Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0525

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tat-13 ta’ Settembru 2023 (Estratti).
    ITD, Brancheorganisation for den danske vejgodstransport u Danske Fragtmænd A/S vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Għajnuna mill-Istat – Settur postali u trasport tal-merkanzija bit-triq – Ilment ta’ kompetitur – Kontribuzzjoni ta’ kapital mogħtija minn impriża pubblika lis-sussidjarja tagħha – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari – Kumpannija omm tal-grupp ikkontrollata b’mod konġunt minn żewġ Stati Membri – Approvazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital mill-kumpannija omm tal-grupp – Imputabbiltà lill-Istat.
    Kawża T-525/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:542

    Kawża T‑525/20

    ITD, Brancheorganisation for den danske vejgodstransport
    u
    Danske Fragtmænd A/S

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tat‑13 ta’ Settembru 2023

    “Għajnuna mill-Istat – Settur postali u trasport tal-merkanzija bit-triq – Ilment ta’ kompetitur – Kontribuzzjoni ta’ kapital mogħtija minn impriża pubblika lis-sussidjarja tagħha – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari – Kumpannija omm tal-grupp ikkontrollata b’mod konġunt minn żewġ Stati Membri – Approvazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital mill-kumpannija omm tal-grupp – Imputabbiltà lill-Istat”

    1. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Fażi preliminari u fażi kontradittorja – Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja fil-każ ta’ diffikultajiet serji – Diffikultajiet serji – Kunċett – Natura oġġettiva – Oneru tal-prova – Ċirkustanzi li jippermettu li tintwera l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet – Natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni

      (Artikolu 108(2) u (3) TFUE; Regolament tal-Kunsill 2015/1589, Artikolu 4)

      (ara l-punti 19 sa 23, 70, 96, 106 u 107)

    2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għajnuna mogħtija minn impriża pubblika – Impriża kkontrollata mill-Istat – Imputabbiltà awtomatika lill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna – Esklużjoni

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punti 44 u 45)

    3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għajnuna mogħtija minn impriża pubblika – Impriża kkontrollata mill-Istat – Imputabbiltà lill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna – Sensiela ta’ indizji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Kontribuzzjoni ta’ kapital mogħtija minn impriża pubblika lis-sussidjarja tagħha – Ħatra mill-awtoritajiet pubbliċi tal-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi tal-impriża pubblika – Indizju ta’ imputabbiltà li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punti 46 sa 69)

    4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għajnuna mogħtija minn impriża pubblika – Impriża kkontrollata mill-Istat – Imputabbiltà lill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna – Sensiela ta’ indizji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Kontribuzzjoni ta’ kapital mogħtija minn impriża pubblika lis-sussidjarja tagħha – Eżistenza ta’ djalogu bejn l-impriża pubblika u l-awtoritajiet pubbliċi li tista’ tikkonċerna din il-miżura

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punti 73 sa 76 u 81 sa 85)

    5. Proċedura ġudizzjarja – Produzzjoni tal-provi – Terminu – Produzzjoni tardiva tal-provi u tal-offerti ta’ prova – Kundizzjonijiet – Elementi ta’ prova prodotti fil-mori tal-kawża b’risposta għall-argumenti mressqa minn intervenjenti – Ammissibbiltà

      (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 85(1))

      (ara l-punti 77 sa 80)

    6. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għajnuna mogħtija minn impriża pubblika – Impriża kkontrollata mill-Istat – Imputabbiltà lill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna – Sensiela ta’ indizji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Kontribuzzjoni ta’ kapital mogħtija minn impriża pubblika lis-sussidjarja tagħha – Impriża pubblika li tfittex li tilħaq għanijiet ta’ interess ġenerali – Indizju ta’ imputabbiltà li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punti 87 sa 96)

    7. Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Estensjoni ta’ motiv invokat preċedentement – Ammissibbiltà

      (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 84(1))

      (ara l-punti 98 sa 101)

    8. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għajnuna mogħtija minn impriża pubblika – Impriża kkontrollata mill-Istat – Imputabbiltà lill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna – Sensiela ta’ indizji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Kontribuzzjoni ta’ kapital mogħtija minn impriża pubblika lis-sussidjarja tagħha – Ammont sinjifikattiv tal-kontribuzzjoni ta’ kapital – Indizju ta’ imputabbiltà li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punti 102 sa 106)

    9. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Fażi preliminari u fażi kontradittorja – Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja fil-każ ta’ diffikultajiet serji – Ċirkustanzi li jippermettu li tintwera l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet – Obbligu tal-Kummissjoni li, fuq inizjattiva tagħha u fin-nuqqas ta’ kull indizju f’dan is-sens, tagħmel riċerka fuq informazzjoni possibbilment rilevanti li ma tkunx inġiebet għall-attenzjoni tagħha – Assenza

      (Artikolu 108(2) u (3) TFUE; Regolament tal-Kunsill 2015/1589, Artikolu 4(3) u (4))

      (ara l-punti 115 sa 126)

    10. Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Portata – Annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni – Kundizzjoni – Natura separabbli tal-elementi annullabbli tal-att ikkontestat

      (Artikolu 264 TFUE)

      (ara l-punti 128 sa 131)

    Sunt

    PostNord Logistics A/S hija impriża ta’ trasport bit-triq ta’ merkanzija fid-Danimarka li PostNord Group AB għandha 100 % tal-ishma tagħha. Din tal-aħħar, min-naħa tagħha, hija sussidjarja ta’ PostNord AB li għandha 100 % tal-ishma tagħha u li 40 % tal-kapital azzjonarju tagħha huwa proprjetà tar-Renju tad-Danimarka, filwaqt li 60 % tiegħu huwa proprjetà tar-Renju tal-Isvezja.

    Fl-aħħar tal‑2018, PostNord Group iddeċidiet li żżid il-kapital fir-rigward ta’ PostNord Logistics b’ammont ta’ 115‑il miljun krona Daniża (madwar EUR 15.4 miljuni), li l-ewwel parti minnu tħallset fl‑20 ta’ Diċembru 2018 (iktar ’il quddiem iż-“żieda fil-kapital”). Fid-dawl tal-ammont inkwistjoni, PostNord Group issuġġettat din iż-żieda fil-kapital għall-approvazzjoni minn qabel tal-bord tad-diretturi ta’ PostNord.

    Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li ITD ( 1 ), assoċjazzjoni professjonali li tiġbor flimkien kumpanniji ta’ trasport u ta’ loġistika Daniżi, ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea, billi allegat, b’mod partikolari, li ż-żieda fil-kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li kienet illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

    Billi qieset, b’mod partikolari, li, fin-nuqqas ta’ imputabbiltà lill-Istat Daniż u dak Svediż, iż-żieda fil-kapital ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ċaħdet dan l-ilment mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE ( 2 ).

    Adita b’rikors għal annullament ippreżentat minn ITD u minn kumpannija kompetitriċi ta’ PostNord Logistics, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, minħabba li din tal-aħħar wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja d-diffikultajiet serji mqajma mill-evalwazzjoni taż-żieda fil-kapital fid-dawl tal-Artikolu 107 TFUE.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

    It-tressiq ta’ lment li jinforma lill-Kummissjoni dwar għajnuna allegatament illegali għandu l-effett li jniedi l-ftuħ tal-fażi ta’ eżami preliminari prevista mill-Artikolu 108(3) TFUE. Jekk il-Kummissjoni tikkonstata, fi tmiem dan l-eżami preliminari, li l-miżura inkwistjoni, sa fejn taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija tieħu deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet. Mill-banda l-oħra, fil-preżenza ta’ diffikultajiet serji li jqumu matul l-eżami tan-natura ta’ għajnuna tal-miżura inkwistjoni jew tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, ikun meħtieġ li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ tali diffikultajiet.

    Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, ir-rikorrenti sostnew, essenzjalment, li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li ż-żieda fil-kapital ma kinitx imputabbli lill-Istat Daniż u dak Svediż kienet kontradetta miċ-ċirkustanzi tal-każ, punt li jixhed l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jeħtieġu l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, għalkemm kien minnu li l-imputabbiltà taż-żieda fil-kapital lill-Istat Daniż u dak Svediż ma setgħetx tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li PostNord Group, li kienet obbligata tapprova l-imsemmija żieda fil-kapital, hija impriża pubblika, kien għadu neċessarju għall-Kummissjoni li teżamina jekk l-awtoritajiet pubbliċi kellhomx jitqiesu li kienu involuti, b’mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ din il-miżura.

    Issa, filwaqt li kkonstatat li l-Kummissjoni eżaminat l-involviment tal-awtoritajiet Daniżi u dawk Svediżi fiż-żieda fil-kapital fid-dawl ta’ tnax‑il fattur differenti, il-Qorti Ġenerali qieset li dan l-eżami u l-konklużjoni ta’ assenza ta’ involviment li waslet għaliha l-Kummissjoni kienu jixhdu diffikultajiet serji, ta’ natura li kienu jobbligawha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

    Dwar dan il-punt, il-Qorti Ġenerali qieset, fl-ewwel lok, li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti, fis-sens li l-bord tad-diretturi ta’ PostNord kien kompost minn ħdax-il membru li tmienja minnhom kienu membri li l-ħatra tagħhom kienet taqa’ f’idejn il-ministri tal-Istat Daniż u dak Svediż, li tnejn minnhom kienu wkoll uffiċjali għolja, kienu intiżi li jistabbilixxu li, fil-mument taż-żieda fil-kapital, PostNord kienet tgawdi minn marġni ta’ indipendenza limitata fir-rigward ta’ dawn l-Istati Membri. Il-fatt li dawn l-elementi organiċi, li setgħu jikkostitwixxu indizju mhux negliġibbli tal-imputabbiltà lill-Istat Daniż u dak Svediż taż-żieda fil-kapital, ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni kif xieraq, kien juri n-natura inkompleta u insuffiċjenti tal-eżami tagħha u kien jikkostitwixxi għalhekk l-ewwel indikazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

    Peress li r-rabtiet organiċi bejn impriża pubblika u l-Istat li jkollu l-ishma tagħha ma humiex biżżejjed, bħala prinċipju, sabiex jistabbilixxu l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura meħuda minn din l-impriża, il-Qorti Ġenerali, fit-tieni lok, iffokat fuq sinjali oħra ta’ involviment tal-awtoritajiet pubbliċi Daniżi u dawk Svediżi li l-Kummissjoni seta’ kellha, liema sinjali oħra kkonfermaw in-natura inkompleta u insuffiċjenti tal-eżami tagħha.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat qabelxejn li l-Kummissjoni naqset milli teżamina jekk l-eżistenza ta’ djalogu dwar ir-ristrutturazzjoni tal-attività ta’ PostNord fid-Danimarka, li kienet seħħet bejn din tal-aħħar u l-Istat Daniż u dak Svediż, setgħetx tikkonċerna l-attività ta’ PostNord Logistics, minkejja li dan l-element kien tressaq minn ITD fl-ilment tagħha, bħala indizju tar-rwol ta’ superviżjoni u ta’ kontroll eżerċitat mill-imsemmija Stati fuq iż-żieda fil-kapital, approvata minn PostNord.

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li PostNord, li tipprovdi, prinċipalment, servizzi postali fuq livell nazzjonali fid-Danimarka u fl-Isvezja u li s-sussidjarji tagħha huma, barra minn hekk, fdati bis-servizz postali universali f’dawn l-Istati Membri, tfittex li tilħaq għanijiet ta’ interess ġenerali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-imsemmija Stati. Issa, minkejja li din iċ-ċirkustanza kellha t-tendenza li tistabbilixxi, skont il-ġurisprudenza, li l-awtoritajiet pubbliċi Daniżi u Svediżi kienu taw attenzjoni speċjali għad-deċiżjonijiet meħuda minn PostNord, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni dan l-element fl-analiżi tagħha tal-imputabbiltà lill-imsemmija Stati Membri taż-żieda fil-kapital, kif approvata minn PostNord.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, fis-sens li l-ammont taż-żieda fil-kapital f’valur assolut ma kienx ta’ natura li jqajjem suspetti dwar l-involviment tal-Istat Daniż u dak Svediż fl-adozzjoni ta’ din il-miżura, kienet turi għal darba oħra n-natura inkompleta u insuffiċjenti tal-eżami tagħha, iktar u iktar ġaladarba dan l-ammont, ta’ madwar EUR 15.4 miljun, kien jaqbeż il-limitu li lil hinn minnu l-kontribuzzjonijiet interni ta’ kapital fil-grupp kellhom jiksbu l-approvazzjoni ta’ PostNord, li l-bord tad-diretturi tagħha kellu rabtiet mill-qrib ma’ dawn l-Istati.

    Għaldaqstant, peress li r-rikorrenti pproduċew il-prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li l-Kummissjoni ma rnexxiliex tegħleb waqt l-eżami tagħha taż-żieda fil-kapital fid-dawl tal-Artikolu 107 TFUE, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors tagħhom sa fejn kien dirett kontra dik il-parti mid-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni, mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, ikkonkludiet li din iż-żieda fil-kapital ma kinitx imputabbli lill-Istat Daniż u dak Svediż u, konsegwentement, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.


    ( 1 ) ITD, Brancheorganisation for den danske vejgodstransport A/S (iktar ’il quddiem “ITD”).

    ( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2020) 3006 final tat‑12 ta’ Mejju 2020 dwar għajnuna mill-Istat SA.52489 (2018/FC) - Id-Danimarka u SA.52658 - L-Isvezja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Top