Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0321

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-28 ta’ Settembru 2023.
    Ryanair DAC vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(2)(b) TFUE – Suq Daniż tat-trasport bl-ajru – Għajnuna mogħtija mir-Renju tad-Danimarka lil kumpannija tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Linji gwida temporanji tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat – Garanzija pubblika għal linja ta’ kreditu li tiġġedded – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Għajnuna intiża sabiex tirrimedja d-danni mġarrba minn vittma waħda – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi.
    Kawża C-321/21 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:713

    Kawża C‑321/21 P

    Ryanair DAC

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat‑28 ta’ Settembru 2023

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(2)(b) TFUE – Suq Daniż tat-trasport bl-ajru – Għajnuna mogħtija mir-Renju tad-Danimarka lil kumpannija tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Linji gwida temporanji tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat – Garanzija pubblika għal linja ta’ kreditu li tiġġedded – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Għajnuna intiża sabiex tirrimedja d-danni mġarrba minn vittma waħda – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi”

    1. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-Suq Intern – Għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn diżastri naturali u avvenimenti straordinarji oħra – Garanzija għal linja ta’ kreditu rinnovabbli għal linja tal-ajru waħda fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Inklużjoni – Garanzija li ma tibbenefikax lill-kumpanniji tal-ajru kollha ppreġudikati – Assenza ta’ rilevanza

      (Artikolu 107(2)(b) TFUE)

      (ara l-punti 18 sa 33)

    2. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament – Aggravju bbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti – Neċessità li jiġu indikati b’mod preċiż l-elementi żnaturati u li jintwerew l-iżbalji ta’ analiżi li jkunu wasslu għal dan l-iżnaturament – Neċessità ta’ żnaturament li jirriżulta manifestament mill-atti tal-proċess

      (Subparagrafu 2d tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 168(1)(d))

      (ara l-punti 53 sa 59)

    3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-Suq Intern – Għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra – Garanzija għal linja ta’ kreditu rinnovabbli għal linja tal-ajru waħda fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Evalwazzjoni tal-proporzjonalità fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna

      (Artikolu 107(2)(b) TFUE)

      (ara l-punti 63 sa 67, 71 sa 74)

    4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-Suq Intern – Għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra – Garanzija għal linja ta’ kreditu rinnovabbli għal linja tal-ajru waħda fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Kompatibbiltà tal-garanzija mas-suq intern minkejja n-natura esklużiva tagħha – Kundizzjonijiet

      (Artikolu 107 TFUE)

      (ara l-punti 89 sa 96)

    5. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Projbizzjoni skont l-Artikolu 18 TFUE – Natura sussidjarja meta mqabbla mar-regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni previsti mit-Trattat FUE – Artikolu 107(2) u (3) TFUE li jipprevedi tali regoli speċifiċi

      (Artikoli 18 u 107(2) u (3) TFUE)

      (ara l-punti 97 sa 100)

    6. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-Suq Intern – Għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra – Garanzija għal linja ta’ kreditu rinnovabbli għal linja tal-ajru waħda fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE – Evalwazzjoni tal-għajnuna fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment – Kundizzjonijiet

      (Artikoli 49, 56, u 107(2)(b) TFUE)

      (ara l-punti 118 sa 124)

    7. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-Suq Intern – Għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra – Garanzija għal linja ta’ kreditu rinnovabbli għal linja tal-ajru waħda fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Kundizzjonijiet – Partijiet interessati li għandhom juru dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern

      (Artikolu 107(2)(b) TFUE)

      (ara l-punti 131 sa 140)

    8. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna jew ta’ miżura ta’ għajnuna – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

      (Artikolu 107(2)(b) u 296 TFUE)

      (ara l-punti 144 sa 149)

    Sunt

    F’April 2020, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja kkomunikaw lill-Kummissjoni Ewropea żewġ miżuri ta’ għajnuna differenti favur il-kumpannija tal-ajru SAS AB fejn kull waħda mill-miżuri ta’ għajnuna tikkostitwixxi garanzija għal kreditu kontinwu ta’ ammont massimu ta’ 1.5 biljun krona Svediża (iktar ’il quddiem il-“miżuri inkwistjoni”). Dawn il-miżuri kienu intiżi li jikkumpensaw parzjalment lil SAS għad-dannu li rriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.

    In-notifika tal-miżura ta’ għajnuna Svediża kienet immedjatament wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE ( 1 ), ta’ skema Svediża ta’ garanziji għal self biex tappoġġa ċerti linji tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 ( 2 ). F’dan ir-rigward, l-Isvezja kienet ikkonfermat li SAS, li ltaqgħet ma’ diffikultajiet biex tikseb self mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt l-iskema Svediża ta’ garanziji ta’ self, kienet tibbenefika jew minn għajnuna taħt din l-iskema, jew mill-garanzija nnotifikata l-ġdida, iżda mhux miż-żewġ miżuri fl-istess ħin.

    Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑15 ta’ April 2020 ( 3 ) u tal‑24 ta’ April 2020 ( 4 ), il-Kummissjoni kklassifikat il-miżuri kkomunikati bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, l-għajnuna intiża li tirrimedja d-danni kkawżati minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra huma kompatibbli mas-suq intern.

    Il-kumpannija tal-ajru Ryanair ippreżentat rikorsi intiżi għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li madankollu ġew miċħuda permezz ta’ żewġ sentenzi tal-Qorti Ġenerali ( 5 ).

    L-appelli ppreżentati minn Ryanair kontra dawn is-sentenzi huma miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ) li tikkonferma, f’dan il-kuntest, li miżuri ta’ għajnuna adottati sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 jistgħu legalment jiġu rriżervati għal impriża waħda, anki jekk kompetituri tagħha huma wkoll affettwati minn din il-pandemija.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u intiża sabiex tindirizza avveniment straordinarju tista’, bħal f’dan il-każ, tkun limitata għal impriża waħda, bl-esklużjoni tal-impriżi l-oħra kollha ppreġudikati.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li mill-kliem tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, moqri fid-dawl tal-għan tiegħu, bl-ebda mod ma jirriżulta li tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern biss għajnuna li tingħata lill-impriżi kollha li jkunu ġarrbu danni kkawżati minn avveniment straordinarju.

    Ċertament, jekk, waqt l-eżami ta’ miżura ta’ għajnuna skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni kellha tikkonstata li l-għażla tal-benefiċjarju ma hijiex konformi mal-għan intiż li jikkumpensa l-iżvantaġġi kkawżati direttament minn avveniment straordinarju u li għalhekk tissodisfa kunsiderazzjonijiet oħra li huma barranin għalih, l-imsemmija miżura ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

    Madankollu, is-sempliċi fatt li għajnuna tingħata biss lil impriża waħda, fost diversi impriżi potenzjalment ippreġudikati minn avveniment straordinarju, ma jimplikax madankollu li din l-għajnuna neċessarjament tipprevedi għanijiet oħra bl-esklużjoni ta’ dak imfittex mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE jew li din tingħata b’mod arbitrarju.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ukoll l-argument ta’ Ryanair ibbażat fuq il-fatt li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni jippreżumi li l-Istat Membru kkonċernat jaġixxi bħala “assiguratur aħħari” li joffri l-istess protezzjoni lill-impriżi kollha esposti għal ċerti avvenimenti straordinarji, peress li tali interpretazzjoni la tirriżulta mill-formulazzjoni u lanqas mill-għan tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li, minkejja l-fatt li l-miżuri inkwistjoni ma kinux ibbenefikaw lill-impriżi kollha li ġarrbu danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID 19, il-Kummissjoni kellha dritt tikklassifikahom bħala għajnuna kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostniet Ryanair, il-fatt li l-Kummissjoni kienet iddikjarat l-iskema Svediża ta’ garanziji għal self kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE ma kienx jipprekludiha milli tiddikjara l-garanzija l-ġdida nnotifikata mir-Renju tal-Isvezja kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Fil-fatt, avveniment bħall-pandemija tal-COVID-19 li jista’ jiġi kklassifikat kemm bħala “avveniment straordinarju”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, kif ukoll bħala avveniment li jagħti lok għal “disturb serju tal-ekonomija”, fis-sens tal-ewwel waħda, it-Trattat FUE ma jipprekludix applikazzjoni simultanja tal-imsemmija dispożizzjonijiet, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom ikunu ssodisfatti.

    Sussegwentement, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-proporzjonalità, filwaqt li tikkonferma li għajnuna individwali mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma tistax tkun ogħla mit-telf sostnut mill-benefiċjarju tagħha minħabba l-avveniment straordinarju kkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ilmenti ta’ Ryanair li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni kumpens żejjed possibbli ta’ SAS fir-rigward tad-danni mġarrba mill-kumpanniji tal-ajru l-oħra li joperaw fl-Isvezja u fid-Danimarka. Dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza, minn naħa, li l-fatt dwar jekk, jew sa fejn, kumpanniji oħra ġarrbu wkoll danni minħabba l-pandemija tal-COVID-19 jidher b’mod ċar irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ eventwali kumpens żejjed favur SAS. Peress li r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja ma kinux, min-naħa l-oħra, obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni d-danni kollha kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 jew li jagħtu l-benefiċċju tal-għajnuna lill-impriżi kollha ppreġudikati, l-awtorizzazzjoni li tingħata, skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, għajnuna għall-benefiċċju ta’ SAS biss ma tistax tkun suġġetta għall-prova, mill-Kummissjoni, li d-dannu kkawżat minn din il-pandemija kien jippreġudika biss lil din l-impriża.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li, fil-każ ta’ għajnuna fil-forma ta’ garanzija fuq linja ta’ kreditu, l-ammont tal-għajnuna mogħtija lill-benefiċjarju li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ kumpens żejjed eventwali jikkorrispondi, bħala prinċipju, għad-differenza tar-rata mogħtija lill-imsemmi benefiċjarju bi jew fl-assenza tal-garanzija fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni vantaġġ eventwali li l-benefiċjarju jkun ħa indirettament minnu, bħall-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta, jekk ikun il-każ, mill-fatt li huwa kien l-uniku benefiċjarju tal-għajnuna.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tapprova wkoll il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-miżuri inkwistjoni ma humiex kuntrarji għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sempliċement minħabba n-natura intrinsikament esklużiva tagħhom, peress li d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri jagħtu għajnuna individwali, sakemm il-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 107 TFUE jkunu ssodisfatti.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, għalkemm l-Artikolu 107(1) TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern tal-miżuri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, li fosthom hemm ir-rekwiżit ta’ selettività, xorta jibqa’ l-fatt li l-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-istess artikolu jipprevedu ċerti derogi mill-imsemmi prinċipju. Minn dan isegwi li għajnuna mill-Istat li tingħata għall-finijiet ta’ għan rikonoxxut minn dawn id-derogi u fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju u proporzjonat għat-twettiq ta’ dan l-għan ma tistax titqies inkompatibbli mas-suq intern biss fid-dawl tal-karatteristiċi jew tal-effetti li huma inerenti għal kull għajnuna mill-Istat, jiġifieri, b’mod partikolari, għal raġunijiet marbuta mal-fatt li l-għajnuna hija selettiva jew li tidher li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad, barra minn hekk, l-allegazzjoni ta’ Ryanair li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn ma applikatx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, iżda eżaminat il-miżuri inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Fil-fatt, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 18 TFUE ma huwiex intiż li japplika b’mod awtonomu ħlief f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jistabbilixxix regoli speċifiċi dwar nondiskriminazzjoni. Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-derogi previsti mill-Artikolu 107(2) u (3) TFUE jikkostitwixxu tali regoli speċifiċi.

    Il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-ilmenti ta’ Ryanair ibbażati fuq ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, sabiex tistabbilixxi li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu, minħabba li kienu jibbenefikaw biss lil SAS, ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, Ryanair kellha turi li dawn jipproduċu effetti restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk li huma inerenti għal għajnuna mill-Istat mogħtija konformement mar-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Madankollu, fl-argumentazzjoni tagħha, Ryanair sempliċement ikkritikat l-għażla ta’ SAS bħala l-unika benefiċjarja tal-miżuri inkwistjoni u l-konsegwenzi ta’ din l-għażla, minkejja li din tal-aħħar hija inerenti għan-natura selettiva ta’ dawn il-miżuri.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali injorat ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-miżuri inkwistjoni, u, konsegwentement, iż-żewġ appelli ta’ Ryanair fl-intier tagħhom.


    ( 1 ) Skont din id-dispożizzjoni, l-għajnuna intiża sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess komuni Ewropew jew sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.

    ( 2 ) Deċiżjoni C(2020) 2366 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56812 (2020/N) - Svezja - COVID-19: skema ta’ garanziji għal self favur kumpanniji tal-ajru (ĠU 2020, C 269, p. 1).

    ( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2416 final tal‑15 ta’ April 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56795 (2020/N) - id-Danimarka - Kumpens għad-danni kkawżati lil SAS mill-pandemija tal-COVID-19 (ĠU 2020, C 220, p. 7).

    ( 4 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2784 final tal‑24 ta’ April 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57061 (2020/N) - l-Isvezja - Kumpens għad-danni kkawżati lil SAS mill-pandemija tal-COVID-19 (ĠU 2020, C 220, p. 9).

    ( 5 ) Sentenzi tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (SAS, id-Danimarka; COVID-19) (IT-378/20, EU:T:2021:194) u Ryanair vs Il-Kummissjoni (SAS, l-Isvezja; COVID-19) (IT‑379/20, EU:T:2021:195).

    ( 6 ) L-appell ippreżentat mis-sentenza fil-Kawża T‑379/20 huwa miċħud bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑320/21 P. L-appell ippreżentat mis-sentenza fil-Kawża T‑378/20 huwa miċħud bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑321/21 P.

    Top