Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0159

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Settembru 2022.
    GM vs Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni – Direttiva 2011/95/UE – Regoli relatati dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Ċaħda tal-istatus – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali – Teħid ta’ pożizzjoni ta’ awtorità speċjalizzata – Aċċess għall-fajl.
    Kawża C-159/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:708

    Kawża C‑159/21

    GM

    vs

    Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság u Alkotmányvédelmi Hivatal u Terrorelhárítási Központ

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat‑22 ta’ Settembru 2022

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni – Direttiva 2011/95/UE – Regoli relatati dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Ċaħda tal-istatus – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali – Teħid ta’ pożizzjoni ta’ awtorità speċjalizzata – Aċċess għall-fajl”

    1. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ rtirar ta’ tali protezzjoni bbażata fuq informazzjoni li tikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-aċċess parzjali għal din l-informazzjoni fuq awtorizzazzjoni għall-persuna kkonċernata jew il-konsulent tagħha – Projbizzjoni ta’ użu tal-imsemmija informazzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji – Inammissibbiltà

      (Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 23(1), 45(3) u (4))

      (ara l-punti ,7‑39, 42‑58, 60, dispożittiv 1)

    2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ rtirar ta’ tali protezzjoni bbażata fuq informazzjoni li tikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni – Motivazzjoni ta’ tali deċiżjoni – Motivi preċiżi u kompluti, li jaqgħu taħt is-sigurtà nazzjonali, mhux miġjuba għall-attenzjoni tal-persuna kkonċernata – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Ibbilanċjar tar-rekwiżiti marbuta mas-sigurtà nazzjonali ma’ dawk tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) u Artikolu 45(3))

      (ara l-punti 49 sa 52)

    3. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Esklużjoni mill-istatus mogħtija mill-protezzjoni sussidjara – Kawżi ta’ esklużjoni – Theddid għas-sigurtà nazzjonali – Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ rtirar ta’ tali protezzjoni bbażata fuq informazzjoni li tikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni – Opinjoni mhux motivata, maħruġa minn korpi speċjalizzati fis-sigurtà nazzjonali, li tikkonstata n-natura ta’ theddida ta’ persuna – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-awtorità determinanti l-obbligu li teskludi l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali jew li tirtira protezzjoni mogħtija abbażi ta’ din l-opinjoni – Inammissibbiltà

      (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikoli 2(d) u (f), 14(4)(a) u 17(1)(d), u 2013/32, Artikoli 4(1) u (2), 10(2) u (3), 11(2), 23(1) u 45(3))

      (ara l-punti 67‑69, 72‑84, 86, dispożittiv 2)

    4. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Esklużjoni mill-istatus mogħtija mill-protezzjoni sussidjara – Kawżi ta’ esklużjoni – Kummissjoni ta’ delitt gravi – Għoti lill-persuna kkonċernata ta’ status ta’ refuġjat fi tmiem proċedura preċedenti – Esklużjoni deċiża abbażi ta’ kundanna kriminali diġà magħrufa mill-awtoritajiet kompetenti matul dan l-għoti – Esklużjoni sussegwenti possibbli fil-kuntest ta’ evalwazzjoni individwali ġdida tal-fatti mill-awtorità kompetenti

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikolu 17(1)(b))

      (ara l-punti 89 sa 93, u d-dispożittiv 3)

    Sunt

    Irtirar tal-protezzjoni internazzjonali wara preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali: id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-leġiżlazzjoni Ungeriża li tipprovdi li l-persuna kkonċernata jew ir-rappreżentant tagħha jistgħu jaċċedu għall-fajl biss a posteriori, fuq awtorizzazzjoni u mingħajr ma jiġu kkomunikati lilha r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni

    Ir-regoli tal-Unjoni ma jippermettux li l-awtorità responsabbli mill-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tibbaża ruħha sistematikament fuq opinjoni mhux motivata maħruġa minn korpi inkarigati minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali li kkonstataw li persuna tikkostitwixxi theddida għall-imsemmija sigurtà nazzjonali

    Fl-2002, GM ġie kkundannat minn qorti Ungeriża għal piena li ċċaħħad il-libertà għat-traffikar ta’ drogi narkotiċi. Wara l-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ażil fl-Ungerija, GM ingħata l-istatus ta’ refuġjat permezz ta’ sentenza mogħtija f’Ġunju 2012 mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija, iktar’ il quddiem il-“qorti tar-rinviju”). Permezz ta’ deċiżjoni adottata f’Lulju 2019, l-Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság (id-Direttorat Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tal-Barranin, l-Ungerija) irtiralu l-istatus ta’ refuġjat u rrifjuta li jagħtih l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja rregolata mid-Direttivi 2011/95 ( 1 ) u 2013/32 ( 2 ), filwaqt li applikatlu l-prinċipju ta’ non-refoulement. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq opinjoni mhux motivata maħruġa minn żewġ korpi speċjalizzati Ungeriżi, mill-Alkotmányvédelmi Hivatal (l-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni) u mit-Terrorelhárítási Központ (l-Uffiċċju Ċentrali ta’ Prevenzjoni tat-Terroriżmu), li fiha dawn iż-żewġ awtoritajiet kienu kkonkludew li r-residenza ta’ GM kienet tikkomprometti s-sigurtà nazzjonali. GM appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

    Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar l-aċċess għall-informazzjoni kklassifikata mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/32 ( 3 ), li jipprevedi l-portata tal-assistenza legali u tar-rappreżentazzjoni li jibbenefikaw lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali. Hija tistaqsi wkoll dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tar-regola Ungeriża li teżiġi li l-amministrazzjoni tibbaża ruħha fuq opinjoni mhux motivata tal-korpi speċjalizzati ċċitati iktar ’il fuq, mingħajr ma tkun tista’ teżamina hija stess l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ esklużjoni tal-protezzjoni inkwistjoni.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li d-Direttiva 2013/32 ( 4 ), moqrija fid-dawl tal-prinċipju ġenerali dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ rtirar tagħha tkun ibbażata fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, il-persuna kkonċernata jew il-konsulent tagħha jistgħu biss ikollhom aċċess għal din l-informazzjoni a posteriori, fuq awtorizzazzjoni, mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu kkomunikati lilu l-motivi li fuqhom huma bbażaw dawn id-deċiżjonijiet, l-imsemmija informazzjoni ma tistax tkun użata għall-finijiet ta’ eventwali proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji ulterjuri. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża wkoll li d-Direttivi 2013/32 u 2011/95 ( 5 ) jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità responsabbli mill-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali hija sistematikament obbligata, meta korpi inkarigati minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali jkunu kkonstataw, permezz ta’ opinjoni mhux motivata, li persuna tikkostitwixxi theddida għal din is-sigurtà, li teskludi li tagħti l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja lil din il-persuna jew li tirtira protezzjoni internazzjonali mogħtija minn qabel lill-imsemmija persuna, billi tibbaża ruħha fuq din l-opinjoni.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-domanda tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn hija tillimita l-aċċess tal-persuni kkonċernati jew tar-rappreżentant tagħhom għall-informazzjoni kunfidenzjali li abbażi tagħha jkunu ġew adottati d-deċiżjonijiet ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, konformement mad-Direttiva 2013/32 ( 6 ), meta l-Istati Membri jirrestrinġu l-aċċess għall-informazzjoni jew għas-sorsi li l-iżvelar tagħhom jikkomprometti, b’mod partikolari, is-sigurtà jew is-sigurtà tas-sorsi, l-Istati Membri għandhom mhux biss jagħtu aċċess għal din l-informazzjoni jew għall-imsemmija sorsi lill-qrati kompetenti biex jagħtu deċiżjoni fuq il-legalità tad-deċiżjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali, iżda wkoll jistabbilixxu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, proċeduri li jiggarantixxu li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jiġu rrispettati ( 7 ). Għalkemm l-Istati Membri jistgħu, f’dan ir-rigward, jagħtu l-aċċess għall-imsemmija informazzjoni lill-konsulent tal-persuna kkonċernata, tali proċedura ma tikkostitwixxix l-unika possibbiltà miftuħa għall-Istati Membri biex jikkonformaw ruħhom mal-imsemmi obbligu. Il-modalitajiet konkreti tal-proċeduri stabbiliti għal dan l-għan jaqgħu b’hekk taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li huma ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li huma ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar ukoll li d-drittijiet tad-difiża ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti u li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl li huwa l-korollari jista’ jiġi limitat, abbażi ta’ bbilanċjar bejn, minn naħa, id-dritt għal amministrazzjoni tajba kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, l-interessi invokati sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ żvelar ta’ element tal-fajl lil din il-persuna, b’mod partikolari meta dawn l-interessi jkunu jirrigwardaw is-sigurtà nazzjonali. Għalkemm dan l-ibbilanċjar ma jistax iwassal, fid-dawl tal-osservanza neċessarja tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sabiex iċċaħħad minn kull effettività d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u sabiex jitneħħa l-kontenut tad-dritt għal azzjoni legali previst mid-Direttiva stess ( 8 ), dan jista’ madankollu jwassal sabiex ċerti elementi tal-proċess ma jiġux ikkomunikati lill-persuna kkonċernata, meta l-iżvelar ta’ dawn l-elementi jista’ jikkomprometti b’mod dirett u partikolari s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

    Konsegwentement, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32 ma jistax jiġi interpretat bħala li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jpoġġu lill-persuna kkonċernata f’sitwazzjoni fejn la hija u lanqas il-konsulent tagħha ma jkunu f’pożizzjoni li jieħdu utilment konjizzjoni, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ proċedura speċifika ddedikata lill-konservazzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tas-sustanza tal-elementi determinanti mdaħħla fil-fajl tagħha. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, meta l-iżvelar ta’ informazzjoni mdaħħla fil-fajl ikun ġie ristrett minn motiv ta’ sigurtà nazzjonali, ir-rispett tad-drittijiet ta’ difiża tal-persuna kkonċernata ma jiġix żgurat b’mod suffiċjenti mill-possibbiltà għal din il-persuna li tikseb, b’ċerti kundizzjonijiet, awtorizzazzjoni li teċċedi għal din l-informazzjoni flimkien ma’ projbizzjoni kompleta li tużahom għall-finijiet ta’ proċedura amministrattiva jew għall-eventwali proċedura ġudizzjarja. Barra minn hekk, il-possibbiltà li għandha l-qorti kompetenti li taċċedi għall-fajl ma jistax jiġi ssostitwit, biex tiżgura l-garanzija tad-drittijiet tad-difiża, bl-aċċess għall-informazzjoni mdaħħla f’dan il-fajl mill-persuna kkonċernata stess jew mill-konsulent tagħha.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, sa fejn tagħti rwol importanti lill-korpi speċjalizzati fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ rtirar jew ta’ rifjut tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tiġġudika li hija l-unika awtorità determinanti li għandha tipproċedi, taħt l-istħarriġ tal-qrati, bl-evalwazzjoni tal-fatti kollha u taċ-ċirkustanzi rilevanti, inklużi dawk li jirrelataw mal-applikazzjoni tal-artikoli tad-Direttiva 2011/95 dwar ir-revoka, bil-għan li l-istatus ta’ rifuġjat jew għar-rifjut li jiġġedded ( 9 ) u dawk dwar l-esklużjoni tal-benefiċċju tal-istatus ( 10 ). Din l-awtorità determinanti għandha, barra minn hekk, tindika fid-deċiżjoni tagħha r-raġunijiet li jkunu wassluha tadotta d-deċiżjoni tagħha. Għalhekk hija ma tistax tillimita ruħha li timplimenta deċiżjoni adottata minn awtorità oħra u tieħu, fuq din l-unika bażi, id-deċiżjoni li teskludi li tagħti l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja jew li tirtira protezzjoni internazzjonali mogħtija minn qabel. Hija għandha, bil-kontra, ikollha l-informazzjoni kollha rilevanti u tipproċedi, fir-rigward ta’ din l-informazzjoni, għall-evalwazzjoni tagħha stess tal-fatti u taċ-ċirkustanzi, bil-għan li tiddetermina s-sens tad-deċiżjoni tagħha kif ukoll li timmotivaha b’mod komplet. Għalkemm l-informazzjoni użata mill-awtorità kompetenti biex twettaq l-evalwazzjoni tagħha tista’ parzjalment tiġi pprovduta mill-korpi inkarigati b’funzjonijiet speċjalizzati marbutin mas-sigurtà nazzjonali, il-portata ta’ din l-informazzjoni u r-rilevanza tagħha għad-deċiżjoni li tingħata għandha tiġi evalwata liberament minn din l-awtorità. Din tal-aħħar ma tistax, konsegwentement, tkun obbligata tibbaża ruħha fuq opinjoni mhux motivata mogħtija minn tali korpi, abbażi ta’ evalwazzjoni li l-bażi fattwali tagħha ma tkunx ġiet ikkomunikata lilha.


    ( 1 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

    ( 2 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

    ( 3 ) Bis-saħħa tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulent legali jew konsulent ieħor, li jkun ammess jew permess bħala tali taħt il-liġi nazzjonali, li jgħin jew jirrappreżenta applikant taħt il-liġi nazzjonali, għandu jgawdi aċċess għall-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-applikant li fuq il-bażi tiegħu jkun hemm jew tkun ser tittieħed deċiżjoni.
    L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni fejn l-iżvelar ta’ informazzjoni jew ta’ sorsi jkun ta’ ħsara għas-sigurtà nazzjonali, għas-sigurtà tal-organizzazzjonijiet jew tal-persuna jew persuni li jipprovdu l-informazzjoni jew għas-sigurtà tal-persuna jew persuni li għalihom tirriferi l-informazzjoni jew fejn l-interessi investigattivi dwar l-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri jkunu kompromessi. F’tali każijiet, l-Istati Membri għandhom: (a) jagħmlu l-aċċess għal tali informazzjoni jew għas-sorsi disponibbli għall-awtoritajiet imsemmija fil-Kapitolu V; u; (b) jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali proċeduri li jagħtu garanzija li d-drittijiet ta’ difiża tal-applikant jiġu rispettati.
    Fir-rigward tal-punt(b), l-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jagħtu aċċess għal tali informazzjoni jew is-sorsi għal konsulent legali jew konsulent li saritlu verifika tas-sigurtà, dment li l-informazzjoni hi rilevanti għall-eżami tal-applikazzjoni jew it-teħid ta’ deċiżjoni li tiġi rtirata l-protezzjoni internazzjonali.”

    ( 4 ) Jirrigwarda b’mod partikolari l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 45(4) ta’ din tal-aħħar.

    ( 5 ) Dan jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-Artikolu 4(1) u (2), l-Artikolu 10(2) u (3), l-Artikolu 11(2) kif ukoll l-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2013/32, moqrija flimkien mal-Artikolu 14(4)(a) u mal-Artikolu 17(1)(d) tad-Direttiva 2011/95.

    ( 6 ) It-tieni subparagrafu (a) u (b) tal-Artikolu 23(1).

    ( 7 ) Dan it-tieni obbligu huwa bbażat fuq it-tieni subparagrafu (b) tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32.

    ( 8 ) Dan id-dritt huwa previst mill-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2013/32.

    ( 9 ) Dan jirrigwarda l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95.

    ( 10 ) Dan jirrigwarda l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/95.

    Top