mandat ta’ arrest Ewropew jew il-kundizzjonijiet tal-eventwali detenzjoni ta’ din il-persuna jippermettu li jitwarrab ir-riskju inkwistjoni. Jekk l-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdi tali garanziji, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi eżegwit u għandha tiġi miftiehma data ġdida ta’ konsenja.

    Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-fatt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tiddiferixxi, sabiex tevita li jseħħ tali riskju ta’ ħsara serja għas-saħħa, il-konsenja ta’ persuna rikjesta għal perijodu kunsiderevoli, jekk mhux saħansitra b’mod indefinit, imur kontra l-istruttura ġenerali tal-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jsemmi n-natura “temporanja” tas-sospensjoni tal-konsenja.

    Konsegwentement, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, kif ukoll f’dak ta’ kull informazzjoni oħra li jkollha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, din l-awtorità tal-aħħar tista’ tasal għall-konklużjoni li, minn naħa, jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati li wieħed jemmen li, fil-każ ta’ konsenja lill-Istat Membru emittenti, il-persuna rikjesta ser tiġi esposta għal riskju ta’ ħsara serja għal saħħitha u li, min-naħa l-oħra, dan ir-riskju ma jkunx jista’ jitwarrab f’terminu raġonevoli. F’tali każ, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, abbażi tal-Artikolu 1(3) ( 5 ) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta, tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew.


    ( 1 ) Legge n. 69 – Disposizioni per conformare il diritto interno alla decisione quadro 2002/584/GAI del Consiglio, del 13 giugno 2002, relativa al mandato d’arresto europeo e alle procedure di consegna tra Stati membri (il-Liġi Nru 69, tat‑22 ta’ April 2005, li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Sabiex id-Dritt Nazzjonali jiġi Kkonformat mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri) (GURI Nru 98, tad‑29 ta’ April 2005, p. 6), fil-verżjoni tagħha kif emendata u applikabbli fi żmien il-fatti tal-kawża prinċipali.

    ( 2 ) Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24).

    ( 3 ) Dan il-qasam tad-dritt tal-Unjoni huwa rregolat mill-Artikoli 67 et seq TFUE u jinkludi, fost l-oħrajn, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

    ( 4 ) Skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, “[i]l-konsenja tista’ eċċezzjonalment tiġi posposta temporanjament għal raġunijiet umanitarji serji, per eżempju jekk hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li dan ipoġġi manifestament f'perikolu l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta”.

    ( 5 ) Skont din id-dispożizzjoni, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jistax ikollha l-effett li temenda l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-osservanza tal-prinċipji legali fondamentali kif miġbura fl-Artikolu 6 TUE.

    Top