Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0470

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) tat-30 ta’ April 2024.
    La Quadrature du Net et vs Premier ministre u Ministère de la Culture.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Protezzjoni – Artikoli 5 u 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tiġġieled, permezz tal-azzjoni ta’ awtorità pubblika, il-kontrafazzjoni mwettqa fuq l-internet – Proċedura magħrufa bħala ta’ ‘risposta gradwata’ – Ġbir minn qabel minn organi tad-detenturi ta’ drittijiet tal-indirizzi IP użati għal attivitajiet li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati – Aċċess sussegwenti tal-awtorità pubblika inkarigata mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal dawn l-indirizzi IP miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Ipproċessar awtomatizzat – Rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti – Kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali – Garanziji kontra r-riskji ta’ abbuż u kontra kwalunkwe aċċess għal din id-data u kwalunkwe użu illegali tagħha.
    Kawża C-470/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:370

    Kawża C‑470/21

    La Quadrature du Net
    u
    Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs
    u
    Franciliens.net French Data Network

    vs

    Premier ministre,
    u
    Ministère de la Culture

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (Franza))

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) tat‑30 ta’ April 2024

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Protezzjoni – Artikoli 5 u 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tiġġieled, permezz tal-azzjoni ta’ awtorità pubblika, il-kontrafazzjoni mwettqa fuq l-internet – Proċedura magħrufa bħala ta’ ‘risposta gradwata’ – Ġbir minn qabel minn organi tad-detenturi ta’ drittijiet tal-indirizzi IP użati għal attivitajiet li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati – Aċċess sussegwenti tal-awtorità pubblika inkarigata mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal dawn l-indirizzi IP miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Ipproċessar awtomatizzat – Rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti – Kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali – Garanziji kontra r-riskji ta’ abbuż u kontra kwalunkwe aċċess għal din id-data u kwalunkwe użu illegali tagħha”

    1. Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Kunċett ta’ pproċessar ta’ data personali – Ġbir, minn organi tad-detenturi ta’ drittijiet, tal-indirizzi IP ta’ utenti ta’ network peer-to-peer għall-finijiet tal-użu tagħhom fil-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji – Inklużjoni

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, punt 2 tal-Artikolu 4 u punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1))

      (ara l-punti 54, 60 sa 62)

    2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Kamp ta’ applikazzjoni – Konnessjoni mwettqa, mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-indirizzi IP miġbura mad-detenturi tal-imsemmija indirizzi, għall-finijiet tal-użu ta’ din id-data fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji – Inklużjoni

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 3)

      (ara l-punti 55 sa 63)

    3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizzi IP – Għan ta’ ġlieda kontra r-reati kriminali b’mod ġenerali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Obbligu ta’ Stat Membru li jipprevedi rekwiżiti stretti dwar il-modalitajiet ta’ żamma tal-imsemmija data

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 15(1))

      (ara l-punti 65 sa 70, 73 sa 93)

    4. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil awtorità pubblika taċċedi għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizzi IP – Leġiżlazzjoni intiża li tiġġieled il-ksur tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mwettaq fuq l-internet – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 15(1))

      (ara l-punti 95 sa 104, 110 sa 114, 116 sa 119, 122, 164, u d-dispożittiv)

    5. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil awtorità pubblika taċċedi għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizzi IP – Leġiżlazzjoni intiża li tiġġieled il-ksur tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mwettaq fuq l-internet – Rekwiżit ta’ stħarriġ qabel l-aċċess għall-imsemmija data mwettaq minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti – Portata – Modalitajiet tal-imsemmi stħarriġ minn qabel

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 15(1))

      (ara l-punti 124 sa 143, 145, 146, 148 sa 151, 164 u d-dispożittiv)

    6. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 2016/680 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ “awtorità pubblika” – Awtorità nazzjonali mingħajr setgħat deċiżjonali inkarigata tinforma lill-persuni ssuspettati li wettqu reati kriminali – Inklużjoni – Applikabbiltà tal-garanziji sostantivi u proċedurali

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/680, Artikolu 3)

      (ara l-punti 157 sa 163)

    Sunt

    Dawn l-aħħar snin, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet diversi drabi tagħti deċiżjoni dwar iż-żamma u l-aċċess għad-data personali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u stabbilixxiet, konsegwentement, ġurisprudenza estensiva fil-qasam ( 1 ). Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Conseil d’État (France) (il-Kunsill tal-Istat, (Franza)), is-seduta plenarja tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat din il-ġurisprudenza billi għamlet preċiżazzjonijiet dwar, minn naħa, il-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom żamma ġġeneralizzata ta’ indirizzi IP minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ ma titqiesx li tikkostitwixxi ndħil serju għad-drittijiet tar-rispett tal-ħajja privata, il-protezzjoni tad-data personali u l-libertà ta’ espressjoni ggarantiti mill-Karta ( 2 ), u, min-naħa l-oħra, dwar il-possibbiltà, għal awtorità pubblika, li taċċedi għal ċertu data personali miżmuma sakemm ikunu osservati tali kundizzjonijiet, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mwettaq online.

    F’dan il-każ, erba’ assoċjazzjonijiet talbu lill-Premier ministre (France), (il-Prim Ministru (Franza)) it-tħassir tad-digriet dwar l-ipproċessar awtomatizzat tad-data personali ( 3 ). Peress li din it-talba ma ngħatatx segwitu, dawn l-assoċjazzjonijiet adixxew lill-Conseil d’État (France) (il-Kunsill tal-Istat, Franza) b’rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda impliċita. Fil-fehma tagħhom, dan id-digriet kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi legali tiegħu kienu jiksru d-dritt tal-Unjoni.

    Skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, l-Haute autorité pour la diffusion des œuvres et la protection des droits sur internet (Hadopi) (l-Awtorità Għolja għad-Distribuzzjoni tax-Xogħlijiet u għall-Protezzjoni tad-Drittijiet fuq l-Internet, iktar ’il quddiem il-“Hadopi”), sabiex tkun tista’ tidentifika dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati mwettaq online, kienet awtorizzata taċċedi għal ċertu data li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma kienu obbligati li jżommu. Din id-data kienet tirrigwarda l-identità ċivili ta’ persuna kkonċernata li tikkorrispondi għall-indirizz IP tagħha miġbur minn qabel minn organi tad-detenturi ta’ drittijiet. Ladarba jiġi identifikat id-detentur tal-indirizz IP użat għal attivitajiet li jikkawżaw tali preġudizzju, l-Hadopi kienet issegwi l-proċedura magħrufa bħala ta’ “risposta gradwata”. B’mod konkret, hija kienet tista’ tibgħat, lil din il-persuna, żewġ rakkomandazzjonijiet li jixbhu twissijiet u, jekk l-attivitajiet kienu jippersistu, kienet tista’ tibgħat ittra li tinnotifikaha li l-attivitajiet tagħha jkunu jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali. Fl-aħħar nett, hija kellha d-dritt li tagħmel riferiment lill-prosekutur pubbliku għat-tħarrik tal-imsemmija persuna ( 4 ).

    F’dan il-kuntest, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) staqsa lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”, moqrija fid-dawl tal-Karta ( 5 ).

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    Fl-ewwel lok, fir-rigward taż-żamma tad-data dwar l-identità ċivili u tal-indirizzi IP korrispondenti, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li kull żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP ma tikkostitwixxix neċessarjament indħil serju fid-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata, għall-protezzjoni tad-data personali kif ukoll għal-libertà tal-espressjoni ggarantiti mill-Karta.

    L-obbligu li tiġi żgurata tali żamma jista’ jiġi ġġustifikat mill-għan tal-ġlieda kontra r-reati kriminali b’mod ġenerali meta jkun effettivament eskluż li din iż-żamma tista’ toħloq indħil serju fil-ħajja privata tal-persuna kkonċernata minħabba l-possibbiltà li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi fuqha, b’mod partikolari, permezz tal-konnessjoni ta’ dawn l-indirizzi IP ma’ sett ta’ data dwar it-traffiku jew dwar il-lokalizzazzjoni.

    Għaldaqstant, Stat Membru li jkollu l-intenzjoni li jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tali obbligu għandu jiżgura li l-modalitajiet taż-żamma ta’ din id-data jeskludu li jkunu jistgħu jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-modalitajiet ta’ żamma għandhom, għal dan l-għan, jikkonċernaw l-istruttura stess taż-żamma li, essenzjalment, għandha tiġi organizzata b’mod li tiġi ggarantita separazzjoni effettivament stretta u sigura tal-kategoriji differenti ta’ data miżmuma. Għalhekk, ir-regoli nazzjonali dwar dawn il-modalitajiet għandhom jiżguraw li kull kategorija ta’ data, inkluża d-data dwar l-identità ċivili u l-indirizzi IP, tinżamm b’mod kompletament separat mill-kategoriji l-oħra ta’ data miżmuma u li din is-separazzjoni tkun effettivament stretta u sigura, permezz ta’ apparat informatiku sigur u affidabbli. Barra minn hekk, sa fejn dawn ir-regoli jipprevedu l-possibbiltà ta’ konnessjoni tal-indirizzi IP miżmuma mal-identità ċivili tal-persuna kkonċernata għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati, dawn għandhom jippermettu tali konnessjoni biss bl-użu ta’ proċess tekniku effiċjenti li ma jkunx jippreġudika l-effettività tas-separazzjoni stretta u sigura ta’ dawn il-kategoriji ta’ data. L-affidabbiltà ta’ din is-separazzjoni stretta u sigura għandha tkun suġġetta għal kontroll regolari minn awtorità pubblika terza. Sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprevedi tali rekwiżiti stretti, l-indħil li jirriżulta minn din iż-żamma tal-indirizzi IP ma jistax jiġi kklassifikat bħala “serju”.

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, fil-preżenza ta’ dispożittiv leġiżlattiv li jiggarantixxi li ebda kombinazzjoni ta’ data ma tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom hija miżmuma, id-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”, moqrija fid-dawl tal-Karta, ma tipprekludix li Stat Membru jimponi obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP, għal perijodu li ma jeċċedix dak li jkun strettament neċessarju, għall-finijiet ta’ għan tal-ġlieda kontra r-reati kriminali b’mod ġenerali.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aċċess għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizzi IP, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”, moqrija fid-dawl tal-Karta, ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-aċċess, minn awtorità pubblika, għal din id-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’mod separat u effettivament strett u sigur, sempliċement sabiex din l-awtorità tkun tista’ tidentifika d-detenturi ta’ dawn l-indirizzi ssuspettati li jkunu responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fuq l-internet u tadotta miżuri fir-rigward tagħhom. F’tali każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprojbixxi lill-membri tal-persunal li jkollhom tali aċċess, l-ewwel nett, milli jiżvelaw taħt kwalunkwe forma informazzjoni dwar il-kontenut tal-fajls ikkonsultati minn dawn id-detenturi, ħlief sabiex jadixxu lill-prosekutur pubbliku, it-tieni nett, milli jwettqu kull traċċament tal-proċess ta’ navigazzjoni ta’ dawn id-detenturi u, it-tielet nett, milli jużaw dawn l-indirizzi IP għal finijiet differenti minn dak tal-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod partikolari li, minkejja li l-libertà ta’ espressjoni u l-kunfidenzjalità tad-data personali jikkostitwixxu tħassib ewlieni, dawn id-drittijiet fundamentali ma humiex madankollu assoluti. Fil-fatt, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi inkwistjoni, dawn għandhom xi drabi jitwarrbu fid-dawl ta’ drittijiet fundamentali oħra u rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali bħad-difiża tal-ordni u l-prevenzjoni ta’ reati kriminali jew il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor. Dan ikun, b’mod partikolari, il-każ meta l-prevalenza mogħtija lill-imsemmi tħassib ewlieni tkun ta’ natura li tostakola l-effettività ta’ investigazzjoni kriminali, b’mod partikolari billi tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-identifikazzjoni effettiva tal-awtur ta’ reat kriminali u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fil-konfront tiegħu.

    F’dan l-istess kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet ukoll għall-ġurisprudenza tagħha li fuq il-bażi tagħha, fir-rigward tal-ġlieda kontra r-reati kriminali li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mwettqa online, il-fatt li l-aċċess għall-indirizzi IP jista’ jikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata jistabbilixxi li ż-żamma ta’ dawn l-indirizzi u l-aċċess għalihom ikunu strettament neċessarji għat-twettiq tal-għan imfittex u jissodisfaw għalhekk ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità. Ir-rifjut tal-għoti ta’ tali aċċess jagħti lok, ukoll, għal riskju reali ta’ impunità sistemika ta’ reati kriminali mwettqa online jew li t-twettiq jew il-preparazzjoni tagħhom tiġi ffaċilitata mill-karatteristiċi stess tal-internet. Issa, l-eżistenza ta’ tali riskju tikkostitwixxi ċirkustanza rilevanti sabiex jiġi evalwat, fil-kuntest ta’ bbilanċjar tad-diversi drittijiet u interessi preżenti, jekk indħil fid-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata, għall-protezzjoni tad-data personali kif ukoll għal-libertà tal-espressjoni jikkostitwixxix miżura proporzjonata fid-dawl tal-għan tal-ġlieda kontra r-reati kriminali.

    Fit-tielet lok, meta tat deċiżjoni dwar jekk l-aċċess tal-awtorità pubblika għal data dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizz IP għandux ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-rekwiżit ta’ tali stħarriġ huwa meħtieġ meta, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, dan l-aċċess ikun jinvolvi r-riskju ta’ ndħil serju fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata fis-sens li jista’ jippermetti lil din l-awtorità pubblika tislet konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata ta’ din il-persuna u, possibbilment, tistabbilixxi l-profil iddettaljat tagħha. Għall-kuntrarju, dan ir-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel ma huwiex intiż li japplika meta l-indħil fid-drittijiet fundamentali ma jkunx jista’ jiġi kklassifikat bħala serju.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-każ fejn tiġi stabbilita sistema ta’ żamma li tiggarantixxi separazzjoni effettivament stretta u sigura tal-kategoriji differenti ta’ data miżmuma, l-aċċess tal-awtorità pubblika għad-data relatata mal-identità ċivili li tikkorrispondi mal-indirizzi IP ma jkunx, bħala prinċipju, suġġett għar-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel. Fil-fatt, tali aċċess sabiex jiġi identifikat id-detentur ta’ indirizz IP ma jikkostitwixxix, bħala regola ġenerali, indħil serju fid-drittijiet imsemmija iktar ’il fuq.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li, f’sitwazzjonijiet atipiċi, jeżisti riskju li, fil-kuntest ta’ proċedura bħall-proċedura ta’ risposta gradwata inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità pubblika tkun tista’ tislet konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari meta din il-persuna twettaq attivitajiet li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati, fuq networks peer-to-peer, b’mod ripetut, jew saħansitra fuq skala kbira, b’rabta ma’ xogħlijiet protetti ta’ tipi partikolari, li jiżvelaw informazzjoni, possibbilment sensittiva, dwar il-ħajja privata tal-imsemmija persuna.

    F’dan il-każ, detentur ta’ indirizz IP jista’ jkun partikolarment espost għal tali riskju meta l-awtorità pubblika tintalab tiddeċiedi jekk tadixxix jew le lill-prosekutur pubbliku għall-prosekuzzjoni tiegħu. Fil-fatt, l-intensità tal-ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tista’ tikber tul l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ risposta gradwata, li topera fuq il-bażi ta’ proċess sekwenzjali, fl-istadji differenti li din tkun komposta minnhom. L-aċċess tal-awtorità kompetenti għad-data kollha dwar il-persuna kkonċernata u akkumulata tul id-diversi stadji ta’ din il-proċedura jista’ jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja tagħha. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi stħarriġ minn qabel li għandu jitwettaq qabel l-awtorità pubblika ma tkun tista’ tagħmel konnessjoni bejn id-data ta’ identità ċivili u tali sett ta’ data, u qabel l-eventwali trażmissjoni tal-ittra ta’ notifika li tikkonstata li din il-persuna tkun wettqet fatti li jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Dan l-istħarriġ għandu, barra minn hekk, jippreżerva l-effettività tal-proċedura ta’ risposta gradwata billi jippermetti b’mod partikolari li jiġu identifikati l-każijiet ta’ twettiq mill-ġdid possibbli tal-aġir li jikkostitwixxi reat inkwistjoni. Għal dan l-għan, din il-proċedura għandha tiġi organizzata u strutturata b’mod li d-data tal-identità ċivili ta’ persuna li tikkorrispondi għal indirizzi IP miġbura minn qabel mill-internet ma tkunx awtomatikament tista’ tintrabat, mill-persuni inkarigati mill-eżami tal-fatti fi ħdan l-awtorità pubblika kompetenti, ma’ elementi li din tal-aħħar ikollha diġà għad-dispożizzjoni tagħha u li jistgħu jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata ta’ din il-persuna.

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-għan tal-istħarriġ minn qabel, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fil-każijiet fejn il-persuna kkonċernata tkun issuspettata li wettqet reat li jaqa’ taħt ir-reati kriminali b’mod ġenerali, il-qorti jew l-entità amministrattiva indipendenti inkarigata minn dan l-istħarriġ għandha tirrifjuta l-aċċess meta dan tal-aħħar ikun jippermetti lill-awtorità pubblika, tislet konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-imsemmija persuna. Għall-kuntrarju, anki aċċess li jippermetti li jinsiltu tali konklużjonijiet preċiżi għandu jiġi awtorizzat fil-każijiet fejn il-persuna kkonċernata tkun issuspettata li wettqet reati meqjusa mill-Istat Membru kkonċernat bħala li jippreġudikaw interess fundamentali tas-soċjetà u li għalhekk jaqgħu taħt forom ta’ kriminalità serja.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li stħarriġ minn qabel fl-ebda każ ma jista’ jkun kompletament awtomatizzat peress li, fir-rigward ta’ investigazzjoni kriminali, tali stħarriġ jeżiġi l-ibbilanċjar, minn naħa, tal-interessi leġittimi marbuta mal-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, tar-rispett tal-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data personali. Dan l-ibbilanċjar jeħtieġ l-intervent ta’ persuna fiżika, li huwa iktar u iktar neċessarju peress li l-awtomatiċità u l-iskala kbira tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni joħolqu riskji għall-ħajja privata.

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-possibbiltà, għall-persuni inkarigati mill-eżami tal-fatti fi ħdan l-awtorità pubblika, li jagħmlu konnessjoni tad-data dwar l-identità ċivili ta’ persuna li tikkorrispondi għal indirizz IP mal-fajls li jinkludu elementi li jippermettu li jsir magħruf it-titolu ta’ xogħlijiet protetti li t-tqegħid tiegħu għad-dispożizzjoni fuq l-internet iġġustifika l-ġbir tal-indirizzi IP minn organi tad-detenturi ta’ drittijiet għandha tkun suġġetta, f’każijiet ta’ twettiq mill-ġdid ta’ attività li tippreġudika d-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati mill-istess persuna, għal stħarriġ minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti. Dan l-istħarriġ ma jistax ikun kompletament awtomatizzat u għandu jsir qabel tali konnessjoni, li tista’ f’tali każijiet tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-imsemmija persuna li l-indirizz IP tagħha jkun intuża għal attivitajiet li jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati.

    Fir-raba’ u fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li s-sistema ta’ pproċessar ta’ data użata mill-awtorità pubblika kellha tkun suġġetta, f’intervalli regolari, għal kontroll minn organu indipendenti u li għandu l-kwalità ta’ terz fir-rigward ta’ din l-awtorità pubblika. Dan il-kontroll għandu l-għan li jivverifika l-integrità tas-sistema, inklużi l-garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ aċċess u ta’ użu abbużiv jew illegali ta’ din id-data, kif ukoll l-effikaċja u l-affidabbiltà tagħha sabiex jiġu identifikati eventwali nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, f’dan il-każ, l-ipproċessar awtomatizzat tad-data personali mwettaq mill-awtorità pubblika abbażi tal-informazzjoni dwar il-kontrafazzjonijiet ikkonstatati mill-organi tad-detenturi ta’ drittijiet seta’ jinvolvi ċertu numru ta’ każijiet pożittivi foloz u fuq kollox ir-riskju li numru ta’ data potenzjalment għoli ħafna jiġi ddevjat minn terzi għal finijiet abbużivi jew illegali, fatt li jispjega n-neċessità ta’ tali kontroll.

    Barra minn hekk, hija żiedet li dan l-ipproċessar kellu josserva r-regoli speċifiċi ta’ protezzjoni ta’ data personali previsti fid-Direttiva 2016/680 ( 6 ). Fil-fatt, f’dan lil-każ, għalkemm l-awtorità pubblika ma għandhiex setgħat deċiżjonali tagħha stess fil-kuntest tal-proċedura magħrufa bħala ta’ “risposta gradwata”, hija għandha tiġi kklassifikata bħala “awtorità pubblika” involuta fil-prevenzjoni u fl-identifikazzjoni tar-reati kriminali, u taqa’ għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Għalhekk, il-persuni involuti f’tali proċedura għandhom jibbenefikaw minn numru ta’ garanziji sostantivi u proċedurali previsti mid-Direttiva 2016/680, li kienet il-qorti tar-rinviju li kellha tivverifika li dawn ikunu previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.


    ( 1 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788), tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152), tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492), u tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258).

    ( 2 ) Artikolu 7, 8 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    ( 3 ) Décret no 2010-236, du 5 mars 2010, relatif au traitement automatisé de données à caractère personnel autorisé par l’article L. 331-29 du code de la propriété intellectuelle dénommé “Système de gestion des mesures pour la protection des œuvres sur internet” (JORF no 56 du 7 mars 2010, texte no 19) (id-Digriet Nru 2010-236, tal‑5 ta’ Marzu 2010 dwar l-ipproċessar awtomizzat ta’ data ta’ natura personali awtorizzat mill-Artikolu L. 331-29 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali msejjaħ “Sistema ta’ ġestjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tax-xogħlijiet fuq l-internet” (JORF tas‑7 ta’ Marzu 2010, test Nru 19)), kif emendat bid-décret no 2017-924, du 6 mai 2017, relatif à la gestion des droits d’auteur et des droits voisins par un organisme de gestion de droits et modifiant le code de la propriété intellectuelle (JORF no 109 du 10 mai 2017, texte no 176) (id-Digriet Nru 2017-924, tas‑6 ta’ Mejju 2017 dwar il-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati minn organu ta’ ġestjoni tad-drittijiet u li jemenda l-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali (JORF Nru 109 tal‑10 ta’ Mejju 2017, test Nru 176).

    ( 4 ) Mill‑1 ta’ Jannar 2022, il-Hadopi ngħaqdet mal-Conseil supérieur de l’audiovisuel (CSA) ((il-Kunsill Superjuri għall-Awdjoviżiv (KSA)), li huwa awtorità pubblika indipendenti oħra, u saru l-Autorité de régulation de la communication audiovisuelle et numérique (ARCOM) (l-Awtorità Regolatorja għall-Komunikazzjoni Awdjoviżiva u Diġitali (ARCOM)). Madankollu, il-proċedura ta’ risposta gradwata baqgħet essenzjalment l-istess.

    ( 5 ) Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”), moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

    ( 6 ) Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).

    Top