This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0168
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Lulju 2022.
KL.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 2(4) – Kundizzjoni ta’ kriminalità doppja tal-fatt – Artikolu 4(1) – Raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Stħarriġ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Fatti li parzjalment jikkostitwixxu reat fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ proporzjonalità tar-reati u tal-pieni.
Kawża C-168/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Lulju 2022.
KL.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 2(4) – Kundizzjoni ta’ kriminalità doppja tal-fatt – Artikolu 4(1) – Raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Stħarriġ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Fatti li parzjalment jikkostitwixxu reat fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ proporzjonalità tar-reati u tal-pieni.
Kawża C-168/21.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:558
Kawża C‑168/21
Prokuratur Ġenerali fi ħdan il-cour d’appel d’Angers
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza))
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Lulju 2022
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 2(4) – Kundizzjoni ta’ kriminalità doppja tal-fatt – Artikolu 4(1) – Raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Stħarriġ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Fatti li parzjalment jikkostitwixxu reat fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ proporzjonalità tar-reati u tal-pieni”
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Kundizzjoni ta’ kriminalità doppja – Mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ ordni ta’ detenzjoni – Piena ta’ privazzjoni tal-libertà maħruġa għal fatti li huma s-suġġett ta’ reat kriminali fir-rigward tad-dritt tal-Istat Membru emittenti u tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Kwalifika bħala ksur li tippresupponi, fl-Istat Membru emittenti biss, il-ksur ta’ interess legali protett – Osservanza tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja
(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikoli 2(4) u 4(1))
(ara l-punti 44 sa 47, 49 sa 51 u d-dispożittiv)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Kundizzjoni ta’ kriminalità doppja – Mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ ordni ta’ detenzjoni – Piena ta’ privazzjoni tal-libertà maħruġa għal ksur uniku komposta minn fatti diversi – Fatti li jikkostitwixxu parzjalment biss reat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Osservanza tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tar-reati – Assenza – Obbligu ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(3); Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 2(4), il-punt 1 tal-Artikolu 4, u l-Artikolu 5)
(ara l-punti 58, 60 sa 64, 68, 69, u d-dispożittiv 2)
Sunt
Mandat ta’ arrest Ewropew u kundizzjoni tal-kriminalità doppja tal-fatt: ma hijiex meħtieġa korrispondenza perfetta bejn l-elementi kostituttivi tar-reat ikkonċernat fl-Istat Membru emittenti u fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni
L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax għalhekk tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew minħabba li parti biss mill-fatti li jikkostitwixxu l-imsemmi reat fl-Istat Membru emittenti tikkostitwixxi wkoll reat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni
F’Ġunju 2016, l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew (MAE) kontra KL, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija ta’ tnax-il sena u sitt xhur. Din il-piena tikkorrispondi għall-akkumulazzjoni ta’ erba’ pieni imposti għal erba’ reati, fosthom dik ikklassifikata bħala “qerda u sakkeġġ”. Il-Cour d’appel d’Angers (il-Qorti tal-Appell ta’ Angers, Franza) irrifjutat il-konsenja ta’ KL minħabba li żewġ aġiri li huma l-bażi ta’ dan il-ksur ma setgħux jikkostitwixxu ksur fi Franza. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, adita b’appell ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni ta’ rifjut, tindika li l-elementi li jikkostitwixxu l-ksur ta’ “qerda u sakkeġġ” huma differenti fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati, sa fejn, fid-dritt Taljan, kuntrarjament għad-dritt Franċiż, il-preġudizzju għall-paċi pubblika jikkostitwixxi element essenzjali għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ dan il-ksur.
Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-osservanza, f’dan il-każ, tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tal-fatt, kif stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 1 ), li hija suġġetta għaliha l-konsenja ta’ KL. Fl-ipoteżi fejn din il-kundizzjoni ma tostakolax il-konsenja ta’ KL, din il-qorti tqis li tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk, f’tali ċirkustanzi, l-eżekuzzjoni tal-MAE għandhiex tiġi rrifjutata fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni, stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 2 ). Konsegwentement, l-imsemmija qorti ressqet dawn id-domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja tal-fatt, prevista fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 3 ), hija ssodisfatta fis-sitwazzjoni fejn MAE jinħareġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija mogħtija għal fatti li jaqgħu, fl-Istat Membru emittenti, taħt reat uniku li jeħtieġ li dawn il-fatti jippreġudikaw interess ġuridiku protett f’dan l-Istat Membru, meta tali fatti jkunu wkoll is-suġġett ta’ reat kriminali fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li għalih il-ksur ta’ dan l-interess ġuridiku protett ma jikkostitwixxix element kostituttiv. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, fid-dawl tal-imsemmija kundizzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi MAE maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, meta din il-piena tkun ġiet imposta, fl-Istat Membru emittenti, għat-twettiq, mill-persuna rikjesta, ta’ reat uniku kompost minn diversi fatti li parti minnhom biss tikkostitwixxi reat kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-portata tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tal-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża qabel kollox li, sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, huwa neċessarju u suffiċjenti li l-fatti li taw lok għall-ħruġ tal-MAE jikkostitwixxu wkoll reat fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Minn dan isegwi li ma huwiex neċessarju li r-reati jkunu identiċi fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati. Minn dan jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tal-imsemmija kundizzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-MAE ( 4 ), hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tivverifika jekk l-elementi fattwali tar-reat li taw lok għall-ħruġ ta’ dan il-MAE jikkostitwixxux ukoll, bħala tali, reat fir-rigward tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil-każ li dawn seħħew fit-territorju ta’ dan tal-aħħar.
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bħala eċċezzjoni għar-regola li l-MAE għandu jiġi eżegwit, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-MAE li tikkostitwixxi l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja tal-fatt għandha tiġi interpretata b’mod strett u, għaldaqstant, ma tistax tiġi interpretata b’mod li jwassal biex jinnewtralizza l-għan li jikkonsisti f’li jiġu ffaċilitati u mħaffa l-konsenji bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Issa, interpretazzjoni li tgħid li din il-kundizzjoni teżiġi li teżisti korrispondenza perfetta bejn l-elementi li jikkostitwixxu r-reat kif ikkwalifikat fid-dritt tal-Istat Membru emittenti u dawk tar-reat previst fid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-interess ġuridiku protett fid-drittijiet ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri, tippreġudika l-effettività tal-proċedura ta’ konsenja. Fil-fatt, fid-dawl tal-armonizzazzjoni minima fil-qasam tad-dritt kriminali fil-livell tal-Unjoni, tali korrispondenza perfetta tista’ tkun nieqsa għal numru kbir ta’ reati. Konsegwentement, l-interpretazzjoni prevista iktar’ il fuq tillimita b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjonijiet li fihom l-imsemmija kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta, u b’hekk tipperikola l-għan imfittex mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tmur kontra wkoll l-għan li jikkonsisti fil-ġlieda kontra l-impunità ta’ persuna rikjesta li tinsab f’territorju differenti minn dak li fih hija wettqet reat.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva qabel kollox li, ħlief sabiex testendi r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni marbuta mal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tal-fatt għall-parti mill-fatti li tikkostitwixxi reat skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u li għalhekk ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-raġuni, il-fatt li parti biss mill-fatti li jikkostitwixxu reat fl-Istat Membru emittenti tikkostitwixxi wkoll reat fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jippermettix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE. Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 5 ) ma tipprevedix kundizzjoni dwar il-fatt li l-persuna kkonċernata ma tkunx suġġetta għall-piena fl-Istat Membru emittenti għall-parti tal-fatti li ma tikkostitwixxix reat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Issa, l-eżekuzzjoni tal-MAE tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti f’din id-deċiżjoni qafas.
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tal-fatt fis-sens li l-eżekuzzjoni tal-MAE tista’ tiġi rrifjutata minħabba li parti mill-fatti inkriminati fl-Istat Membru emittenti ma tikkostitwixxix reat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni toħloq ostakoli għall-konsenja effettiva tal-persuna kkonċernata u twassal għall-impunità tagħha għall-fatti kollha kkonċernati. Għaldaqstant, f’tali ċirkustanzi, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li ma hijiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmija kundizzjoni, li għandha tevalwa l-piena mogħtija fl-Istat Membru emittenti fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni.
( 1 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 6, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2008/584”). Il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tal-fatt hija stabbilita fl-Artikolu 2(4) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.
( 2 ) Skont dan il-prinċipju, l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur.
( 3 ) Ara l-Artikolu 2(4) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jipprevedi l-possibbiltà li l-konsenja tiġi suġġetta għal din il-kundizzjoni għar-reati differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, u l-punt 1 tal-Artikolu 4 tagħha, li jipprovdi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE jekk, f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), il-fatt li fuqu huwa bbażat il-MAE ma jikkostitwixxix reat fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
( 4 ) Ara l-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
( 5 ) Ara l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li jipprevedi l-kundizzjonijiet li għalihom id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jissuġġetta l-eżekuzzjoni tal-MAE.