This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0181
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Jannar 2024.
G. et vs M.S. u X.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja – Neċessità tal-interpretazzjoni mitluba biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Indipendenza tal-imħallfin – Kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji – Possibbiltà li jitqiegħed inkwistjoni digriet li ta deċiżjoni definittiva dwar talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji – Possibbiltà li mħallef jiġi eskluż minn kulleġġ ġudikanti – Ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.
Kawżi magħquda C-181/21 u C-269/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Jannar 2024.
G. et vs M.S. u X.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja – Neċessità tal-interpretazzjoni mitluba biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Indipendenza tal-imħallfin – Kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji – Possibbiltà li jitqiegħed inkwistjoni digriet li ta deċiżjoni definittiva dwar talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji – Possibbiltà li mħallef jiġi eskluż minn kulleġġ ġudikanti – Ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.
Kawżi magħquda C-181/21 u C-269/21.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:1
Kawżi magħquda C‑181/21 u C‑269/21
G.
vs
M.S.
u
BC
u
DC
vs
X
(talbiet għal deċiżjoni preliminari
mressqa mis-Sąd Okręgowy w Katowicach u mis-Sąd Okręgowy w Krakowie)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad‑9 ta’ Jannar 2024
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja – Neċessità tal-interpretazzjoni mitluba biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Indipendenza tal-imħallfin – Kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji – Possibbiltà li jitqiegħed inkwistjoni digriet li ta deċiżjoni definittiva dwar talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji – Possibbiltà li mħallef jiġi eskluż minn kulleġġ ġudikanti – Ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari”
Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli – Domandi li jirrigwardaw l-osservanza tar-rekwiżiti inerenti għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, minn kulleġġ ġudikanti li jinkludi mħallef maħtur f’ċirkustanzi partikolari – Kompetenza tal-qrati nazzjonali biex jevalwaw il-legalità ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti jew biex iqiegħdu inkwistjoni d-deċiżjoni definittiva tiegħu – Assenza – Inammissibbiltà
(Artikolu 267 TFUE)
(ara l-punti 68‑78)
Sunt
L-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li huma inammissibbli żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari minn qrati Pollakki, li jistaqsu dwar il-konformità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti tagħhom, fil-kawżi prinċipali, mar-rekwiżiti inerenti għal qorti indipendenti u imparzjali, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.
Fl-ewwel kawża (C‑181/21), kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin fi ħdan is-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja) ġie maħtur biex jeżamina lment kontra digriet li jiċħad l-oppożizzjoni ta’ konsumatur kontra ordni ta’ ħlas. L-Imħallef Relatur inkarigat minn din il-kawża esprima dubji dwar jekk dan il-kulleġġ ġudikanti huwiex “qorti”, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom seħħet il-ħatra tal-Imħallef A.Z. fil-Qorti Reġjonali ta’ Katowice, li wkoll tagħmel parti mill-imsemmi kulleġġ ġudikanti. It-tħassib tiegħu kien jirrigwarda, b’mod partikolari, l-istatus u l-metodu ta’ funzjonament tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“KRS” ( 1 )), li jintervjeni f’tali proċedura ta’ ħatra.
Fir-rigward tal-Kawża C‑269/21, kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin sedenti fi ħdan is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja) eżamina l-ilment ta’ bank kontra digriet li permezz tiegħu kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku fi ħdan din l-istess qorti kien laqa’ talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji mressqa minn konsumaturi. Dan il-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin biddel id-digriet ikkontestat, ċaħad din it-talba fl-intier tagħha u reġa’ bagħat lura l-kawża lill-kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku. Dan tal-aħħar jesprimi dubji fir-rigward tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-kompożizzjoni bil-kulleġġ ġudikanti li ddeċieda dwar l-ilment tal-bank u, sussegwentement, fir-rigward tal-validità tad-deċiżjoni tagħha. Fil-fatt, il-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin kien jinkludi lill-Imħallef A.T., maħtura fil-Qorti Reġjonali ta’ Kraków fl‑2021, wara proċedura li kienet tinvolvi lill-KRS.
F’dan il-kuntest, l-Imħallef Relatur, fl-ewwel kawża, u l-kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku, fit-tieni kawża, iddeċidew li jressqu domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-konstatazzjoni, essenzjalment, dwar jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom seħħew il-ħatriet tal-Imħallfin A. Z. u A.T., il-kulleġġi ġudikanti li fi ħdanhom huma sedenti dawn l-imħallfin jissodisfawx ir-rekwiżiti inerenti għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u jekk din tal-aħħar ( 2 ) timponix li tali mħallfin jiġu esklużi ex officio milli jeżaminaw il-kawżi inkwistjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li tilwima tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma mitluba jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari ( 3 ).
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li għalkemm kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika jekk, bil-kompożizzjoni tagħha, tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens, b’mod partikolari, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, meta jqum dubju serju fuq dan il-punt, xorta jibqa’ l-fatt li l-ħtieġa, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, tal-interpretazzjoni preliminari mitluba mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja timplika li l-qorti tar-rinviju tista’, waħedha, tislet il-konsegwenzi ta’ din l-interpretazzjoni billi tevalwa, fid-dawl tagħha, il-legalità tal-ħatra ta’ mħallef ieħor tal-istess kulleġġ ġudikanti u, jekk ikun il-każ, billi tirrikuża lil dan tal-aħħar.
F’dan ir-rigward, dan ma huwiex il-każ tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑181/21 peress li la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li, bis-saħħa tar-regoli tad-dritt nazzjonali, hija jista’, waħedha, timxi b’dan il-mod. L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mitluba fil-Kawża C‑181/21 għalhekk ma tissodisfax bżonn oġġettiv marbut ma’ deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu, waħedha, fil-kawża prinċipali.
Fir-rigward tal-Kawża C‑269/21, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-qorti tar-rinviju nnifisha tenfasizza li d-digriet mogħti mill-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin li biddel id-deċiżjoni tagħha stess u li ċaħad it-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji fformulata mill-konsumaturi kkonċernati ma huwiex iżjed suġġett għal appell u għaldaqstant għandu jitqies li huwa definittiv skont id-dritt Pollakk. Issa, għalkemm tinvoka n-nuqqas ta’ ċertezza legali madwar dan id-digriet minħabba dubji dwar il-legalità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li tatha, madankollu l-qorti tar-rinviju ma tindika ebda dispożizzjoni tad-dritt proċedurali Pollakk li tagħtiha l-kompetenza biex tipproċedi, barra minn hekk b’kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku, għal eżami tal-konformità, b’mod partikolari mad-dritt tal-Unjoni, ta’ digriet definittiv mogħti fuq tali talba minn kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin. Barra minn hekk mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-digriet mogħti mill-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin jorbot lill-qorti tar-rinviju u li din tal-aħħar la hija kompetenti biex “tirrikuża” mħallef li jagħmel parti mill-kulleġġ ġudikanti li ta dan id-digriet u lanqas biex tqiegħed inkwistjoni dan id-digriet.
B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑269/21 ma hijiex kompetenti, bis-saħħa tar-regoli tad-dritt nazzjonali, biex tevalwa, fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt tal-Unjoni, il-legalità tal-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin li ta d-digriet li jiddeċiedi definittivament it-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji u, b’mod partikolari, il-legalità tal-kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-Imħallef A.T., u biex, jekk ikun il-każ, dan id-digriet jitqiegħed inkwistjoni.
Fil-fatt, peress li t-talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġiet miċħuda fl-intier tagħha, it-trattament ta’ din it-talba ġie definittivament magħluq mill-kulleġġ ġudikanti bi tlett imħallfin. B’hekk, id-domandi magħmula fil-Kawża C‑269/21 jirrigwardaw intrinsikament stadju tal-proċedura fil-kawża prinċipali li ġie definittivament magħluq u li huwa distint mit-tilwima fuq il-mertu li waħedha hija pendenti quddiem il-qorti tar-rinvju. Għaldaqstant dawn id-domandi ma jikkorrispondux għal ħtieġa oġġettiva inerenti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima iżda huma intiżi li jiksbu mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġenerali, mhux konnessa mal-ħtiġijiet tal-imsemmija tilwima, dwar il-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin ordinarji fil-Polonja.
( 1 ) Fil-kompożizzjoni tiegħu wara l-2018.
( 2 ) Ara l-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
( 3 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema - Ħatra) (C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).