Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0590

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tat-18 ta’ Ottubru 2023.
    Clariant AG u Clariant International AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-etilen – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Koordinazzjoni fuq element tal-prezz tax-xiri – Proċedura ta’ riżolviment – Multa – Aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa – Punt 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi – Reċidiva – Punt 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kontrotalba għal żieda tal-ammont tal-multa.
    Kawża T-590/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:650

    Kawża T‑590/20

    Clariant AG
    u
    Clariant International AG

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tat‑18 ta’ Ottubru 2023

    “Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-etilen – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Koordinazzjoni fuq element tal-prezz tax-xiri – Proċedura ta’ riżolviment – Multa – Aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa – Punt 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi – Reċidiva – Punt 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kontrotalba għal żieda tal-ammont tal-multa”

    1. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Aġġustament tal-ammont bażiku – Ċirkustanzi aggravanti – Reċidiva – Kunċett – Xebh tal-istanzi ta’ ksur – Rata ta’ żieda tal-ammont bażiku tal-multa – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Limitu – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Teħid inkunsiderazzjoni taż-żmien li għadda minn meta seħħ il-ksur preċedenti

      (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 28)

      (ara l-punti 37 sa 39, 48 sa 57, 61, 71 sa 74, 79 sa 84, 91, 92 u 95)

    2. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni li timponi multa billi tapplika koeffiċjenti multiplikatur minħabba reċidiva – Obbligu tal-Kummissjoni li timmotiva l-għażla ta’ rata ta’ żieda dovuta għal reċidiva – Assenza

      (Artikoli 101(1) u 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 28)

      (ara l-punti 100 sa 103)

    3. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Aġġustament tal-ammont bażiku – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija prevista mil-linji gwida – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Karatteristiċi tal-kawża u natura dissważiva tal-multa – Akkordju fil-qasam tax-xiri – Ħtieġa għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-aġir inkriminat fuq is-suq – Assenza

      (Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 13 u 37)

      (ara l-punti 117 sa 123, 125 sa 127, 141, 143, 150 u 151)

    4. Kompetizzjoni – Multi – Deċiżjoni li timponi multi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Possibbiltà li l-Kummissjoni ma tapplikax il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi – Rekwiżiti ta’ motivazzjoni bil-wisq iktar stretti

      (Artikoli 101 u 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 37)

      (ara l-punti 167 sa 172)

    5. Kompetizzjoni – Multi – Deċiżjoni li timponi multi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Indikazzjoni tal-elementi ta’ evalwazzjoni li wasslu lill-Kummissjoni tqis il-gravità u t-tul tal-ksur – Indikazzjoni suffiċjenti – Obbligu tal-Kummissjoni li tindika ċ-ċifri dwar il-mod ta’ kalkolu tal-multi – Assenza

      (Artikolu 101 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

      (ara l-punti 177 sa 179)

    6. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Gravità u tul tal-ksur – Rispett tal-prinċipji ta’ motivazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u ta’ ugwaljanza fit-trattament

      (Artikoli 101(1) u 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23(3) u 31)

      (ara l-punti 185 u 186)

    7. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Kontrotalba intiża għaż-żieda tal-ammont tal-multa – Inklużjoni

      (Artikoli 101(1) u 261 TFUE)

      (ara l-punti 221 u 222)

    8. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Proċedura ta’ riżolviment – Tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata – Kontrotalba tal-Kummissjoni intiża għaż-żieda tal-ammont tal-multa – Irtirar tal-benefiċċju mogħti lill-impriżi – Neċessità għall-partijiet fil-proċedura ta’ riżolviment li jaċċettaw l-ammont finali tal-multa u l-parametri kollha tagħha sabiex ikunu jistgħu jaslu għal riżolviment – Assenza

      (Artikolu 101 TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2008/C 167/01, punt 16)

      (ara l-punti 222 sa 230)

    Sunt

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Lulju 2020 ( 1 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li erba’ impriżi kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipaw, fil-perijodu mis‑26 ta’ Diċembru 2011 sad‑29 ta’ Marzu 2017, fi ksur uniku u kontinwu li kien jikkonsisti fl-iskambju ta’ informazzjoni tariffarja u kummerċjali sensittiva u fl-iffissar ta’ element tal-prezz marbut max-xiri ta’ etilen, fit-territorju Belġjan, Ġermaniż, Franċiż u tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    Fost l-erba’ impriżi ssanzjonati f’dan ir-rigward kien hemm Clariant International AG, li aċċettat mingħajr riżervi r-responsabbiltà tagħha għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur inkwistjoni għall-perijodu kkonċernat, u Clariant AG, li aċċettat mingħajr riżervi r-responsabbiltà tagħha “konġuntament u in solidum” inkwantu kumpannija omm ta’ Clariant International AG.

    Għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa imposta konġuntament u in solidum fuq dawn iż-żewġ impriżi, il-Kummissjoni, inizjalment, iddeterminat l-ammont bażiku billi għamlet riferiment għall-valur tax-xiri ta’ etilen miksub matul il-perijodu li jkopri l-aħħar sena kompleta ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, jiġifieri l-2016.

    Sussegwentement, il-Kummissjoni wettqet aġġustamenti tal-ammont bażiku. Minn naħa, hija żiedet b’50 % l-ammont bażiku tal-multa minħabba ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva, b’applikazzjoni tal-punt 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi ( 2 ). Min-naħa l-oħra, hija applikat żieda ta’ 10 % tal-ammont bażiku sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-każ u tan-neċessità li jintlaħaq ammont suffiċjentement dissważiv tal-multa, konformement mal-punt 37 tal-istess linji gwida.

    Ulterjorment u fl-aħħar nett, wara li żgurat ruħha li l-multa ma kinitx teċċedi 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali taż-żewġ impriżi fl-2019, il-Kummissjoni tathom tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont tal-multa għall-kooperazzjoni tagħhom bis-saħħa tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal‑2006 ( 3 ), kif ukoll tnaqqis ta’ 10 % għall-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżolviment.

    Clariant AG u Clariant International AG ippreżentaw rikors intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta u, sussidjarjament, għat-tnaqqis ta’ dan l-ammont. Barra minn hekk, huma talbu li tiġi miċħuda l-kontrotalba tal-Kummissjoni li l-ammont tal-multa jiġi miżjud billi jitneħħa l-benefiċċju ta’ 10 % mogħti għall-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżolviment.

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu, kif ukoll il-kontrotalba tal-Kummissjoni. Fis-sentenza tagħha, hija ttrattat b’mod partikolari l-kwistjoni tal-fondatezza u tal-motivazzjoni tal-applikazzjoni ta’ żieda tal-ammont bażiku tal-multa taħt il-punt 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi minħabba li l-ftehim kien akkordju fil-qasam tax-xiri. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija tat deċiżjoni dwar il-kontrotalba tal-Kummissjoni intiża għall-irtirar tal-benefiċċju ta’ 10 % mogħti lir-rikorrenti għall-kooperazzjoni tagħhom waqt il-proċedura ta’ riżolviment minħabba li, permezz ta’ dan ir-rikors, dawn kienu qegħdin idaħħlu inkwistjoni l-elementi rrikonoxxuti u aċċettati għall-finijiet tar-riżolviment tat-tilwima.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni żiedet b’mod żbaljat l-ammont bażiku tal-multa bis-saħħa tal-punt 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi billi bbażat ruħha fuq in-neċessità li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-karatteristiċi tal-kawża kif ukoll ir-rekwiżit li jintlaħaq livell dissważiv.

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali osservat, qabel kollox, li sa fejn il-ksur kien jirrigwarda akkordju fil-qasam tax-xiri u l-parteċipanti ma kinux kollha preżenti fl-istess swieq downstream, il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa mill-valur tax-xiri pjuttost milli mill-valur tal-bejgħ tal-prodotti mibjugħa fis-swieq downstream.

    Sussegwentement, hija kkonstatat li, billi applikat żieda ta’ dan l-ammont bażiku ta’ 10 % skont il-punt 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni eżerċitat debitament is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha u ma wettqitx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-kawża, jiġifieri l-fatt li l-ftehim inkwistjoni kien akkordju fil-qasam tax-xiri u l-valur tax-xiri, meħud inkunsiderazzjoni minflok il-valur tal-bejgħ, ma kienx fih innifsu tali li jikkostitwixxi valur ta’ sostituzzjoni adegwat biex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur. Hija ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jintlaħaq ammont dissważiv tal-multa billi kkonstatat li, kieku l-metodu ġenerali previst mil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi kellu jiġi applikat mingħajr l-iċken aġġustament, allura l-effett dissważiv ma kienx jiġi żgurat. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kellhiex obbligu tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-aġir inkriminat fis-suq ladarba ż-żieda tal-multa taħt il-punt 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi ma hijiex suġġetta għat-turija minn qabel ta’ tali effetti.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet motivat ir-raġunijiet li wassluha tqis li l-karatteristiċi tal-kawża u n-neċessità li jintlaħaq ammont dissważiv tal-multa kienu jiġġustifikaw li ma tapplikax il-metodu ġenerali u li żżid dan l-ammont bażiku u li hija kienet spjegat debitament l-elementi li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina li żieda ta’ 10 % tal-ammont bażiku tal-multa kienet xierqa. F’dan ir-rigward, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex obbligu tindika ċ-ċifri kollha relattivi għal kull wieħed mill-istadji tal-metodu ta’ kalkolu, hija ma kellhiex l-obbligu tipprovdi spjegazzjoni supplimentari dwar ir-rata ta’ żieda speċifika magħżula.

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kontrotalba tal-Kummissjoni. Hija kkonstatat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżolviment, b’korrispettiv għal tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa li ġie impost fuqhom fi tmiem proċedura ordinarja, il-partijiet fil-proċedura ta’ riżolviment għandhom jirrikonoxxu, b’mod partikolari, ir-responsabbiltà tagħhom fil-ksur u indikazzjoni tal-ammont massimu tal-multi li huma jistennew li jkun ser jiġi impost fuqhom mill-Kummissjoni u li huma jaċċettaw. Madankollu, il-Qorti Ġenerali osservat li l-partijiet fil-proċedura ta’ riżolviment ma għandhomx obbligu, bis-saħħa tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim ( 4 ), jaċċettaw l-ammont finali tal-multa u l-parametri kollha tagħha sabiex ikunu jistgħu jaslu għal riżolviment.

    Għalhekk, il-fatt li Clariant AG u Clariant International AG aċċettaw ammont massimu tal-multa fil-proposta tagħhom ta’ riżolviment ma setax jiġi ekwiparat ma’ turija li jkunu aċċettaw l-ammont eżatt finali tagħha u l-modalitajiet tal-kalkolu tagħha, flimkien mal-aġġustamenti mwettqa bis-saħħa tal-punti 28 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. Barra minn hekk, iż-żidiet tal-multa applikati bis-saħħa tal-imsemmija punti 28 u 37 tal-Linji Gwida ma kinux ġew espressament ammessi minn dawn l-impriżi fil-proposta tagħhom ta’ riżolviment u ma kinux suġġetti għal evalwazzjoni komuni mal-Kummissjoni waqt il-proċedura. Konsegwentement il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-premessa li r-rikorrenti ma kinux ser idaħħlu iżjed inkwistjoni ż-żidiet tal-multa bis-saħħa tal-punti 28 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi fil-kuntest ta’ rikors.

    Għaldaqstant, sa fejn, permezz tar-rikors tagħhom, dawn l-impriżi kkontestaw l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom billi sostnew li l-applikazzjoni tal-imsemmija punti kienet żbaljata, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li kien iġġustifikat li tneħħi l-benefiċċju ta’ 10 % mogħti minħabba l-kooperazzjoni tagħhom għall-finijiet tar-riżolviment tat-tilwima.

    Fid-dawl ta’ dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu kif ukoll il-kontrotalba tal-Kummissjoni.


    ( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4817 final tal‑14 ta’ Lulju 2020 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE (AT.40410 - Etilen).

    ( 2 ) Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).

    ( 3 ) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2016, C 144, p. 23).

    ( 4 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1).

    Top