Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0351

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Marzu 2023.
    ZG vs Beobank SA.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64/KE – Artikolu 47(1)(a) – Informazzjoni għal min iħallas wara li jiġi riċevut l-ordni tal-ħlas tiegħu – Artikoli 58, 60 u 61 – Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fil-każ ta’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati – Obbligu ta’ dan il-fornitur li jirrimborsa t-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati lil min iħallas – Kuntratti qafas – Obbligu tal-imsemmi fornitur li jipprovdi lil min iħallas informazzjoni dwar il-benefiċjarju kkonċernat.
    Kawża C-351/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:215

    Kawża C‑351/21

    ZG

    vs

    Beobank SA

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-justice de paix du canton de Forest (il-Belġju))

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas‑16 ta’ Marzu 2023

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64/KE – Artikolu 47(1)(a) – Informazzjoni għal min iħallas wara li jiġi riċevut l-ordni tal-ħlas tiegħu – Artikoli 58, 60 u 61 – Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fil-każ ta’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati – Obbligu ta’ dan il-fornitur li jirrimborsa t-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati lil min iħallas – Kuntratti qafas – Obbligu tal-imsemmi fornitur li jipprovdi lil min iħallas informazzjoni dwar il-benefiċjarju kkonċernat”

    1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64 – Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fil-każ ta’ telf għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati – Azzjoni għad-danni mressqa minn utent ta’ servizzi ta’ ħlas – Azzjoni intiża għar-rimbors ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas – Azzjoni eżerċitata minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, mill-fornitur ta’ servizzi kkonċernat, tal-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni – Inammissibbiltà

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/64, Artikoli 47(1)(a), 58, 59, 60(1) u 86(1))

      (ara l-punti 37 sa 40)

    2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64 – Kuntratti qafas – Informazzjoni għal min iħallas dwar it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas individwali – Informazzjoni dwar il-benefiċjarju – Obbligi tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas – Obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni li tippermetti lil min iħallas jidentifika l-persuna fiżika jew ġuridika li bbenefikat minn tranżazzjoni ta’ ħlas iddebitata mill-kont tiegħu

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/64, Artikolu 47(1)(a))

      (ara l-punti 53, 56 sa 60, 64, u d-dispożittiv)

    Sunt

    ZG, resident Belġjan, kellu kont bankarju ma’ Beobank, fil-Belġju, li għalih huwa kellu karta ta’ debitu. Fil-lejl ta’ bejn l‑20 u l‑21 ta’ April 2017, huwa għamel, fi stabbiliment li jinsab f’Valencia (Spanja), ħlas ta’ EUR 100 permezz ta’ din il-karta. Sussegwentement, saru żewġ ħlasijiet oħra permezz ta’ din il-karta u fuq l-istess terminal ta’ pagament b’mezz mobbli għall-ammonti, rispettivament, ta’ EUR 991 u ta’ EUR 993.

    Quddiem il-qorti tar-rinviju, ZG talab, b’mod partikolari, ir-rimbors ta’ dawn l-aħħar żewġ ħlasijiet, li huwa qies “mhux awtorizzati”. Huwa spjega li la jiftakar l-isem, la l-indirizz tal-istabbiliment u lanqas dak li ġara wara dak li kkonsma fl-istabbiliment ikkonċernat, u jallega li kien vittma ta’ frodi ffaċilitat bl-amministrazzjoni ta’ droga. Madankollu, Beobank irrifjutat li twettaq ir-rimbors ta’ dawn il-ħlasijiet, billi qieset li ZG kien effettivament awtorizzahom jew li, tal-inqas, wettaq “negliġenza serja”.

    Sussegwentement, dan l-organu bankarju pprovda biss lil ZG ir-referenza numerika u l-ġeolokalizzazzjoni tat-terminal ta’ pagament użat, mingħajr ma indika l-identità tal-benefiċjarju tal-ħlasijiet kontenzjużi ħlief bil-mod li ġej: “COM SU VALENCIA ESP”. Min-naħa tiegħu, l-istabbiliment bankarju tal-benefiċjarju tal-ħlasijiet kontenzjużi rrifjuta li jikkomunika l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil Beobank.

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar il-portata tal-obbligu tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, previst minn dispożizzjoni tad-Direttiva 2007/64 ( 1 ), li jipprovdi “fejn ikun xieraq” lil min iħallas l-informazzjoni dwar il-benefiċjarju ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas. Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda kellha tippermetti lill-qorti tar-rinviju tasal għal konklużjonijiet dwar l-obbligu, għal Beobank, li tirrimborsa l-ħlasijiet kontenzjużi.

    Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas huwa obbligat, bis-saħħa ta’ din l-istess dispożizzjoni, jipprovdi lil dan tal-aħħar l-informazzjoni li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ibbenefikat minn tranżazzjoni ta’ ħlas iddebitata mill-kont ta’ min iħallas u mhux biss l-informazzjoni li dan il-fornitur, wara li jkun għamel ħiltu kollha, ikollu fir-rigward ta’ din it-tranżazzjoni ta’ ħlas.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li s-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, prevista fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64, kienet is-suġġett ta’ armonizzazzjoni totali. Għalhekk, sistema ta’ responsabbiltà parallela abbażi tal-istess fatt ġeneratur hija inkompatibbli ma’ din id-direttiva, l-istess bħal sistema ta’ responsabbiltà kompetitriċi, li tippermetti lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas jistabbilixxi din ir-responsabbiltà abbażi ta’ fatti ġeneraturi oħra.

    Issa, qorti nazzjonali ma tistax tinjora d-distinzjoni stabbilita fl-imsemmija direttiva fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas, skont jekk ikunux awtorizzati jew le. Għaldaqstant, tali qorti ma tistax tagħti deċiżjoni dwar talba għar-rimbors ta’ ħlasijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħajr ma tikklassifika, preliminarjament, dawn il-ħlasijiet bħala tranżazzjonijiet awtorizzati jew le. Fil-fatt, l-Artikolu 60(1), iċċitat iktar ’il fuq, moqri flimkien mal-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2007/64 ( 2 ), jipprekludi li utent ta’ servizzi ta’ ħlas ikun jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-fornitur ta’ dawn is-servizzi minħabba l-fatt li dan il-fornitur ta’ servizzi ikun naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 47(1)(a) ta’ din id-direttiva, sa fejn din ir-responsabbiltà tirrigwarda r-rimbors ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas.

    Madankollu, sa fejn il-qorti tar-rinviju kienet tqis li huwa neċessarju, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura awtorizzata jew le tal-ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkunu magħrufa n-natura u l-portata tal-informazzjoni li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas kellu jipprovdi lil dan tal-aħħar skont l-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64, ir-rilevanza tad-domandi preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ma setgħetx tiġi kkontestata.

    Fir-rigward, b’mod konkret, tan-natura u tal-portata tal-obbligi ta’ informazzjoni previsti f’din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fid-dawl tal-fatt li d-Direttiva 2007/64 twettaq armonizzazzjoni totali, li dawn l-obbligi jikkostitwixxu neċessarjament obbligi li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw mingħajr ma jkunu jistgħu jidderogaw minnhom u mingħajr ma jkunu jistgħu jnaqqsuhom billi jikklassifikawhom bħala obbligi ta’ mezzi u mhux bħala obbligi ta’ riżultat. Xejn fl-istruttura ta’ dan l-Artikolu 47 ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li, billi jipprevedi obbligi li jindikaw b’mod preċiż l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried biss li jsiru sforzi f’dan ir-rigward.

    Barra minn hekk, il-frażi “fejn ikun xieraq”, li tinsab fl-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64, għandha tinftiehem fis-sens li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarju ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas li l-fornitur ta’ servizzi ta’ dan il-ħlas għandu jipprovdi lil min iħallas, wara li l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas ikun iddebitat mill-kont ta’ min iħallas jew fil-mument miftiehem skont l-Artikolu 47(2) ta’ din id-direttiva, tinkludi dik li dan il-fornitur għandu jew li għandu jkollu konformement mad-dritt tal-Unjoni. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għan li għandu jintlaħaq mill-imsemmija direttiva, li jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jiġi ggarantit li l-utenti ta’ dawn is-servizzi jkunu jistgħu faċilment jidentifikaw it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas billi jkollhom “l-istess livell għoli ta’ informazzjoni ċara”. Sabiex jiġi żgurat l-ipproċessar integrat bis-sħiħ u dirett tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati u sabiex jitjiebu l-effiċjenza u l-ħeffa tal-ħlasijiet, din l-informazzjoni għandha tkun kemm neċessarja kif ukoll suffiċjenti fir-rigward kemm tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ ħlas kif ukoll tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas stess u għandha tkun proporzjonata għall-ħtiġijiet ta’ dawn l-utenti.

    F’dan il-każ, sabiex jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti, l-informazzjoni li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jipprovdi lil min iħallas, skont l-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64, għandha tkun suffiċjentement preċiża u sinjifikattiva. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali kwalità, min iħallas ma jkunx f’pożizzjoni, bl-għajnuna ta’ din l-informazzjoni, li jidentifika b’mod ċert it-tranżazzjoni ta’ ħlas ikkonċernata. Issa, ir-“referenza li tippermetti lil min iħallas jidentifika t-transazzjoni ta’ ħlas”, imsemmija fl-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64, ma tpoġġix lill-persuna li tħallas ikkonċernata f’pożizzjoni li torbot l-imsemmija referenza ma’ tranżazzjoni ta’ ħlas partikolari. Huwa għalhekk neċessarjament fil-kuntest tal-element addizzjonali msemmi fit-tieni parti tas-sentenza ta’ dan l-Artikolu 47(1)(a), jiġifieri l-“informazzjoni dwar min jitħallas”, li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jipprovdi, lil dan tal-aħħar, l-informazzjoni neċessarja sabiex jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni.


    ( 1 ) Dan l-obbligu huwa previst fl-Artikolu 47(1)(a) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5).

    ( 2 ) Din id-dispożizzjoni tirregola, għall-Istati Membri, il-konsegwenzi tal-armonizzazzjoni totali mwettqa mill-istess direttiva.

    Top