Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0582

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ April 2024.
    FY vs Profi Credit Polska S.A. w Bielsku Białej.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Awtonomija proċedurali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rimedju straordinarju li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura ċivili magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva – Motivi – Deċiżjoni sussegwenti ta’ qorti kostituzzjonali li tikkonstata l-inkompatibbiltà mal-Kostituzzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li abbażi tagħha ngħatat dik is-sentenza – Ċaħda tal-possibbiltà li tittieħed azzjoni minħabba ksur tad-dritt – Applikazzjoni estensiva ta’ dan ir-rimedju – Allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn sentenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt taħt l-Artikolu 267 TFUE – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Sentenza fil-kontumaċja – Assenza ta’ verifika ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.
    Kawża C-582/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:282

    Kawża C‑582/21

    FY

    vs

    Profi Credit Polska S.A. w Bielsku Białej

    (talba għal deċiżjoni preliminari,
    imressqa mis-Sąd Okregowy Warszawa-Praga w Warszawie)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad‑9 ta’ April 2024

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Awtonomija proċedurali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rimedju straordinarju li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura ċivili magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva – Motivi – Deċiżjoni sussegwenti ta’ qorti kostituzzjonali li tikkonstata l-inkompatibbiltà mal-Kostituzzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li abbażi tagħha ngħatat dik is-sentenza – Ċaħda tal-possibbiltà li tittieħed azzjoni minħabba ksur tad-dritt – Applikazzjoni estensiva ta’ dan ir-rimedju – Allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn sentenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt taħt l-Artikolu 267 TFUE – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Sentenza fil-kontumaċja – Assenza ta’ verifika ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali”

    1. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Obbligu, għall-Istati Membri, li jipprevedu rimedji straordinarji li jippermettu l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva wara deċiżjoni preliminari ta’ interpretazzjoni – Assenza

      (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE)

      (ara l-punti 34 u 35)

    2. Stati Membri – Obbligi – Awtorità ta’ res judicata – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Stat Membru mid-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li kienet il-bażi ta’ sentenza li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata – Rimedju straordinarju tad-dritt nazzjonali li jippermetti li jinkiseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva – Obbligu tal-qorti nazzjonali li testendi dan ir-rimedju għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkonstatat permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Assenza

      (Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 267 TFUE)

      (ara l-punti 41, 43 sa 58 u 59, u d-dispożittiv 1)

    3. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Obbligu għall-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt suġġett għall-evalwazzjoni tagħha – Regola proċedurali imposta fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali

      (Direttiva tal-Kunsill 93/13)

      (ara l-punt 66)

    4. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Mezzi intiżi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti – Awtonomija proċedurali – Ċaħda illegali tal-possibbiltà li parti tieħu azzjoni minħabba l-ksur tad-dritt – Rimedju straordinarju tad-dritt nazzjonali li jippermetti li jinkiseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva – Sentenza fil-kontumaċja li laqgħet talba għal irkupru, mingħajr eżami tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni – Prinċipju ta’ ekwivalenza li ma jistax jimponi l-obbligu li jiġi rrikonoxxut tali dritt għal ftuħ mill-ġdid f’din is-sitwazzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ effettività – Neċessità ta’ modalitajiet proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-konsumatur

      (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 6(1))

      (ara l-punti 71, 73 sa 76 u 84, u d-dispożittiv 1)

    Sunt

    Adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari mis-Sąd Okręgowy Warszawa-Praga ( 1 ) (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja-Praga, il-Polonja), il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, interpretat l-Artikolu 4(3) TUE ( 2 ), il-prinċipju ta’ ekwivalenza u l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, b’rabta mal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli kuntrattwali inġusti, fis-sitwazzjoni li fiha l-qorti nazzjonali li tkun laqgħet talba ta’ bejjiegħ jew fornitur ibbażata fuq kuntratt konkluż ma’ konsumatur, permezz ta’ sentenza definittiva mogħtija fil-kontumaċja, tkun naqset milli teżamina ex officio l-eżistenza eventwali ta’ klawżoli inġusti f’dan il-kuntratt, bi ksur tal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 93/13 ( 3 ).

    Fit-tilwima fil-kawża prinċipali, FY kienet ikkonkludiet ma’ Profi Credit Polska S.A, impriża ta’ kreditu, kuntratt ta’ kreditu għall-konsum. Il-ħlas lura tas-self kien iggarantit bil-ħruġ ta’ ċedola in bjank iffirmata minn FY, li ġiet ikkompletata sussegwentement minn Profi Credit Polska.

    Sussegwentement, Profi Credit Polska ppreżentat rikors quddiem il-qorti tal-ewwel istanza kompetenti intiż sabiex jinkiseb il-ħlas tal-bilanċ tal-kreditu li kellu jiġi rrimborsat, flimkien mal-interessi. Mar-rikors ġew annessi biss l-imsemmija ċedola u l-komunikazzjoni tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni. Dan tal-aħħar ma ġiex ippreżentat.

    Il-qorti tal-ewwel istanza tat sentenza fil-kontumaċja, li kkundannat lil FY tħallas lil Profi Credit Polska l-ammont li jidher fuq iċ-ċedola, flimkien mal-interessi moratorji legali, billi bbażat ruħha biss fuq l-imsemmija ċedola u d-dikjarazzjonijiet li jinsabu fir-rikors.

    FY ma ppreżentax oppożizzjoni kontra s-sentenza fil-kontumaċja, li saret definittiva fi tmiem it-terminu previst għal dan l-għan.

    Peress li qieset li l-qorti tal-ewwel istanza ma kinitx ħadet id-Direttiva 93/13 inkunsiderazzjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 4 ), billi laqgħet it-talba ta’ Profi Credit Polska abbażi taċ-ċedola li hija kienet ħarġet, mingħajr ma eżaminat in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispiża mingħajr interessi tal-kreditu, FY ressqet quddiem dik il-qorti talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura.

    Peress li t-talba tagħha ġiet miċħuda, FY appellat quddiem il-qorti tar-rinviju.

    Peress li qieset li, sa fejn il-qorti tal-ewwel istanza ma kinitx eżaminat il-kuntratt ta’ kreditu u lanqas in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli li kien fih, kien probabbli li s-sentenza fil-kontumaċja tikser id-Direttiva 93/13, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju kellha dubju jekk id-dritt tal-Unjoni kienx jimponi fuqha l-obbligu li tilqa’ t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura mressqa minn FY, indipendentement mill-fatt li din ma ressqitx oppożizzjoni kontra s-sentenza fil-kontumaċja.

    Dik il-qorti xtaqet tkun taf, b’mod partikolari, jekk id-dritt tal-Unjoni kienx jobbligaha tinterpreta b’mod estensiv id-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jistabbilixxu rimedju straordinarju li jippermetti lil parti f’kawża titlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva. Fid-dritt nazzjonali, tali talba setgħet tintlaqa’, b’mod partikolari, meta d-dispożizzjoni nazzjonali invokata fil-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni tkun ġiet sussegwentement iddikjarata inkompatibbli mal-Kostituzzjoni nazzjonali jew ma’ att legali superjuri ieħor mill-qorti kostituzzjonali, jew meta l-parti kkonċernata tkun ġiet illegalment imċaħħda mill-possibbiltà li tieħu azzjoni minħabba ksur tad-dritt ( 5 ).

    L-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju staqsiet jekk l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali u l-prinċipju ta’ ekwivalenza kinux jeżiġu li l-ewwel wieħed minn dawn ir-rimedji straordinarji jippermetti li jintalab il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva anki meta minn deċiżjoni preliminari ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ) wara tali sentenza definittiva, jirriżulta li din hija bbażata fuq dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi kienx jimponi fuqha l-obbligu li tinterpreta d-dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà għal parti li titlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva jekk hija tkun ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tieħu azzjoni minħabba ksur tad-dritt, b’mod li tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    Fuq l‑ewwel domanda

    Wara li rrilevat li r-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jimplikax l-obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu rimedji ġudizzjarji straordinarji li jippermettu l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva wara deċiżjoni preliminari ta’ interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza li għandu l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, b’osservanza, madankollu, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    Jekk ir-regoli proċedurali interni applikabbli jinkludu l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-qorti nazzjonali li tibdel deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata sabiex tirrendi s-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, din il-possibbiltà għandha tipprevali, konformement mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, sabiex is-sitwazzjoni inkwistjoni terġa’ tiġi konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika, fid-dawl tal-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi applikabbli fid-dritt nazzjonali, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza fid-dawl tas-suġġett, tal-kawża u tal-punti essenzjali tar-rikorsi kkonċernati.

    F’dan il-każ, din il-verifika timplika li jiġi eżaminat jekk, meta d-dritt nazzjonali jagħti lill-partijiet f’kawża d-dritt li jitolbu l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva bbażata fuq dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, li n-nuqqas ta’ konformità tagħha tkun sussegwentement ġiet iddikjarata mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) ( 7 ), ikollux jiġi rrikonoxxut lill-partijiet f’kawża dritt ekwivalenti meta minn deċiżjoni preliminari ta’ interpretazzjoni, mogħtija sussegwentement għal tali sentenza definittiva, ikun jirriżulta li din tal-aħħar hija bbażata fuq dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    Tali verifika twassal sabiex jiġi ddeterminat jekk tistax tiġi stabbilita ekwivalenza bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, b’mod partikolari, li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali jinkludu konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, li ma teħtieġx l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, u li għandha l-effett li ċċaħħad lill-imsemmija dispożizzjoni mis-saħħa vinkolanti tagħha u li teskludiha mill-ordinament ġuridiku nazzjonali, bil-konsegwenza diretta li s-sentenza definittiva, li kienet ingħatat abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, titneħħielha l-bażi legali tagħha.

    Id-deċiżjonijiet preliminari ta’ interpretazzjoni huma differenti mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali inkwantu, meta tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix direttament dwar l-eventwali inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali. Għalkemm ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tipprovdi interpretazzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni, il-konsegwenzi li jirriżultaw minn din l-interpretazzjoni għall-każ konkret jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-qrati nazzjonali. Minħabba s-separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, li tikkaratterizza l-proċedura għal deċiżjoni preliminari, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali, kif ukoll sabiex timplimenta, fil-kawża pendenti quddiemha, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għad-domanda preliminari tagħha.

    Għaldaqstant, meta rimedju straordinarju stabbilit minn dispożizzjoni proċedurali nazzjonali jippermetti lil parti f’kawża titlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura li tkun wasslet għal sentenza definittiva billi tinvoka deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità mal-Kostituzzjoni ta’ dan l-Istat Membru ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, li abbażi tagħha tkun ingħatat dik is-sentenza, l-Artikolu 4(3) TFUE u l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jimponux l-obbligu li dan ir-rimedju jkun miftuħ ukoll minħabba l-invokazzjoni ta’ deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ( 8 ).

    Fuq it‑tieni domanda

    Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret qabelxejn li, peress li l-qrati nazzjonali biss għandhom ġurisdizzjoni sabiex jinterpretaw id-dritt nazzjonali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fid-dawl tal-limiti għall-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi li jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt u l-impossibbiltà li tingħata interpretazzjoni contra legem, id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, li tippermetti li tinfetaħ mill-ġdid proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva jekk il-parti kkonċernata tkun ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tieħu azzjoni minħabba ksur tad-dritt, tistax tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni estensiva b’mod li tiġi rrilevata sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali minn din ir-raġuni għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tat lil dik il-qorti ċerti indikazzjonijiet fid-dawl tal-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju.

    B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-proċedura quddiem il-qorti tal-ewwel istanza kellha tiġi eżaminata fl-intier tagħha, billi jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-fatt li s-sentenza fil-kontumaċja ngħatat mingħajr eżami ex officio tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ FY, iżda wkoll il-modalitajiet proċedurali relatati mal-eżerċizzju tad-dritt li titressaq oppożizzjoni għal tali sentenza.

    Konsegwentement, kienet il-qorti tar-rinviju li kellha tivverifika jekk il-modalitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħux “iċaħħdu lil parti mill-possibbiltà li tieħu azzjoni minħabba ksur tad-dritt”, fis-sens tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, peress li ma jippermettux li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumatur jislet mid-Direttiva 93/13.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li r-rikonoxximent ta’ dritt għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma kienx jikkostitwixxi l-uniku mezz li seta’ jiggarantixxi lil konsumatur, f’ċirkustanzi bħal dawk fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13.

    L-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet. Għalhekk, jekk il-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt li ssir oppożizzjoni għas-sentenza fil-kontumaċja ma jkunux jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu mid-Direttiva 93/13, dik il-proċedura ma tkunx konformi mad-dritt tal-konsumaturi għal rimedju effettiv.

    Għaldaqstant, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tqis li l-interpretazzjoni estensiva li hija tikkunsidra ma hijiex konċepibbli, konsumatur bħal FY għandu jkollu rimedju legali ieħor sabiex il-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13 tiġi effettivament iggarantita lilu.

    F’tali sitwazzjoni, il-prinċipju ta’ effettività jimponi li r-rispett tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 93/13 ikun żgurat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja, jew saħansitra wara li din tkun intemmet. Fil-każ li fih l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tkun intemmet, il-konsumatur għandu jkun f’pożizzjoni li jinvoka fi proċedura sussegwenti distinta n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt sabiex ikun jista’ jeżerċita b’mod effettiv u sħiħ id-drittijiet tiegħu taħt din id-direttiva, sabiex jikseb kumpens għad-dannu finanzjarju kkawżat minn dawn il-klawżoli.


    ( 1 ) Iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”.

    ( 2 ) Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li minnu jirriżulta li l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet intiżi sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

    ( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100). L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jistipula, b’mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma għandhomx jorbtu lill-konsumatur, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali rispettiv tagħhom. L-Artikolu 7(1) jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”.

    ( 4 ) Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711).

    ( 5 ) Bħalma jipprevedu, essenzjalment, l-Artikolu 4011 u l-punt 2 tal-Artikolu 401 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk, rispettivament.

    ( 6 ) Iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni preliminari ta’ interpretazzjoni”.

    ( 7 ) Dik il-qorti hija indikata iktar ’il quddiem bħala l-“Qorti Kostituzzjonali”. Id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Qorti Kostituzzjonali tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità mal-Kostituzzjoni Pollakka jew ma’ regola oħra ta’ livell superjuri ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jew ta’ ċerta interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, huma indikati iktar ’il quddiem bħala d-“deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali”.

    ( 8 ) Sa fejn il-konsegwenzi konkreti ta’ tali deċiżjoni ta’ din il-Qorti Kostituzzjonali f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jew l-interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, li fuqha hija bbażata l-imsemmija sentenza definittiva, jirriżultaw direttament minn dik id-deċiżjoni.

    Top