Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0430

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Frar 2022.
    Kawża mressqa minn RS.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19 TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Assenza ta’ setgħa ta’ qorti nazzjonali sabiex teżamina l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali meqjusa konformi mal-kostituzzjoni mill-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat – Proċeduri dixxiplinari.
    Kawża C-430/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:99

    Kawża C‑430/21

    RS

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Craiova)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Frar 2022

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19 TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Assenza ta’ setgħa ta’ qorti nazzjonali sabiex teżamina l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali meqjusa konformi mal-kostituzzjoni mill-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat – Proċeduri dixxiplinari”

    1. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment ta’ rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura – Ġurisprudenza ta’ livell kostituzzjonali li torbot lill-qrati ordinarji – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri – Indipendenza tal-qorti ta’ livell kostituzzjonali

      (Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928)

      (ara l-punti 42 sa 45)

    2. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment ta’ rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura – Supremazija u effett dirett tad-dritt tal-Unjoni – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li timplika l-assenza ta’ setgħa ta’ qorti ordinarja ta’ Stat Membru li teżamina l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali meqjusa konformi mal-Kostituzzjoni mill-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat – Inammissibbiltà – Preġudizzju għall-effettività tal-kooperazzjoni fil-kuntest tal-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdi interpretazzjoni definittiva tad-dritt tal-Unjoni

      (Artikoli 2, 4(2) u (3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Artikolu 267 TFUE; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928)

      (ara l-punti 46 sa 55, 57 sa 59, 62 sa 78, u d-dispożittiv 1)

    3. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment ta’ rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura – Responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin – Portata – Leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ mħallef nazzjonali fil-każ li japplika d-dritt tal-Unjoni bi ksur tal-ġurisprudenza tal-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat inkompatibbli mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Inammissibbiltà

      (Artikoli 2, 4(2) u (3), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Artikolu 267 TFUE)

      (ara l-punti 81 sa 89, 93 u d-dispożittiv 2)

    Sunt

    Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi regola nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-qrati nazzjonali ma jkollhomx is-setgħa jeżaminaw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun ġiet iddikjarata kostituzzjonali permezz ta’ sentenza tal-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru

    L-applikazzjoni ta ’ tali regola tippreġudika l-prinċipju ta ’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-effettività tal-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

    Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, f’kuntest fejn qorti ordinarja ta’ Stat Membru ma jkollhiex is-setgħa, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, teżamina l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, meqjusa konformi mal-Kostituzzjoni mill-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, u fejn l-imħallef nazzjonali jiġi espost għal proċeduri u sanzjonijiet dixxiplinari jekk jiddeċiedi li jwettaq tali eżami.

    Fil-każ ineżami, RS ġie kkundannat wara proċeduri kriminali fir-Rumanija. Il-konjuġi tiegħu mbagħad ressqet ilment dwar, b’mod partikolari, diversi maġistrati għal reati allegatament imwettqa matul l-imsemmija proċeduri kriminali. Sussegwentement, RS ippreżenta rikors quddiem il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, ir-Rumanija), sabiex jikkontesta n-natura eċċessiva tat-tul tal-proċeduri kriminali mibdija wara dan l-ilment.

    Sabiex tiddeċiedi dwar dan ir-rikors, il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova qieset li kellha tevalwa l-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni ( 1 ), tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li stabbilixxiet taqsima speċjalizzata tal-Uffiċċju tal-Prosekutur inkarigata mill-investigazzjonijiet dwar ir-reati mwettqa fi ħdan is-sistema ġudizzjarja, bħal dik li nbdiet fil-każ ineżami. Madankollu, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) ( 2 ), mogħtija wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et ( 3 ), il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova ma għandhiex is-setgħa, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, twettaq tali eżami ta’ konformità. Fil-fatt, permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet bħala infondata l-eċċezzjoni ta’ antikostituzzjonalità mqajma fir-rigward ta’ diversi dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni, filwaqt li enfasizzat li, meta hija tiddikjara leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mad-dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni li timponi l-osservanza tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni ( 4 ), qorti ordinarja ma jkollhiex is-setgħa teżamina l-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-assenza ta’ setgħa ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali ordinarja sabiex jeżamina l-konformità ta’ leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-każ ineżami, u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari għal dan l-imħallef, minħabba li dan jiddeċiedi li jwettaq tali eżami.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tqis li tali leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ( 5 ).

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tipprevedi li l-qrati ordinarji ta’ Stat Membru, skont id-dritt kostituzzjonali nazzjonali, ikunu marbuta b’deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru li tiddeċiedi li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konformi mal-Kostituzzjoni tal-imsemmi Stat, bil-kundizzjoni li d-dritt nazzjonali jiggarantixxi l-indipendenza ta’ din il-qorti kostituzzjonali, b’mod partikolari fil-konfront tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi. Madankollu, dan ma jkunx il-każ meta l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni jew ta’ tali prattika timplika l-esklużjoni ta’ ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati ordinarji sabiex jevalwaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tali qorti kostituzzjonali tkun qieset li tkun konformi ma’ dispożizzjoni kostituzzjonali nazzjonali li tipprevedi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

    Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-osservanza tal-obbligu tal-qorti nazzjonali li tapplika b’mod sħiħ kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett hija neċessarja b’mod partikolari sabiex tiżgura l-osservanza tal-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati, li teskludi l-possibbiltà li tiġi invokata, kontra l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, miżura unilaterali, tkun xi tkun, u tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jimponi li ma tiġi applikata ebda dispożizzjoni li possibbilment tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, kemm jekk din tkun preċedenti u kemm jekk sussegwenti għar-regola tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li diġà ddeċidiet, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928 ( 6 ) u li għandha, konsegwentement, tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 19(1) TUE ( 7 ). Min-naħa l-oħra, kemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-għanijiet ta’ referenza speċifiċi fil-qasam tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928 huma fformulati bi kliem ċar u preċiż u ma huma suġġetti għal ebda kundizzjoni u għalhekk għandhom effett dirett ( 8 ). Minn dan isegwi li, jekk ma jkollhomx is-setgħa jipproċedu għal interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li tkun konformi mal-imsemmija dispożizzjoni jew mal-imsemmija għanijiet, il-qrati ordinarji Rumeni ma għandhomx, fuq inizjattiva tagħhom stess, japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-qrati ordinarji Rumeni għandhom, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni sabiex jevalwaw il-kompatibbiltà ma’ dawn ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali, mingħajr ma jkollhom għalfejn iressqu talba quddiem il-Qorti Kostituzzjonali għal dan il-għan. Madankollu, huma jiġu mċaħħda minn din il-ġurisdizzjoni meta l-Qorti Kostituzzjonali tkun iddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi huma konformi ma’ dispożizzjoni kostituzzjonali nazzjonali li tipprevedi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, inkwantu dawn il-qrati huma obbligati jikkonformaw ruħhom ma’ din id-deċiżjoni. Issa, tali regola jew prattika nazzjonali tostakola l-effettività sħiħa tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, sa fejn din tipprekludi lill-qorti ordinarja mitluba tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni milli tevalwa hija stess il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ma’ dan id-dritt.

    Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ tali regola jew ta’ tali prattika nazzjonali tippreġudika l-effettività tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, billi tiddisswadi lill-qorti ordinarja mitluba tiddeċiedi l-kawża milli tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, u dan sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjonijiet tal-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li dawn il-konstatazzjonijiet huma iktar u iktar meħtieġa f’sitwazzjoni fejn sentenza tal-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat tirrifjuta li tagħti segwitu għal sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq l-identità kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru u fuq il-kunsiderazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li hija tista’, skont l-Artikolu 4(2) TUE, tintalab tivverifika li obbligu tad-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax l-identità nazzjonali ta’ Stat Membru. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni la għandha l-għan u lanqas l-effett li tawtorizza qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, bi ksur tal-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni, li teskludi l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li din ir-regola tippreġudika l-identità nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat kif iddefinita mill-qorti kostituzzjonali nazzjonali. Għaldaqstant, jekk il-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru tqis li dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tikser l-obbligu li tiġi osservata l-identità nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, hija għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex tevalwa l-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, peress li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li, peress li hija għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru ma tistax, abbażi tal-interpretazzjoni tagħha stess ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, tiddeċiedi b’mod validu li l-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza li tmur lil hinn mill-isfera tal-ġurisdizzjoni tagħha u, għaldaqstant, tirrifjuta li tagħti segwitu għal sentenza preliminari ta’ din tal-aħħar.

    Barra minn hekk, billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza preċedenti tagħha ( 9 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludu leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallef nazzjonali għal kwalunkwe ksur tad-deċiżjonijiet tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali u, b’mod partikolari, peress li ma jkunx applika deċiżjoni li permezz tagħha din tkun irrifjutat li tagħti segwitu għal sentenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.


    ( 1 ) Konkretament, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825).

    ( 2 ) Sentenza Nru 390/2021, tat-8 ta’ Ġunju 2021.

    ( 3 ) Sentenza tat-18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România fil-Kawżi magħquda (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni meta l-ħolqien ta’ tali taqsima speċjalizzata ma jkunx iġġustifikat minn rekwiżiti oġġettivi u verifikabbli bbażati fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ma jkunx akkumpanjat minn garanziji speċifiċi identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 5 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza).

    ( 4 ) Fis-sentenza tagħha Nru 390/2021, il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet konformi mal-Artikolu 148 tal-Constituția României (il-Kostituzzjoni Romena).

    ( 5 ) Fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Aritkolu 2 u l-Artikolu 4(2) u (3) TUE, l-Artikolu 267 TFUE kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

    ( 6 ) Ara n-nota 1 għar-referenza sħiħa tad-Deċiżjoni 2006/928.

    ( 7 ) Sentenza Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 183 u 184.

    ( 8 ) Sentenza Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 249 u 250, u s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 253.

    ( 9 ) Sentenza Euro Box Promotion et, iċċitata iktar ’il fuq.

    Top