EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0365

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-23 ta’ Marzu 2023.
Proċeduri kriminali kontra MR.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali – Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 54 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 55(1)(b) – Eċċezzjoni applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem – Reat kontra s-sigurtà jew interessi oħra essenzjali tal-Istat Membru – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kompatibbiltà ta’ dikjarazzjoni nazzjonali li tipprevedi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Organizzazzjoni kriminali – Reati kontra l-patrimonju.
Kawża C-365/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:236

Kawża C-365/21

MR

vs

Generalstaatsanwaltschaft Bamberg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-23 ta’ Marzu 2023

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali – Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 54 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 55(1)(b) – Eċċezzjoni applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem – Reat kontra s-sigurtà jew interessi oħra essenzjali tal-Istat Membru – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kompatibbiltà ta’ dikjarazzjoni nazzjonali li tipprevedi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Organizzazzjoni kriminali – Reati kontra l-patrimonju”

  1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen – Konvenzjoni li timplimenta l-ftehim ta’ Schengen – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjoni għall-applikazzjoni – L-istess fatti – Kunċett – Identiċità tal-fatti materjali – Evalwazzjoni tal-identiċità li taqa’ taħt il-kompetenza tal-istanzi nazzjonali

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50; Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, Artikolu 54)

    (ara l-punti 31 sa 39)

  2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen – Konvenzjoni li timplimenta l-ftehim ta' Schengen – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Eċċezzjoni – Reat kontra s-sigurtà jew interessi oħra essenzjali tal-Istat Membru – Limitazzjoni – Kundizzjonijiet – Limitazzjoni prevista mil-liġi – Osservanza tal-kontenut essenzjali tal-imsemmi prinċipju – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Validità fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 50 u 52(1); Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, Artikoli 54, 55(1)(b) u 56)

    (ara l-punti 46 sa 50, 52, 53, 56 sa 67, u d-dispożittiv 1)

  3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen – Konvenzjoni li timplimenta l-ftehim ta' Schengen – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Dikjarazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-fatt li ma tkunx marbuta b’dan il-prinċipju fil-każ ta’ reati kontra s-sigurtà tiegħu jew interessi essenzjali oħra – Dikjarazzjoni li tinkludi l-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali li wettqet esklużivament reati kontra l-proprjetà – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 50 u 52(1); Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, Artikoli 54 u 55(1))

    (ara l-punti 74 sa 81, 83, u d-dispożittiv 1) 2)

Sunt

F’Settembru 2020, MR, ċittadin Iżraeljan, li kien residenti l-aħħar fl-Awstrija, ġie kkundannat minn qorti Awstrijaka għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin għal frodi kummerċjali gravi u ħasil tal-flus. Wara li skonta parzjalment din il-piena u bbenefika minn sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-tul ta’ żmien li kien fadal, huwa tqiegħed f’detenzjoni fl-Awstrija, għall-finijiet tal-konsenja tiegħu b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (MAE), maħruġ min-naħa tiegħu f’Diċembru 2020 minn qorti Ġermaniża, sabiex tiġi kkostitwita organizzazzjoni kriminali u frodi fl-investimenti finanzjarji.

Permezz ta’ digriet mogħti f’Marzu 2021, ir-rikors ta’ MR kontra dan il-MAE ġie miċħud minħabba li l-fatti kkonċernati minn dawn iż-żewġ proċeduri kienu differenti, b’tali mod li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit mill-KIFS ( 1 ), ma kienx japplika. Sussidjarjament, ġie rrilevat li MR kien is-suġġett ta’ proċeduri għal ksur kopert mid-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-mument tar-ratifika tal-KIFS. Minħabba din id-dikjarazzjoni, dan l-Istat Membru ma huwiex marbut bil-prinċipju ta’ ne bis in idem fis-sitwazzjonijiet li fihom il-fatti koperti mis-sentenza barranija jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà tal-Istat Ġermaniż jew interessi oħra li huma wkoll essenzjali ( 2 ).

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju, adita b’talba għall-eżami mill-ġdid ta’ dan id-digriet, tistaqsi dwar jekk l-awtorizzazzjoni li l-KIFS tagħti lill-Istati Membri sabiex jagħmlu tali dikjarazzjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Jekk iva, hija tistaqsi jekk din id-dikjarazzjoni tistax tkopri wkoll l-organizzazzjonijiet kriminali li jwettqu esklużivament reati kontra l-patrimonju.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għal dawn iż-żewġ domandi u tippreċiża l-kundizzjonijiet li taħthom tali dikjarazzjoni tista’ tkopri dan it-tip ta’ organizzazzjoni kriminali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, filwaqt li tikkonferma l-validità tad-dispożizzjoni tal-KIFS li tipprevedi l-possibbiltà li ssir id-dikjarazzjoni kkonċernata ( 3 ) fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata qabelxejn li din l-ewwel dispożizzjoni tikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit minn dan l-aħħar artikolu. Madankollu, tali limitazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata sa fejn din tkun prevista mil-liġi u tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt ( 4 ). Suġġett għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom ikunu meħtieġa u ġenwinament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor ( 5 ).

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta meta hija tikkonsisti biss f’li tippermetti li jitressqu proċeduri u li jiġu ssanzjonati mill-ġdid l-istess fatti sabiex jintlaħaq għan distint. F’dan ir-rigward, l-eċċezzjoni li l-KIFS ( 6 ) tipprevedi f’dan il-prinċipju tapplika biss meta l-fatti koperti mis-sentenza barranija jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà jew interessi oħra li huma wkoll essenzjali tal-Istat Membru li jkun biħsiebu jagħmel użu minnhom. Billi l-kunċett ta’ “sigurtà tal-Istat” għandu jitqabbel ma’ dak ta’ “sigurtà nazzjonali” ( 7 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-għan tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jikkorrispondi mal-interess primarju li jiġu protetti l-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u l-interessi fundamentali tas-soċjetà. Minn dan isegwi li r-reati li għalihom il-KIFS tawtorizza li ssir eċċezzjoni għall-imsemmi prinċipju għandhom jaffettwaw lil dan l-Istat Membru nnifsu. L-istess japplika għar-reati kontra l-interessi l-oħra tal-Istat Membru. Konsegwentement, id-dispożizzjoni kkontestata tal-KIFS ( 8 )tosserva l-kontenut essenzjali tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, sa fejn hija tippermetti lill-Istat Membru li jużah li jissanzjona reati li jaffettwaw lilu stess u, b’dan il-mod, li jfittex għanijiet li huma neċessarjament differenti minn dawk li għalihom il-persuna akkużata tkun diġà ġiet iġġudikata fi Stat Membru ieħor.

Sussegwentement, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata limitazzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem għandha tiġi evalwata billi titkejjel il-gravità tal-indħil li tali limitazzjoni ġġib magħha u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex minn din il-limitazzjoni tkun proporzjonata ma’ din il-gravità. F’dan ir-rigward, il-possibbiltà prevista mid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tal-KIFS ( 9 ) hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali ta’ repressjoni minn Stat Membru ta’ ħsara għas-sigurtà tiegħu jew interessi oħra li huma wkoll essenzjali.

Fl-aħħar nett, fid-dawl tan-natura u tal-gravità partikolari ta’ tali ksur, l-importanza ta’ dan l-għan ta’ interess ġenerali tmur lil hinn minn dik tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, anki jekk gravi. Tali għan jista’, għalhekk, jiġġustifika miżuri li jinvolvu ndħil fid-drittijiet fundamentali li ma humiex awtorizzati sabiex tippermetti prosekuzzjoni u pieni għar-reati kriminali b’mod ġenerali.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-KIFS ( 10 ), moqrija fid-dawl tal-Karta ( 11 ), ma tipprekludix l-interpretazzjoni mill-qrati ta’ Stat Membru tad-dikjarazzjoni magħmula minn dan tal-aħħar skont il-KIFS li dan l-Istat Membru ma huwiex marbut bid-dispożizzjonijiet tagħha li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ ne bis in idem ( 12 ) fir-rigward tar-reat tal-kap ta’ kostituzzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali, meta l-organizzazzjoni kriminali li fiha pparteċipat il-persuna akkużata tkun wettqet esklużivament reati kontra l-proprjetà, sa fejn tali proċeduri jkunu intiżi, fid-dawl tal-aġir ta’ din l-organizzazzjoni, li jissanzjonaw preġudizzji għas-sigurtà jew interessi oħra li huma wkoll essenzjali tal-imsemmi Stat Membru.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva, minn naħa, li primarjament jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista mill-KIFS ( 13 )ir-reati, bħall-ispjunaġġ, it-tradiment jew l-attakki serji fuq il-funzjonament tal-awtoritajiet pubbliċi, li, min-natura tagħhom stess, huma marbuta mas-sigurtà jew ma’ interessi oħra li huma wkoll essenzjali tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, minn dan ma jirriżultax li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni huwa neċessarjament limitat għal tali ksur. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li proċeduri fir-rigward ta’ reati li l-elementi kostituttivi tagħhom ma jinkludux speċifikament preġudizzju għas-sigurtà jew għal interessi oħra li huma wkoll essenzjali tal-Istat Membru jistgħu wkoll jaqgħu taħt din l-istess eċċezzjoni, meta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom twettaq il-ksur, jista’ jiġi debitament stabbilit li l-għan tal-prosekuzzjonijiet għall-fatti inkwistjoni huwa intiż li jiskoraġġixxi preġudizzji għal din is-sigurtà jew għal dawn l-interessi oħra li huma wkoll essenzjali.

Min-naħa l-oħra, il-proċeduri mibdija fir-rigward ta’ reat imsemmi f’dikjarazzjoni li timplimenta l-possibbiltà prevista mill-istess dispożizzjoni tal-KIFS ( 14 ) għandhom jirrigwardaw fatti li jaffettwaw, b’gravità partikolari, lill-Istat Membru kkonċernat innifsu. Issa, mhux kull organizzazzjoni kriminali neċessarjament u bħala tali tippreġudika s-sigurtà jew interessi oħra li huma wkoll essenzjali tal-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, ir-reat tal-formazzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali jista’ jagħti lok għal proċeduri kriminali abbażi tal-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem biss għall-organizzazzjonijiet li l-aġir tagħhom, minħabba elementi li jiddistingwuhom, jista’ jitqies li jikkostitwixxi tali ksur.

F’dan il-kuntest, fir-rigward tar-rilevanza li għandha tingħata lill-fatt li organizzazzjoni kriminali twettaq esklużivament reati kontra l-proprjetà, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, sabiex l-aġir ta’ tali organizzazzjoni jiġi kklassifikat bħala li jippreġudika s-sigurtà jew l-interessi l-oħra wkoll essenzjali tal-Istat Membru kkonċernat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tad-danni li l-attivitajiet tagħha kkawżaw lil dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, dan l-aġir għandu, tkun xi tkun l-intenzjoni effettiva ta’ din l-organizzazzjoni u minbarra l-ksur tal-ordni pubbliku li jinvolvi kull reat, jaffettwa l-Istat Membru nnifsu.


( 1 ) Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (iktar ’il quddiem il-“KIFS”), Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS jipprevedi li “[p]ersuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali [piena], din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza”.

( 2 ) Il-possibbiltà li ssir tali dikjarazzjoni hija prevista fl-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS.

( 3 ) Ara l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS.

( 4 ) Ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

( 5 ) Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

( 6 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 55(1) (b) tal-KIFS.

( 7 ) Dan il-kunċett huwa previst fl-Artikolu 4(2) TUE.

( 8 ) Ara l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS.

( 9 ) Ara l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS.

( 10 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tirreferi għall-Artikolu 55(1) (b) tal-KIFS.

( 11 ) L-Artikoli 50 u 52(1) tal-Karta.

( 12 ) Ara l-Artikolu 54 tal-KIFS.

( 13 ) Ara l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS.

( 14 ) Ara l-Artikolu 55(1)(b) tal-KIFS.

Top