EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0402

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2023.
Zippo Manufacturing Co. et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Politika kummerċjali – Regolament (UE) 2020/502 – Miżuri adottati mill-Istati Uniti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti derivati mill-aluminju u l-azzar – Deċiżjoni tal-Unjoni dwar is-sospensjoni tal-konċessjonijiet kummerċjali u obbligi ekwivalenti oħra – Dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti – Rikors għal annullament – Locus standi – Ammissibbiltà – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Dritt għal smigħ.
Kawża T-402/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:640

(Kawża T-402/20)

Zippo Manufacturing Co. et

vs

Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2023

“Politika kummerċjali – Regolament (UE) 2020/502 – Miżuri adottati mill-Istati Uniti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti derivati mill-aluminju u l-azzar – Deċiżjoni tal-Unjoni dwar is-sospensjoni tal-konċessjonijiet kummerċjali u obbligi ekwivalenti oħra – Dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti – Rikors għal annullament – Locus standi – Ammissibbiltà – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Dritt għal smigħ”

  1. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza individwali minn att ta’ natura ġenerali – Kundizzjonijiet – Regolament li jistabbilixxi miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid ta’ konċessjonijiet fir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiż terz – Rikors minn impriża produttriċi-esportatriċi tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni – Eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull operatur ieħor – Ammissibbiltà

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punti 22, 24, 26 sa 30)

  2. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Regolament li jistabbilixxi miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid ta’ konċessjonijiet fir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiż terz – Inċidenza diretta ta’ impriża li tipproduċi u tesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punti 32, 33, 35 sa 43)

  3. Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Rikors ippreżentat minn diversi rikorrenti kontra l-istess deċiżjoni – Locus standi ta’ wieħed minn fosthom – Ammissibbiltà tar-rikors kollu kemm hu

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punti 44 sa 46)

  4. Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Interess li jiġi stmat fid-data tal-preżentata tar-rikors – Regolament li jistabbilixxi miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid ta’ konċessjonijiet fir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiż terz – Sospensjoni temporanja tal-imsemmi regolament fil-mori tal-kawża – Żamma tal-interess tar-rikorrenti li jiksbu r-rikonoxximent tal-illegalità tal-att ikkontestat

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punt 47)

  5. Politika kummerċjali komuni – Difiża kontra l-ostakoli għall-kummerċ – Protezzjoni kontra miżuri adottati minn pajjiż terz fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti – Regolament li jistabbilixxi miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid tal-konċessjonijiet fir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ dan il-pajjiż – Ġbir ta’ informazzjoni qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament – Informazzjoni lill-partijiet interessati bi kwalunkwe mezz xieraq ta’ komunikazzjoni pubblika – Obbligu li l-partijiet interessati jiġu informati permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Assenza

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 654/2014, Artikoli 4 sa 19 u 9(1))

    (ara l-punti 54 sa 58)

  6. Politika kummerċjali komuni – Difiża kontra l-ostakoli għall-kummerċ – Protezzjoni kontra miżuri adottati minn pajjiż terz fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Portata – Impriżi li jipproduċu jew jesportaw il-prodotti kkonċernati li ma pparteċipawx fil-ġbir ta’ informazzjoni – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Identifikazzjoni matul il-proċedura ta’ adozzjoni

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 654/2014, Artikoli 3(c), 4(1) u (2)(c) u 9(1))

    (ara l-punti 59 sa 77)

  7. Politika kummerċjali komuni – Difiża kontra l-ostakoli għall-kummerċ – Protezzjoni kontra miżuri adottati minn pajjiż terz fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Ksur tal-fatt ta’ nuqqas ta’ konsultazzjoni ma’ impriża identifikata matul il-proċedura ta’ adozzjoni tal-imsemmi regolament – Konsegwenza – Annullament tad-deċiżjoni kkonċernata – Kundizzjonijiet – Possibbiltà għall-impriża kkonċernata li tiżgura b’mod aħjar id-difiża tagħha fl-assenza ta’ din l-irregolarità – Evalwazzjoni każ b’każ

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41(2)(a) u 52(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 654/2014, Artikolu 9)

    (ara l-punti 78 sa 86)

Sunt

F’April 2020, b’risposta għall-introduzzjoni, mill-Istati Uniti tal-Amerika, ta’ żieda fid-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti dderivati mill-aluminju u mill-azzar, il-Kummissjoni Ewropea qieset neċessarju li tadotta miżuri b’implementazzjoni tar-Regolament Nru 654/2014 ( 1 ) dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli tal-kummerċ internazzjonali. Wara li talbet l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati skont l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, hija adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/502 ( 2 ) li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjoni ta’ lajters mekkaniċi tal-metall (iktar ’il quddiem il-“prodotti kkonċernati”) li joriġinaw mill-Istati Uniti.

Ir-rikorrenti, Zippo Manufacturing Co. (Iktar ’il quddiem “ZMC”), stabbilita fl-Istati Uniti, u s-sussidjarji tagħha Zippo GmbH u Zippo SAS, huma attivi fil-produzzjoni, fid-distribuzzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati lejn l-Unjoni Ewropea. Peress li ma pparteċipawx fil-ġbir ta’ informazzjoni mitlub mill-Kummissjoni, huma ppreżentaw rikors għall-annullament tar-Regolament ikkontestat sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw għalihom.

Il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra dan ir-rikors, minħabba li r-rikorrenti ma kellhomx locus standi, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li r-regolament ikkontestat ma jaffettwax la individwalment u lanqas direttament.

Billi tiċħad din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali tiddikjara r-rikors ammissibbli. Fuq il-mertu, hija tiddeċiedi li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba huwa fondat, u konsegwentement, tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn dan jirrigwarda l-prodotti mmanifatturati u ddistribwiti mir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ksur tad-dritt għal smigħ, skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), fil-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali teżamina l-ammissibbiltà tar-rikors, filwaqt li tfakkar qabelxejn li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra att ta’ portata ġenerali, bħal regolament, biss jekk l-att inkwistjoni jikkonċernaha direttament u individwalment.

Fir-rigward tal-inċidenza individwali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li mill-elementi tal-proċess jirriżulta li jeżistu numru ta’ elementi fattwali u legali li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari li tikkaratterizza lil ZMC meta mqabbla ma’ kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor u li turi l-interess individwali tagħha bir-regolament kontenzjuż. Fil-fatt, ZMC uriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li tkun, b’mod partikolari, l-unika produttriċi-esportatriċi tal-prodotti kkonċernati mill-Istati Uniti lejn l-Unjoni u li l-Istat ta’ Pennsylvania, fejn ZMC hija stabbilita, jikkostitwixxi wieħed mill-Istati tal-Istati Uniti li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għażla tal-prodotti li huma s-suġġett tal-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid.

Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-interess dirett, din teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti, jiġifieri li l-att jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna inkwistjoni u li ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tiegħu.

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tirrileva, fl-ewwel lok, li l-Istati Membri, responsabbli għall-implimentazzjoni tar-Regolament ikkontestat, ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tar-rata tad-dazji addizzjonali inkwistjoni fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni u tal-impożizzjoni ta’ dawn id-dazji fuq il-prodotti inkwistjoni. Fit-tieni lok, hija tikkonstata, minn naħa, li ZMC, fil-kwalità tagħha ta’ produttur wieħed li jesporta l-prodotti kkonċernati, hija direttament ikkonċernata mir-riperkussjonijiet negattivi mfittxija mill-Kummissjoni meta din adottat ir-regolament kontenzjuż. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament kontenzjuż, billi jaffettwa d-dritt ta’ aċċess ta’ dawn il-prodotti għas-suq tal-Unjoni, jaffettwa wkoll id-dritt ta’ aċċess tal-prodotti ta’ ZMC billi jipproduċi, għalhekk, effetti legali diretti fuqha.

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li ZMC hija direttament ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat u, għaldaqstant, għandha locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Fit-tieni lok, fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali teżamina l-ilment tal-appellanti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għal smigħ.

F’dan ir-rigward, huwa jfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal smigħ, bħala prinċipju u dritt fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, jiġifieri att li jista’ jaffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tal-individwu jew tal-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, dan id-dritt japplika anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tinnota, minn naħa, li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 654/2014 ma teskludi jew tirrestrinġi espliċitament id-dritt għal smigħ tal-impriżi li l-prodotti tagħhom huma suġġetti għal miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid previsti minn att ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kummissjoni konformement mal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, sa fejn jipprevedi l-obbligu għall-Kummissjoni li tfittex informazzjoni u opinjonijiet dwar l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni f’oġġetti jew servizzi jew f’setturi speċifiċi, ma jikkostitwixxix implementazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-impriżi kkonċernati. Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li impriża li tkun ipparteċipat f’tali ġbir ta’ informazzjoni tista’ tinvoka b’mod utli u effettiv l-interessi tagħha jew elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha. Madankollu, meta impriża, li l-interessi tagħha jirriskjaw li jiġu affettwati minn dawn il-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid, ma tkunx ipparteċipat f’tali ġbir ta’ informazzjoni, ma jistax jitqies li d-dritt tagħha għal smigħ ġie rrispettat għas-sempliċi raġuni li l-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha li torganizza l-imsemmi ġbir.

Min-naħa l-oħra, miżura ta’ bbilanċjar mill-ġdid adottata abbażi tar-Regolament Nru 654/2014 tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tal-impriżi esportaturi tal-prodotti kkonċernati minn din il-miżura, anki jekk din ma tkunx ġiet adottata wara proċedura individwali mibdija kontra dawn l-impriżi. Minn dan isegwi li dawn tal-aħħar jistgħu jinvokaw id-dritt għal smigħ, b’mod partikolari f’każ, bħal dak inkwistjoni, fejn it-tmexxija tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-att ta’ implementazzjoni wasslet lill-Kummissjoni sabiex tidentifika l-imsemmija impriżi.

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Kummissjoni li hija ma kellhiex iż-żmien neċessarju sabiex tisma’ lir-rikorrenti matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, peress li dan kellu jiġi adottat b’osservanza tat-termini previsti mill-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar is-salvagwardji.

Fil-fatt, hija l-Kummissjoni, minn naħa, li għandha tiżgura l-osservanza tat-termini li jirriżultaw mill-Ftehim tal-WTO dwar is-salvagwardji u, min-naħa l-oħra, li tisma’ lir-rikorrenti, li kellhom id-dritt għal smigħ matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-regolament kontenzjuż. Issa, peress li l-Kummissjoni naqset milli tipprova l-impossibbiltà tagħha li tisma’ b’mod utli lir-rikorrenti matul l-imsemmija proċedura, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hija kellha ż-żmien neċessarju sabiex tippermetti lir-rikorrenti jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal smigħ.

Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din l-irregolarità proċedurali, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni adottata fi tmiem proċedura biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. Dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt meta l-impriża kkonċernata turi li hija kienet tkun tista’ tiżgura aħjar id-difiża tagħha fl-assenza tal-imsemmija irregolarità.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li kieku r-rikorrenti setgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal smigħ matul il-proċedura, huma kienu jkunu jistgħu jinvokaw l-argumenti mressqa fir-rikors u, b’hekk, jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom. Barra minn hekk, sa fejn ZMC hija l-unika produttriċi-esportatriċi tal-prodotti inkwistjoni, ma jistax jiġi eskluż li r-regolament kontenzjuż seta’ kellu kontenut differenti.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ksur tad-dritt għal smigħ tal-appellanti seta’ kellu effett fuq l-eżitu tal-proċedura u, għaldaqstant, hija tannulla r-Regolament kontenzjuż sa fejn dan jirrigwarda l-prodotti kkonċernati.


( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta' Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU 2014, L 2014, p. 50, rettifika fil-ĠU 2015, L 243, p. 14)

( 2 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/502 tas-6 ta’ April 2020 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU 2020, L 109, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

Top