Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0356

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Jannar 2023.
    J.K. vs TP S.A.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 3(1)(a) u (ċ) – Kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha – Kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali – Imprenditur indipendenti li jaħdem abbażi ta’ kuntratt għal xogħlijiet – Terminazzjoni u nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt – Libertà li tintgħażel parti kontraenti.
    Kawża C-356/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:9

    Kawża C-356/21

    J. K.

    vs

    TP S.A.

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Polonja))

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Jannar 2023

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 3(1)(a) u (ċ) – Kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha – Kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali – Imprenditur indipendenti li jaħdem abbażi ta’ kuntratt għal xogħlijiet – Terminazzjoni u nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt – Libertà li tintgħażel parti kontraenti”

    1. Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor – Kunċett – Interpretazzjoni awtonoma u uniformi – Interpretazzjoni wiesgħa

      (Artikoli 19(1), 45 u 153(2) TFUE; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Premessi 9 u 11 u Artikoli 1 u 3(1)(a))

      (ara l-punti 34 sa 43)

    2. Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor – Kunċett – Kontraent li jeżerċita attività ekonomika għal rasu – Attività professjonali reali u effettiva, eżerċitata personalment b’mod legali għall-benefiċċju tal-istess destinatarju, li tippermetti l-aċċess għal mezzi ta’ għajxien – Rifjut li jiġi konkluż kuntratt għal xogħlijiet mal-imsemmija kontraent għal raġunijiet ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali – Inklużjoni

      (Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 3(1)(a))

      (ara l-punti 44 sa 47, 49 sa 51)

    3. Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol – Kunċett – Terminazzjoni involontarja ta’ xogħol ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu – Terminazzjoni u nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal xogħlijiet għal raġunijiet ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali tiegħu – Inklużjoni

      (Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 3(1)(ċ))

      (ara l-punti 61 sa 63, 65, 66)

    4. Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali – Miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali neċessarji għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor– Għażla libera tal-parti kontraenti – Kontraent li jeżerċita attività ekonomika għal rasu – Rifjut li jiġi konkluż jew imġedded kuntratt għal xogħlijiet mal-imsemmi kontraent għal raġunijiet ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi dan ir-rifjut mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni prevista mid-direttiva – Inammissibbiltà

      (Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2(5) u 3(1)(a) u (ċ))

      (ara l-punti 72, 73, 75 sa 79 u d-dispożittiv)

    Sunt

    Bejn is-sena 2010 u s-sena 2017, J. K. kien jipprepara personalment, abbażi ta’ kuntratti għal xogħlijiet konsekuttivi għal żmien qasir, konklużi fil-kuntest tal-attività ekonomika indipendenti tiegħu, montaġġi awdjoviżivi, trailers jew dokumentarji ta’ attwalità għar-reġija u għall-promozzjoni ta’ programm ta’ TP, kumpannija li topera stazzjon tat-televiżjoni pubbliku fuq skala nazzjonali fil-Polonja.

    Fl-20 ta’ Novembru 2017, ġie konkluż kuntratt ġdid għal xogħlijiet bejn J. K. u TP għal perijodu ta’ xahar, li kien jipprevedi żewġ perijodi ta’ servizz fil-ġimgħa f’Diċembru. Madankollu, wara l-pubblikazzjoni, fl-4 ta’ Diċembru 2017, minn J. K. u mis-sieħeb tiegħu, ta’ video intiż li jippromwovi t-tolleranza lejn il-koppji ta’ persuni tal-istess sess fuq YouTube, TP informat lil J. K. bl-annullament ta’ dawn iż-żewġ perijodi ta’ servizz ta’ kull ġimgħa.

    B’hekk, J. K. ma wettaq ebda perijodu ta’ servizz matul ix-xahar ta’ Diċembru 2017, u ebda kuntratt ġdid għal xogħlijiet ma ġie konkluż bejnu u TP.

    Sussegwentement, J. K. ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), intiż, b’mod partikolari, għall-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mir-rifjut ta’ TP li ġġedded il-kuntratt tiegħu, rifjut li temm ir-relazzjoni professjonali bejniethom, għal raġuni bbażata, skont J. K., fuq l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

    Fil-kuntest ta’ din il-kawża, dik il-qorti kellha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt Pollakk ( 1 ) mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din id-dispożizzjoni teskludi mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, mogħtija mid-Direttiva 2000/78 ( 2 ), l-għażla libera tal-kontraent, iżda biss sakemm din l-għażla ma tkunx ibbażata fuq is-sess, ir-razza, l-oriġini etnika jew in-nazzjonalità.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludi tali dispożizzjoni nazzjonali li kellha l-effett li teskludi, abbażi tal-għażla libera tal-kontraent, mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet ir-rifjut, ibbażat fuq l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna, li jiġi konkluż jew imġedded kuntratt ma’ din tal-aħħar li jkollu bħala suġġett it-twettiq, minn din il-persuna ta’ ċerti prestazzjonijiet fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attività indipendenti.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li t-termini “impjieg”, “xogħol għal rasu” u “xogħol”, li jinsabu fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 ( 3 ), għandhom jinftiehmu fis-sens wiesa’. Għalhekk, id-Direttiva 2000/78 hija intiża li tkopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet professjonali, inklużi dawk imwettqa minn ħaddiema indipendenti sabiex jiżguraw is-sussistenza tagħhom. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u dawk li jikkonsistu f’sempliċi provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi lil destinatarju wieħed jew iktar, li ma jaqgħux f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

    Għaldaqstant, sabiex attivitajiet professjonali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, dawn l-attivitajiet għandhom ikunu reali u għandhom jiġu eżerċitati fil-kuntest ta’ relazzjoni legali kkaratterizzata minn ċerta stabbiltà, punt dan li kellu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-attività eżerċitata minn J. K.

    Issa, peress li din tal-aħħar kienet tikkostitwixxi attività professjonali reali u effettiva, eżerċitata personalment, b’mod regolari, għall-benefiċċju tal-istess destinatarju u kienet tippermetti lil J. K. jaċċedi, kompletament jew parzjalment, għal mezzi ta’ għajxien, il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal tali attività kinux jaqgħu taħt l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 ma kinitx tiddependi mill-klassifikazzjoni ta’ din l-attività bħala attività ta’ “persuna impjegata” jew bħala attività ta’ “persuna li taħdem għal rasha”.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, sabiex persuna tkun tista’ teżerċita l-attività professjonali tagħha b’mod effettiv, il-konklużjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet tikkostitwixxi ċirkustanza li l-eżistenza tagħha tista’ tkun imperattiva. Konsegwentement, il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ aċċess” għall-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha ( 4 ) jista’ jinkludi l-konklużjoni ta’ tali kuntratt, u r-rifjut li dan il-kuntratt jiġi konkluż għal raġunijiet marbuta mal-orjentazzjoni sesswali tal-kontraent jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fid-dawl tal-għan ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jkopri, f’sens wiesa’, il-kundizzjonijiet applikabbli għal kull forma ta’ attività bħala persuna impjegata u bħala persuna li taħdem għal rasha, tkun xi tkun il-forma ġuridika li taħtha hija eżerċitata.

    Konsegwentement, il-fatt li J. K. ma seta’ jeżerċita ebda wieħed mill-perijodi ta’ servizz previsti mill-kuntratt għal xogħlijiet jidher li kien jikkostitwixxi waqfien involontarju ta’ attività bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu li seta’ jiġi assimilat ma’ tkeċċija ta’ ħaddiem impjegat, punt dan li kellu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni ta’ TP li ma ġġeddidx il-kuntratt għal xogħlijiet ma’ J. K., fil-fehma tiegħu minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, u li b’hekk ittemm ir-relazzjoni professjonali eżistenti bejniethom, kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78.

    Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li jekk jiġi aċċettat li l-libertà li jiġi konkluż kuntratt tippermetti li jiġi rrifjutat li jiġi konkluż kuntratt ma’ persuna minħabba l-orjentazzjoni sesswali ta’ din tal-aħħar, l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu sa fejn din id-dispożizzjoni tipprojbixxi preċiżament kull diskriminazzjoni bbażata fuq tali raġuni fir-rigward tal-aċċess għall-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha.

    Għalhekk, sa fejn il-libertà ta’ intrapriża ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta, id-dispożizzjoni tad-dritt Pollakk inkwistjoni, li ma tinkludix l-orjentazzjoni sesswali fost l-eċċezzjonijiet għal-libertà tal-għażla ta’ kontraent, ma tistax tiġġustifika, f’dan il-każ, esklużjoni mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet, mogħtija mid-Direttiva 2000/78, meta din l-esklużjoni ma tkunx neċessarja, konformement mal-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn, f’soċjetà demokratika.


    ( 1 ) Dan huwa l-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-ustawa o wdrożeniu niektórych przepisów Unii Europejskiej w zakresie równego traktowania (il-Liġi dwar l-Implimentazzjoni ta’ Ċerti Dispożizzjonijiet tad-Dritt tal-Unjoni dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament), tat-3 ta’ Diċembru 2010 (Dz. U. Nru 254, pożizzjoni 1700). Fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (Dz. U. tal-2016, pożizzjoni 1219), din id-dispożizzjoni tipprevedi li din il-liġi ma tapplikax għall-għażla libera tal-kontraent, sakemm din l-għażla ma tkunx ibbażata fuq is-sess, ir-razza, l-oriġini etnika jew in-nazzjonalità.

    ( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

    ( 3 ) Skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78, “[f]il-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni”.

    ( 4 ) Fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78.

    ( 5 ) Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, din hija applikabbli f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga.

    Top