This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0007
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-7 ta’ Lulju 2022.
LKW WALTER Internationale Transportorganisation AG vs CB et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Notifika u komunikazzjoni tal-atti – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Artikolu 8(1) – Terminu ta’ ġimgħa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rifjut ta’ riċezzjoni tal-att – Digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħti fi Stat Membru u nnotifikat fi Stat Membru ieħor fil-lingwa tal-ewwel Stat Membru biss – Leġiżlazzjoni ta’ dan l-ewwel Stat Membru li tipprevedi terminu ta’ tmint ijiem sabiex titressaq oppożizzjoni kontra dan id-digriet – Terminu għal oppożizzjoni li jibda jiddekorri fl-istess żmien tat-terminu previst għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rifjut ta’ riċezzjoni tal-att – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv.
Kawża C-7/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-7 ta’ Lulju 2022.
LKW WALTER Internationale Transportorganisation AG vs CB et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Notifika u komunikazzjoni tal-atti – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Artikolu 8(1) – Terminu ta’ ġimgħa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rifjut ta’ riċezzjoni tal-att – Digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħti fi Stat Membru u nnotifikat fi Stat Membru ieħor fil-lingwa tal-ewwel Stat Membru biss – Leġiżlazzjoni ta’ dan l-ewwel Stat Membru li tipprevedi terminu ta’ tmint ijiem sabiex titressaq oppożizzjoni kontra dan id-digriet – Terminu għal oppożizzjoni li jibda jiddekorri fl-istess żmien tat-terminu previst għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rifjut ta’ riċezzjoni tal-att – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv.
Kawża C-7/21.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:527
Kawża C‑7/21
LKW WALTER Internationale Transportorganisation AG
vs
CB et
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bezirksgericht Bleiburg)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas‑7 ta’ Lulju 2022
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Notifika u komunikazzjoni tal-atti – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Artikolu 8(1) – Terminu ta’ ġimgħa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rifjut ta’ riċezzjoni tal-att – Digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħti fi Stat Membru u nnotifikat fi Stat Membru ieħor fil-lingwa tal-ewwel Stat Membru biss – Leġiżlazzjoni ta’ dan l-ewwel Stat Membru li tipprevedi terminu ta’ tmint ijiem sabiex titressaq oppożizzjoni kontra dan id-digriet – Terminu għal oppożizzjoni li jibda jiddekorri fl-istess żmien tat-terminu previst għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rifjut ta’ riċezzjoni tal-att – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv”
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji – Regolament Nru 1393/2007 – Rifjut ta’ riċezzjoni tal-att – Dritt mogħti lid-destinatarju tal-att taħt ċerti kundizzjonijiet – Terminu ta’ rifjut ta’ ġimgħa – Terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra l-att fl-Istat Membru li jibgħat li jibda jiddekorri fl-istess żmien tat-terminu sabiex tiġi rrifjutata r-riċezzjoni tal-att – Inammissibbiltà
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1393/2007, premessi 2 u 10 u Artikolu 8(1))
(ara l-punti 36, 39, 41, 45 sa 49, u d-dispożittiv)
Sunt
Fl‑2019, qorti Slovena nnotifikat lil LKW WALTER Internationale Transportorganisation AG, kumpannija stabbilita fl-Awstrija, b’digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħti f’kontumaċja, abbażi ta’ dokumenti awtentiċi, u miktuba bil-lingwa Slovena. L-avukati Awstrijaċi li jirrappreżentaw din il-kumpannija sussegwentement ressqu oppożizzjoni kontra l-imsemmi digriet. Madankollu, dan ġie miċħud peress li t-terminu għal oppożizzjoni ta’ tmint ijiem, previst fid-dritt Sloven sa min-notifika jew mill-komunikazzjoni tad-digriet, ma kienx ġie osservat.
Minħabba l-oppożizzjoni miċħuda, il-kumpannija adixxiet lill-Bezirksgericht Bleiburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Bleiburg, l-Awstrija) b’azzjoni għad-danni kontra l-imsemmija avukati. Dawn tal-aħħar iwieġbu li t-terminu għal oppożizzjoni fid-dritt Sloven imur kontra, fost l-oħrajn, ir-Regolament Nru 1393/2007 fil-qasam tan-notifika u tal-komunikazzjoni tal-atti ( 1 ) kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). L-applikazzjoni korretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk ipprekludiet li l-oppożizzjoni tiġi miċħuda bħala tardiva.
Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, il-qorti adita tistaqsi, b’mod partikolari, dwar ir-relazzjoni bejn il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għal oppożizzjoni ta’ tmint ijiem previst fid-dritt Sloven u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007. Din id-dispożizzjoni tippermetti lid-destinatarju ta’ att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat li jirrifjuta, fi żmien ġimgħa, li jaċċetta dan l-att meta, bħal f’dan il-każ, dan ma jkunx miktub jew akkumpanjat bi traduzzjoni f’waħda mil-lingwi li d-destinatarju huwa mistenni li jifhem.
Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludi leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-awtorità li tkun ħarġet att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat, li bis-saħħa tagħha l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ ġimgħa, imsemmi fl-Artikolu 8(1), li fih id-destinatarju ta’ tali att jista’ jirrifjuta li jaċċetta li jirċevih għal waħda mir-raġunijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, jikkoinċidi mal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra l-imsemmi att f’dan l-Istat Membru.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt li tiġi rrifjutata r-riċezzjoni ta’ att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat, previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, jippermetti li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ dan l-att, b’osservanza tar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Għaldaqstant, għandu jiġi żgurat li d-destinatarju ta’ att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat, miktub b’lingwa differenti minn dik li huwa mistenni li jifhem, ikun effettivament f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt li jirrifjuta r-riċezzjoni ta’ dan l-att, li jaqa’ taħt id-dritt fundamentali tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
B’mod partikolari, l-effett utli tad-dritt li tiġi rrifjutata r-riċezzjoni ta’ att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat jirrikjedi, minn naħa, li d-destinatarju jkun ġie informat bl-eżistenza ta’ dan id-dritt. Għal dan l-għan, il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 għandha tintuża b’mod obbligatorju u sistematiku. Min-naħa l-oħra, id-destinatarju għandu jkollu t-terminu sħiħ ta’ ġimgħa, previst fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, sabiex jevalwa jekk għandux jaċċetta jew jirrifjuta r-riċezzjoni tal-att u, fil-każ ta’ rifjut, sabiex jirritorna dan tal-aħħar.
Għaldaqstant, meta l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat ma jkunx ġie miktub jew tradott f’waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ ġimgħa għall-eżerċizzju tad-dritt li tiġi rrifjutata r-riċezzjoni tal-att ma jistax, taħt piena li jippreġudika l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, jikkoinċidi mal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu sabiex jiġi eżerċitat dritt għal azzjoni legali konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li jibgħat. Dan it-terminu tal-aħħar għandu, bħala prinċipju, jibda jiddekorri wara l-iskadenza tal-ewwel terminu ta’ ġimgħa.
Li kieku kien mod ieħor, id-destinatarju tal-att jirriskja li jiġi inċentivat, sabiex ma jitqegħidx fi żvantaġġ proċedurali minħabba s-sitwazzjoni transkonfinali tiegħu, sabiex jagħżel l-għażla li tikkonsisti fir-rifjut tal-imsemmi att. Tali inċentiv imur kontra l-għan tar-Regolament Nru 1393/2007, li jikkonsisti, b’mod partikolari, fit-trażmissjoni rapida tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali għall-finijiet ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni, bla ħsara għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ dawn l-atti. Għalhekk, sabiex tkun żgurata l-effettività tar-Regolament Nru 1393/2007, il-possibbiltà li tiġi rrifjutata n-notifika jew il-komunikazzjoni tal-imsemmija atti għandha tkun limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali.
( 1 ) Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79, rettifika fil-ĠU 2015, L 68, p. 91).