EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0480

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tal-1 ta’ Marzu 2023 (Estratti).
Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Sussidji – Importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 – Dazju kumpensatorju definittiv – Kalkolu tal-ammont tas-sussidju – Imputabbiltà tas-sussidju – Drittijiet tad-difiża – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Sistemi ta’ rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni – Trattament fiskali tat-telf tal-kambju – Kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz.
Kawża T-480/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:90

Kawża T480/20

(pubblikazzjoni b’estratti)

Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE
u
Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tal-1 ta’ Marzu 2023

“Sussidji – Importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 – Dazju kumpensatorju definittiv – Kalkolu tal-ammont tas-sussidju – Imputabbiltà tas-sussidju – Drittijiet tad-difiża – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Sistemi ta’ rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni – Trattament fiskali tat-telf tal-kambju – Kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz”

1.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidju minn Stati terzi – Sussidju – Kunċett – Vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju – Kalkolu tal-vantaġġ – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Metodu ta’ kalkolu li għandu jippermetti li jiġi rifless il-vantaġġ effettivament mogħti lil kull benefiċjarju – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Oneru tal-prova

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1037, Artikolu 7(1) u (2))

(ara l-punti 33, 36 sa 58)

2.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidju minn Stati terzi – Sussidju – Kunċett – Kontribuzzjoni finanzjarja mill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni – Kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiż terz – Imputabbiltà tal-imsemmija kontribuzzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1037, punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3)

(ara l-punti 79 sa 95)

3.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidju minn Stati terzi – Sussidju – Kunċett – Interpretazzjoni fid-dawl tal-ftehim dwar is-sussidji u l-miżuri kumpensatorji tal-1994

(Ftehim dwar is-sussidji u l-miżuri kumpensatorji tal-1994, Artikolu 1; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1037, Artikolu 3)

(ara l-punti 96 sa 102)

4.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidju minn Stati terzi – Sussidju – Kunċett – Speċifiċità tas-sussidju – Sussidju limitat għal ċerti impriżi li jinsabu ġewwa reġjun ġeografiku speċifiku li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtorità li tagħti s-sussidju

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1037, Artikolu 4(2) u (3))

(ara l-punti 106, 107)

5.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidju minn Stati terzi – Żvolġiment tal-investigazzjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura li l-partijiet ikkonċernati jiġu informati – Portata – Drittijiet tad-difiża – Ksur – Kundizzjonijiet – Possibbiltà għall-impriża kkonċernata li tiżgura aħjar id-difiża tagħha fl-assenza ta’ irregolarità proċedurali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1037, Artikolu 30(1) u (2))

(ara l-punti 114 sa 125)

6.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidju minn Stati terzi – Sussidju – Kunċett – Vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju – Kalkolu tal-vantaġġ – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1037, Artikolu 6)

(ara l-punti 134 sa 139, 143 sa 147, 152 sa 156)

7.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidju minn Stati terzi – Sussidju – Kunċett – Kontribuzzjoni finanzjarja mill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni – Dħul pubbliku dovut abbandunat jew mhux miġbur – Evalwazzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1037, punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3)

(ara l-punti 162 sa 170)

Sunt

Sussidju mogħti miċ-Ċina jista’ jiġi attribwit lill-Eġittu bħala pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni ta’ prodott milqut minn miżuri kumpensatorji

Jistgħu jiġu imposti dazji kumpensatorji fuq impriżi stabbiliti fl-Eġittu fiż-żona ta’ kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali Sino-Eġizzjana ta’ Suez iżda ssussidjati miċ-Ċina

Wara lment ippreżentat fl-1 ta’ April 2019, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/776 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu materjal tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta (iktar ’il quddiem l-“MFĦ”) li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Eġittu (1).

Wara t-tieni lment ippreżentat fl-24 ta’ April 2019, il-Kummissjoni, barra minn hekk, adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/870 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ (iktar ’il quddiem “FFĦ”) li joriġinaw mill-Eġittu, u li jiġbor id-dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati tal-imsemmija FFĦ (2). Il-FFĦ jikkostitwixxu l-materja prima ewlenija użata għall-produzzjoni tal-MFĦ.

Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE (iktar ’il quddiem “Hengshi”) u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE (iktar ’il quddiem “Jushi”), żewġ kumpanniji kkostitwiti skont il-leġiżlazzjoni Eġizzjana li l-azzjonisti tagħhom huma entitajiet Ċiniżi, jipproduċu u jesportaw MFĦ lejn l-Unjoni Ewropea. Jushi tipproduċi u tesporta, barra minn hekk, FFĦ lejn l-Unjoni. Dawn iż-żewġ kumpanniji huma stabbiliti fl-Eġittu fiż-żona ta’ kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali Sino-Eġizzjana (iktar ’il quddiem iż-“żona CECS”), li nħolqot b’mod konġunt mill-Eġittu u miċ-Ċina skont l-istrateġiji nazzjonali rispettivi tagħhom, jiġifieri l-pjan ta’ żvilupp tal-kuritur tal-kanal ta’ Suez għall-Eġittu u l-inizjattiva “Belt and Road” għaċ-Ċina. Din l-aħħar inizjattiva tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi jagħtu ċerti vantaġġi, b’mod partikolari għajnuna finanzjarja, lill-impriżi Ċiniżi stabbiliti fiż-żona CECS.

Peress li qiesu ruħhom leżi mid-dazji kumpensatorji stabbiliti mill-Kummissjoni, Hengshi u Jushi ppreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/776. Barra minn hekk, f’rikors separat, Jushi talbet l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/870.

Billi tiċħad dawn ir-rikorsi, il-Qorti Ġenerali tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ timputa lill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni ta’ prodott sussidji mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiż ieħor sabiex timponi, skont ir-Regolament Antisussidji Bażiku (3), dazju kumpensatorju fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw, fost l-oħrajn, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Antisussidji Bażiku, li jipprovdi li sussidju jitqies li jeżisti jekk ikun hemm kontribut finanzjarju mill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jikkontestaw, b’mod iktar partikolari, l-argument segwit mill-Kummissjoni fir-regolamenti ta’ implimentazzjoni, li jikkonsistu fl-imputazzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija minn korpi pubbliċi Ċiniżi lil impriżi stabbiliti fiż-żona CECS.

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “awtoritajiet pubbliċi” tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Antisussidji Bażiku.

Fir-rigward ta’ dan il-kunċett ta’ “awtoritajiet pubbliċi”, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Artikolu 2(b) tar-Regolament Antisussidji Bażiku jillimita ruħu li jiddefinixxih bħala li jinkludi lill-korpi pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni. Madankollu, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li kontribuzzjoni finanzjarja ma tistax tiġi attribwita lill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat skont il-provi speċifiċi disponibbli. Barra minn hekk, il-fatt li dan ir-regolament jeżiġi li kontribuzzjoni finanzjarja tingħata mill-awtoritajiet pubbliċi “fit-territorju ta’ pajjiż” (4) ma jimplikax li din il-kontribuzzjoni għandha toriġina direttament mill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni.

Għalhekk, ir-Regolament Antisussidji Bażiku ma jeskludix li kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija lil impriżi stabbiliti fl-Eġittu minn korpi pubbliċi Ċiniżi, u mhux direttament minn awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani, tista’ tiġi imputata lil dawn tal-aħħar bħala awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni.

Din il-konklużjoni hija iktar u iktar rilevanti fil-kuntest speċifiku taż-żona CECS li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi jagħtu direttament il-faċilitajiet kollha inerenti għall-inizjattiva “Belt and Road” lill-impriżi Ċiniżi stabbiliti f’din iż-żona. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi aċċettat li kostruzzjoni ekonomika u ġuridika ta’ portata bħal dik taż-żona CECS tiġi eskluża mir-Regolament Antisussidji Bażiku.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Antisussidji Bażiku tmur kontra l-Artikoli 10(7) u 13(1) ta’ dan l-istess regolament.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva, minn naħa, li l-Artikolu 10(7) tar-Regolament Antisussidji Bażiku, li jimponi fuq il-Kummissjoni, adita b’ilment, li tistieden lill-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni kkonċernat jibda konsultazzjonijiet bil-għan li tiġi kkjarifikata s-sitwazzjoni, ma jeskludix li l-awtoritajiet pubbliċi tal-imsemmi pajjiż jistgħu jiġu kkonsultati dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji imputabbli lilhom. Issa, f’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament stiednet lill-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani sabiex jibdew konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet bħas-self preferenzjali mogħti minn entitajiet Ċiniżi.

Għal dak li jikkonċerna, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Antisussidji Bażiku, li jippermetti b’mod partikolari lill-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni li jeliminaw is-sussidju, li jillimitaw jew li jieħdu miżuri oħra relatati mal-effetti tiegħu, tali possibbiltà tibqa’ valida fil-każijiet fejn il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tiġi imputata lill-awtoritajiet pubbliċi tal-imsemmi pajjiż. Għalhekk, l-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani kellhom il-possibbiltà li jtemmu l-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi f’dak li jikkonċerna l-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew li jipproponu miżuri intiżi biex jillimitaw l-effetti tas-sussidji inkwistjoni.

Minn dan isegwi li la l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Antisussidji Bażiku u lanqas l-istruttura ġenerali tiegħu ma jeskludu li kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi tista’ tiġi imputata lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Eġittu, bħala pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża.

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, din il-konklużjoni hija msaħħa b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-ftehim dwar is-sussidji u l-miżuri kumpensatorji (5), li fid-dawl tiegħu għandu jiġi interpretat ir-Regolament Antisussidji Bażiku.

L-Artikolu 1(1)(a)(1) tal-imsemmi ftehim, li l-Artikolu 3 tar-Regolament Antisussidji Bażiku huwa intiż li jimplimenta, jiddefinixxi s-sussidju bħala kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi jew ta’ kwalunkwe korp pubbliku tal-ġurisdizzjoni territorjali ta’ membru “wieħed” tal-WTO. Għaldaqstant, din il-formulazzjoni ma teskludix il-possibbiltà li kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija minn pajjiż terz tkun tista’ tiġi imputata lill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, peress li huwa biżżejjed li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi jew ta’ kwalunkwe korp pubbliku tkun taqa’ taħt il-kompetenza territorjali ta’ membru “wieħed” tal-WTO.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kummissjoni interpretat korrettament l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Antisussidji Bażiku u tiċħad il-motiv imqajjem mir-rikorrenti. Il-Qorti Ġenerali tiċħad ukoll il-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti fiż-żewġ rikorsi u, konsegwentement, dawn fl-intier tagħhom.


1      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/776 tat-12 ta’ Ġunju 2020 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU L 189, 15.6.2020, p. 1).


2      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/870 tal-24 ta’ Ġunju 2020 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ li joriġinaw mill-Eġittu, u li jiġbor id-dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati ta’ prodotti ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ li joriġinaw mill-Eġittu (ĠU 2020, L 201, p. 10).


3      Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 2016, 30.6.2016, p. 55).


4      Regolament Antisussidji Bażiku, premessa 5.


5      Ftehim dwar is-sussidji u l-miżuri kompensatorji (ĠU 1994, L 336, p. 156), li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU 1994, L 336, p. 3), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994.

Top