EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0605

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ April 2024.
Heureka Group a.s. vs Google LLC.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 102 TFUE – Prinċipju ta’ effettività – Azzjonijiet għad-danni fid-dritt nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni – Direttiva 2014/104/UE – Traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva – Applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 10 – Terminu ta’ preskrizzjoni – Modalitajiet tad-dies a quo – Tmiem tal-ksur – Għarfien tal-informazzjoni indispensabbli għall-introduzzjoni tar-rikors għad-danni – Pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-sommarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li għadha ma hijiex definittiva – Sospensjoni jew interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni jew sad-data li fiha d-deċiżjoni tagħha ssir definittiva.
Kawża C-605/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:324

Kawża C‑605/21

Heureka Group a.s.

vs

Google LLC

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Městský soud v Praze)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ April 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 102 TFUE – Prinċipju ta’ effettività – Azzjonijiet għad-danni fid-dritt nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni – Direttiva 2014/104/UE – Traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva – Applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 10 – Terminu ta’ preskrizzjoni – Modalitajiet tad-dies a quo – Tmiem tal-ksur – Għarfien tal-informazzjoni indispensabbli għall-introduzzjoni tar-rikors għad-danni – Pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-sommarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li għadha ma hijiex definittiva – Sospensjoni jew interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni jew sad-data li fiha d-deċiżjoni tagħha ssir definittiva”

  1. Kompetizzjoni – Azzjonijiet għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Direttiva 2014/104 – Applikazzjoni ratione temporis – Dispożizzjoni li tistabbilixxi ċerti rekwiżiti fir-rigward tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-azzjonijiet għad-danni – Dispożizzjoni sostantiva – Projbizzjoni ta’ applikazzjoni retroattiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/104, Artikoli 10 u 22)

    (ara l-punti 47 sa 49)

  2. Kompetizzjoni – Azzjonijiet għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Direttiva 2014/104 – Applikazzjoni ratione temporis – Azzjonijiet għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn abbuż minn pożizzjoni dominanti li beda qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva – Applikabbiltà ratione temporis tad-dispożizzjoni tad-direttiva li tistabbilixxi ċerti rekwiżiti fir-rigward tat-terminu ta’ preskrizzjoni – Kundizzjoni – Azzjonijiet għall-kumpens li ma kinux preskritti fid-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva – Determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-imsemmija azzjonijiet – Applikabbiltà tad-dritt nazzjonali – Limiti – Osservanza tal-Artikolu 102 TFUE u tal-prinċipju ta’ effettività – Terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali li jista’ jibda jiddekorri biss wara t-tmiem tal-ksur u wara li l-persuna leża tkun saret taf bl-informazzjoni indispensabbli għall-preżentata tar-rikors – Mument li fih l-imsemmija informazzjoni ssir magħrufa li jikkoinċidi, bħala prinċipju, mad-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-ksur – Deċiżjoni li għadha ma hijiex definittiva – Assenza ta’ rilevanza

    (Artikolu 102 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/104, Artikoli 10 u 22)

    (ara l-punti 50 sa 78, 82 sa 88)

  3. Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Projbizzjoni – Effett dirett – Dritt tal-individwi li jitolbu kumpens għad-dannu mġarrab – Modalitajiet ta’ eżerċizzju – Termini ta’ preskrizzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix sospensjoni jew interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni – Inammissibbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni sad-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni – Ammissibbiltà

    (Artikolu 102 TFUE)

    (ara l-punti 79, 80)

  4. Kompetizzjoni – Azzjonijiet għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Direttiva 2014/104 – Terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-azzjonijiet għal kumpens – Sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni wara att ta’ awtorità tal-kompetizzjoni intiż għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni tal-ksur inkwistjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/104, Artikoli 10(2) u (4))

    (ara l-punti 90, 91)

  5. Atti tal-istituzzjonijiet – Direttivi – Implimentazzjoni mill-Istati Membri – Neċessità li tiġi żgurata l-effettività tad-direttivi – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi – Portata – Interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali – Esklużjoni

    (It-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE)

    (ara l-punt 93)

Sunt

Adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar ir-rekwiżiti li għandhom ikun ssodisfatti mis-sistemi ta’ preskrizzjoni nazzjonali applikabbli għall-azzjonijiet għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Dawn il-preċiżazzjonijiet qed jingħataw fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens imressqa minn impriża Ċeka kontra Google LLC minħabba abbuż minn pożizzjoni dominanti li din tal-aħħar u l-kumpannija parent tagħha, Alphabet Inc., wettqu fir-Repubblika Ċeka.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2017 ( 1 ), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li, minn Frar 2013, Google kisret l-Artikolu 102 TFUE billi abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fi tlettax-il suq nazzjonali tat-tiftix ġenerali, fosthom dak tar-Repubblika Ċeka, billi naqqset it-traffiku li joriġina mill-paġni tar-riżultati ta’ tiftix ġenerali tagħha lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u billi żiedet dan it-traffiku lejn is-servizz ta’ tqabbil tax-xiri rispettiv tagħha. Sommarju ta’ din id-deċiżjoni ġie ppubblikata fit-12 ta’ Jannar 2018 fIl‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea ( 2 ).

Google u Alphabet adixxew lill-Qorti Ġenerali b’rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni, li ġie, fil-parti l-kbira tiegħu, miċħud ( 3 ). Madankollu, peress li l-appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali għadu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għadha ma hijiex definittiva.

F’Ġunju 2020, Heureka Group a.s. (iktar’ il quddiem “Heureka”), kumpannija Ċeka attiva fis-suq tas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, ippreżentat quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) rikors intiż sabiex Google tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 102 TFUE kkonstatat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u mwettaq fir-Repubblika Ċeka matul il-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ Frar 2013 u s-27 ta’ Ġunju 2017. Skont Heureka, l-aġir antikompetittiv ta’ Google naqqas il-konsultazzjoni tal-portal tagħha Heureka.cz.

Fid-difiża tagħha, Google invokat il-preskrizzjoni, minn tal-inqas parzjali, tad-dritt għall-kumpens ta’ Heureka.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Muniċipali ta’ Praga tippreċiża li r-regoli nazzjonali applikabbli għar-rikors ta’ Heureka jipprevedu terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li jibda’ jiddekorri, indipendentement u separatament għal kull dannu parzjali li jirriżulta minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, mill-mument li fih il-persuna leża saret taf jew tista’ raġonevolment titqies li saret taf kemm bil-fatt li hija ġarrbet tali dannu parzjali kif ukoll bl-identità tal-persuna responsabbli għall-kumpens ta’ dan id-dannu. Min-naħa l-oħra, sabiex dan it-terminu jibda jiddekorri la huwa meħtieġ li l-persuna leża saret taf bil-fatt li l-aġir inkwistjoni jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u lanqas ma huwa meħtieġ li dan il-ksur ikun intemm. Barra minn hekk, ir-regoli nazzjonali applikabbli ma jimponux is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-imsemmi terminu matul il-perijodu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ksur. Dan l-istess terminu lanqas ma jista’ jiġi sospiż, minn tal-inqas, sa sena wara d-data li fiha d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata dan l-istess ksur issir definittiva.

Skont il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, minn dan isegwi li, f’dan il-każ, kull tfittxija ġenerali magħmula fis-sit ta’ Google li wasslet għal pożizzjonament u dehra ta’ riżultati li kienu iktar favorevoli għas-servizz ta’ tqabbil ta’ xiri ta’ Google kienet tagħti lok għad-dekorrenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ġdid awtonomu.

Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 2014/104 ( 4 ) ġiet trasposta tard fid-dritt Ċek, il-Qorti Muniċipali ta’ Praga tirrileva li l-ksur allegat fil-konfront ta’ Google waqaf wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri fis-27 ta’ Diċembru 2016, iżda milli jidher qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni fl-1 ta’ Settembru 2017.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, il-Qorti Muniċipali ta’ Praga għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi preliminari intiżi sabiex isir magħruf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 u/jew l-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ preskrizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għar-rikorsi għad-danni relatati ma’ ksur kontinwu tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina qabel kollox l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104, li jiddetermina t-tul minimu tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-iktar mument kmieni li fih dan jista’ jibda jiddekorri kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom dan it-terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi sospiż jew interrott.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 huwa dispożizzjoni sostantiva, b’tali mod li, konformement mal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ dan l-artikolu ma japplikawx retroattivament. Madankollu, mill-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri fis-27 ta’ Diċembru 2016, id-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat b’mod konformi ma’ kull dispożizzjoni tagħha.

F’dan il-kuntest, sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk is-sitwazzjoni legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx konkluża qabel s-27 ta’ Diċembru 2016 jew jekk din komplietx tipproduċi l-effetti tagħha sussegwentement.

Għal dan l-għan, għandu jiġi eżaminat jekk, fis-27 ta’ Diċembru 2016, it-terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienx skada. F’dan il-kuntest, għandu madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, anki qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, ir-regoli ta’ preskrizzjoni nazzjonali applikabbli kellhom josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività u ma kellhomx iġibu fix-xejn l-effettività sħiħa tal-Artikolu 102 TFUE.

Issa, l-effettività sħiħa tal-Artikolu 102 TFUE u, b’mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni prevista fih jeżiġu li t-termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali applikabbli għar-rikorsi għad-danni għall-ksur ta’ dan l-artikolu ma jibdewx jiddekorru qabel ma jintemm il-ksur u qabel ma l-persuna leża tkun saret taf jew tista’ raġonevolment titqies bħala li saret taf bl-informazzjoni indispensabbli għall-preżentata tal-azzjoni tagħha għad-danni.

Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni dwar it-tmiem tal-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, fid-dawl tal-fatt li t-tilwim li jikkonċerna ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa kkaratterizzat, bħala prinċipju, minn assimetrija ta’ informazzjoni għad-detriment tal-persuna leża u li ta’ spiss huwa partikolarment diffiċli li din il-persuna tistabbilixxi kemm l-eżistenza u l-portata ta’ tali ksur kif ukoll id-dannu li jirriżulta minn dan il-ksur qabel it-tmiem tiegħu, ir-rekwiżit li t-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jibda jiddekorri qabel ma jintemm il-ksur ikkonċernat huwa neċessarju sabiex jippermetti li l-persuna leża tkun effettivament f’pożizzjoni li teżerċita d-dritt tagħha li titlob kumpens sħiħ, li jirriżulta mill-Artikolu 102 TFUE. Barra minn hekk, peress li huwa, b’mod ġenerali, diffiċli għall-persuna leża li tipproduċi l-prova ta’ ksur ta’ dan l-artikolu fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jew ta’ awtorità nazzjonali li tikkonstata dan il-ksur, sistema ta’ preskrizzjoni li l-konsegwenza tagħha tista’ tkun li t-terminu ta’ preskrizzjoni jiskadi ferm qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni tkun ta’ natura li tagħmel l-eżerċizzju tad-dritt tagħha li titlob kumpens sħiħ eċċessivament diffiċli.

F’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni relatata mal-għarfien tal-informazzjoni indispensabbli għall-preżentata ta’ rikors għad-danni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li din l-informazzjoni tinkludi l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-eżistenza ta’ dannu, ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u dan il-ksur kif ukoll l-identità tal-awtur tiegħu.

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, f’dan il-każ, id-data li fiha Heureka saret taf b’din l-informazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tqis li huwa utli li jiġi osservat li, bħala prinċipju, dan il-mument ta’ ksib ta’ għarfien jikkoinċidi mad-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-sommarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-ksur, irrispettivament minn jekk din id-deċiżjoni saritx definittiva jew le.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, barra minn hekk, li l-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività jimponu s-sospensjoni jew l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, dan l-artikolu u dan il-prinċipju ma jeżiġux li t-terminu ta’ preskrizzjoni jkompli jiġi sospiż sal-mument meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ssir definittiva. Fil-fatt, persuna leża tista’, insostenn tar-rikors tagħha għad-danni, tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjonijiet li jinsabu f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tkunx saret definittiva, peress li din għandha effett vinkolanti sakemm ma ġietx annullata.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, minn naħa, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin jibda jiddekorri indipendentement u separatament għal kull dannu parzjali li jirriżulta minn ksur tal-Artikolu 102 TFUE b’effett mill-mument li fih il-persuna leża saret taf jew tista’ raġonevolment titqies li saret taf kemm bil-fatt li hija ġarrbet dannu parzjali kif ukoll bl-identità tal-persuna responsabbli għall-kumpens ta’ dan id-dannu, mingħajr ma jkun neċessarju li l-ksur ikun intemm u li din il-persuna tkun saret taf bil-fatt li l-aġir ikkonċernat jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmi terminu la jista’ jiġi sospiż u lanqas ma jista’ jiġi interrott matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar tali ksur, hija inkompatibbli mal-Artikolu 102 TFUE u mal-prinċipju ta’ effettività sa fejn din tagħmel l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-istess ksur prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

Konsegwentement, huwa billi jiġu injorati l-elementi ta’ din is-sistema ta’ preskrizzjoni li huma inkompatibbli mal-Artikolu 102 TFUE u mal-prinċipju ta’ effettività li għandu jiġi mistħarreġ jekk, fid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, jiġifieri fis-27 ta’ Diċembru 2016, it-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit mid-dritt nazzjonali, applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa din id-data, kienx skada.

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-abbuż minn Google tal-pożizzjoni dominanti tagħha jirriżulta li dan il-ksur kien għadu ma ntemmx fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri s-27 ta’ Ġunju 2017. Minn dan isegwi li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, mhux biss talli t-terminu ta’ preskrizzjoni kien għadu ma skadiex, iżda talli dan lanqas biss kien għadu ma beda jiddekorri.

Peress li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet għadha mhux konkluża qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, l-Artikolu 10 ta’ din tal-aħħar huwa applikabbli ratione temporis għaliha. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li mill-formulazzjoni ċara ta’ dan l-Artikolu 10(2) u (4) jirriżulta li s-sistema ta’ preskrizzjoni nazzjonali inkwistjoni hija wkoll inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni. Hija tosserva, b’mod partikolari, li l-imsemmi Artikolu 10(4) issa jeżiġi li s-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni wara att ta’ awtorità tal-kompetizzjoni intiż għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jkun is-suġġett tal-azzjoni għad-danni tintemm mhux iktar kmieni minn sena wara d-data li fiha d-deċiżjoni li tikkonstata ksur tkun saret definittiva jew mid-data ta’ meta l-proċedura tkun intemmet b’xi mod ieħor. Għalhekk, f’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tmur lil hinn mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 102 TFUE u mill-prinċipju ta’ effettività.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, għalkemm direttiva mhux trasposta ma tistax tiġi invokata direttament f’tilwima bejn individwi, il-qorti nazzjonali adita b’tali tilwima hija madankollu obbligata li tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod konformi ma’ din id-direttiva mill-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, mingħajr madankollu ma tagħti interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali.


( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 4444 final tas-27 ta’ Ġunju 2017 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 [TFUE] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Każ AT.39740 – Google Search (Xiri)).

( 2 ) ĠU 2018, C 9, p. 11.

( 3 ) Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2021, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (Google Shopping) (T‑612/17, EU:T:2021:763).

( 4 ) Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).

Top