This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020TJ0529
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tas-7 ta’ Settembru 2022.
LR vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment.
Servizz pubbliku – Uffiċjali tal-BEI – Remunerazzjoni – Allowance tar-reinstallazzjoni – Stabbiliment tar-residenza tal-membru tal-persunal fid-dar tiegħu stess wara l-waqfien mis-servizz – It-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI – Kunċett ta’ dar – Interpretazzjoni letterali abbażi ta’ verżjoni lingwistika predominanti – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kawża ta’ natura pekunjarja – Ammissibbiltà.
Kawża T-529/20.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tas-7 ta’ Settembru 2022.
LR vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment.
Servizz pubbliku – Uffiċjali tal-BEI – Remunerazzjoni – Allowance tar-reinstallazzjoni – Stabbiliment tar-residenza tal-membru tal-persunal fid-dar tiegħu stess wara l-waqfien mis-servizz – It-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI – Kunċett ta’ dar – Interpretazzjoni letterali abbażi ta’ verżjoni lingwistika predominanti – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kawża ta’ natura pekunjarja – Ammissibbiltà.
Kawża T-529/20.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:523
Kawża T‑529/20
LR
vs
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tas‑7 ta’ Settembru 2022
“Servizz pubbliku – Uffiċjali tal-BEI – Remunerazzjoni – Allowance tar-reinstallazzjoni – Stabbiliment tar-residenza tal-membru tal-persunal fid-dar tiegħu stess wara l-waqfien mis-servizz – It-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI – Kunċett ta’ dar – Interpretazzjoni letterali abbażi ta’ verżjoni lingwistika predominanti – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kawża ta’ natura pekunjarja – Ammissibbiltà”
Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Interpretazzjoni uniformi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti – Natura predominanti tal-verżjoni lingwistika oriġinali skont l-intenzjoni tal-awtur tal-att fil-mument tal-adozzjoni tiegħu
(ara l-punti 27 sa 29)
Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Remunerazzjoni – Allowance tar-reinstallazzjoni – Suġġett – Kundizzjonijiet għall-għoti – Bidla fir-residenza ta’ membru tal-persunal wara t-tmiem tas-servizz, bil-kundizzjoni li ma jistabbilixxix ir-residenza tiegħu fid-dar tiegħu stess – Portata – Trasferiment għall-post ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu – Esklużjoni mill-benefiċċju tal-kumpens – Trasferiment għal post li tappartjeni lill-membru tal-persunal – Ftuħ tal-benefiċċju tal-kumpens
(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 16)
(ara l-punti 31, 35, 37 sa 41, 45, 46, 50 sa 62)
Bank Ewropew tal-Investiment – Awtonomija – Persunal tal-Bank – Implimentazzjoni ta’ sistema kuntrattwali ta’ xogħol – Konsegwenzi – Esklużjoni tal-applikazzjoni b’analoġija tar-Regolamenti tal-Persunal – Kundizzjoni – Preġudizzju għall-awtonomija funzjonali tal-Bank
(Artikolu 308 u 336 TFUE)
(ara l-punti 42, 43, 47, 48)
Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kawża ta’ natura pekunjarja – Kunċett – Azzjoni intiża sabiex jinkiseb il-ħlas retroattiv tal-allowance tar-reinstallazzjoni – Inklużjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))
(ara l-punti 72 sa 76)
Sunt
LR, ex membru tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), talab mingħand dan tal-aħħar il-ħlas ta’ allowance tar-reinstallazzjoni minħabba li, wara li rtira, huwa kien ittrasferixxa ruħu barra mill-post ta’ impjieg tiegħu.
Il-BEI ċaħad din it-talba minħabba li LR kien il-proprjetarju tad-dar li fiha kien installa ruħu mill-ġdid u li, minħabba f’hekk, huwa ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowance tar-reinstallazzjoni wara l-waqfien mis-servizz previst mill-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI (iktar ’il quddiem id- “dispożizzjonijiet amministrattivi”). Peress li t-talba ta’ LR għall-eżami mill-ġdid ta’ dan ir-rifjut ġiet ukoll miċħuda, huwa ppreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni li tirrifjutalu l-benefiċċju ta’ allowance tar-reinstallazzjoni, u min-naħa l-oħra, sabiex il-BEI jiġi kkundannat iħallas din l-allowance.
Dan ir-rikors intlaqa’ mill-Qorti Ġenerali li, bħala Awla Estiża, tippreċiża l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowance tar-reinstallazzjoni wara l-waqfien mis-servizz skont l-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tipprovdi, barra minn hekk, preċiżazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ din ir-regola ta’ natura ġenerali adottata mill-BEI f’każ ta’ diverġenza lingwistika.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Il-Qorti Ġenerali tibda’ billi tikkonstata li, għalkemm l-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi jipprevedi l-ħlas ta’ allowance tar-reinstallazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa favur membru tal-persunal tal-BEI li biddel il-post ta’ residenza tiegħu, wara l-waqfien mis-servizz, sabiex dan jiġi stabbilit f’distanza ta’ mill-inqas ħamsin kilometru mill-aħħar post ta’ impjieg tiegħu, il-benefiċċju ta’ din l-allowance huwa madankollu suġġett għall-kundizzjoni li l-membru tal-persunal ikkonċernat ma jkunx stabbilixxa r-residenza tiegħu fid-dar tiegħu stess.
Fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali tirrileva l-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċetti ta’ “residenza” u ta’ “dar” fid-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-possibbiltà li tingħata interpretazzjoni differenti, minn naħa, tal-espressjoni “propre foyer” użata fil-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, u, min-naħa l-oħra, tal-espressjoni “own home” użata fil-verżjoni Ingliża tiegħu.
Wara li fakkret il-ġurisprudenza stabbilita li, f’każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 1 ), il-Qorti Ġenerali tidderoga minn din il-ġurisprudenza, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, sa fejn, minn naħa, l-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi jirriżulta minn proposta redatta u adottata bil-Franċiż, u, min-naħa l-oħra, il-BEI għażel li jindika espressament, fl-aħħar paragrafu tal-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, li l-verżjoni Ingliża u Ġermaniża tal-imsemmija dispożizzjonijiet kienu “traduzzjoni tal-verżjoni oriġinali Franċiża”.
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, sabiex tiddetermina b’mod oġġettiv l-intenzjoni tal-awtur tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-mument tal-adozzjoni tagħha, li tinterpreta l-kliem tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-verżjoni lingwistika predominanti, f’dan il-każ, il-lingwa Franċiża.
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li, bil-lingwa Franċiża, il-kunċett ta’ “dar” ifisser il-post fejn isir in-nar u, b’estensjoni, il-post fejn tirrisjedi l-familja ta’ persuna, filwaqt li l-kelma “residenza” tindika l-post fejn persuna hija stabbilita. Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi jirriżulta li l-ħlas ta’ allowance tar-reinstallazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa huwa eskluż meta r-residenza l-ġdida tal-ex membru tal-persunal tkun tikkoinċidi mal-post li fih jirrisjedi l-familja tiegħu. Peress li r-residenza miżmuma minn persuna la tikkorrispondi neċessarjament u lanqas sistematikament mal-post ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ din il-persuna, minn interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-ħlas tal-allowance tar-reinstallazzjoni huwa eskluż biss meta l-membru tal-persunal ikkonċernat jittrasferixxi r-residenza abitwali tiegħu fil-post fejn jirrisjedu l-membri tal-familja tiegħu, u mhux meta l-post li jittrasferixxi ruħu fih il-membru tal-persunal ikun proprjetà tiegħu.
Din l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi hija kkorroborata mill-interpretazzjoni kuntestwali tiegħu. Fil-fatt, l-artikoli l-oħra tad-dispożizzjonijiet amministrattivi jużaw il-kelma “dar” sabiex jindikaw il-post fejn jirrisjedu abitwalment il-membri tal-familja tal-membru tal-persunal, u mhux il-post li l-membru tal-persunal huwa proprjetarju tiegħu.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-Artikolu 5(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jinkludi wkoll klawżola ta’ esklużjoni tad-dritt għall-allowance tal-installazzjoni meta, skont il-ġurisprudenza ( 2 ), l-uffiċjal ikun impjegat fil-post fejn tirrisjedi l-familja tiegħu. Issa, filwaqt li tikkonferma li l-BEI għandu awtonomija funzjonali għad-determinazzjoni tas-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal tiegħu, il-Qorti Ġenerali tqis li din l-istituzzjoni ma stabbilixxietx kif l-awtonomija funzjonali tagħha ġiet ikkontestata bl-applikazzjoni b’analoġija ta’ din il-ġurisprudenza għall-klawżola ta’ esklużjoni tad-dritt għall-allowance tar-reinstallazzjoni previst fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tikkonferma din l-interpretazzjoni letterali u kuntestwali tal-imsemmi artikolu.
L-għan tal-allowance tar-reinstallazzjoni huwa li jkopri u li jnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mir-reinstallazzjoni tal-ex uffiċjal jew membru tal-persunal f’ambjent ġdid għal perijodu indeterminat, iżda pjuttost twil, minħabba l-bidla fir-residenza prinċipali tiegħu wara l-waqfien definittiv mis-servizz tiegħu.
Ċertament, il-fatt li l-membru tal-persunal, fl-okkażjoni tal-waqfien mis-servizz, jerġa’ jinstalla ruħu f’post li huwa proprjetarju tiegħu jew koproprjetarju jista’ jnaqqas ċerti spejjeż marbuta mar-reinstallazzjoni tiegħu. Madankollu, minn tali fatt ma tistax tiġi dedotta preżunzjoni ġenerali li l-integrazzjoni tal-membru tal-persunal ikkonċernat f’ambjent differenti minn dak tal-aħħar post ta’ impjieg tiegħu ma tesponih għal ebda spiża.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li, billi rrifjuta lil LR il-benefiċċju tal-allowance tar-reinstallazzjoni minħabba li kien il-proprjetarju tal-post li fih huwa installa ruħu mill-ġdid, il-BEI kiser l-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tannulla din id-deċiżjoni tal-BEI.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tapplika b’analoġija l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li, fil-kawżi ta’ natura pekunjarja mressqa mill-membri tal-persunal kontra istituzzjoni, jagħti lill-qorti tal-Unjoni l-ġurisdizzjoni sħiħa ( 3 ), u billi tilqa’ t-talbiet f’dan is-sens ta’ LR, tikkundanna lill-BEI għall-ħlas tal-allowance tar-reinstallazzjoni, flimkien mal-interessi moratorji.
( 1 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios (C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 2 ) Sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2015, FH vs Il-Parlament (F‑26/15, EU:F:2015:137, punt 35).
( 3 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2001, BEI vs Hautem (C‑449/99 P, EU:C:2001:502, punt 95).