Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0195

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Settembru 2021.
    Sociedade da Água de Monchique, SA vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea chic água ALCALINA 9,5 PH – Trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea CHIC BARCELONA – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001.
    Kawża T-195/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:601

    Kawża T-195/20

    Sociedade da água de Monchique, SA

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat‑22 ta’ Settembru 2021

    “Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea chic água ALCALINA 9,5 PH – Trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea CHIC BARCELONA – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001

    1. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Rwol proċedurali tal-Uffiċċju – Possibbiltà għalih, minkejja li indikat bħala konvenut, li jsostni t-talbiet tar-rikorrent – Rikors li ma għadx għandu skop – Assenza

      (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 172; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 166(7))

      (ara l-punti 15, 17)

    2. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew simili rreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew simili – Xebh bejn il-prodotti jew servizzi kkonċernati – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Ilma tal-flixkun jew minerali – Xarbiet alkoħoliċi

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

      (ara l-punti 30, 31, 39 sa 47, 50 sa 70)

    3. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew simili rreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew simili – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Trade mark figurattiva chic ÁGUA ALCALINA 9,5 PH u trade mark verbali CHIC BARCELONA

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

      (ara l-punti 33, 77, 78)

    Sunt

    Sociedade da água de Monchique, SA, applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea chic água ALCALINA 9,5 PH.

    Wara oppożizzjoni mressqa minn Pere Ventura Vendrell, il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) irrifjuta li jirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’mod partikolari, għall-prodotti li ġejjin li jaqgħu fil-klassi 32 ( 1 ): “ilma tal-flixkun; ilma minerali (mhux immedikat); ilma minerali (xarbiet)”.

    L-oppożizzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq it-trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea CHIC BARCELONA, irreġistrata għall-prodotti li ġejjen li jaqgħu fil-klassi 33: “xarbiet alkoħoliċi (minbarra birra), inbid, inid frizzanti; likur; spirti (xorb); brandi.” Il-Bord tal-Appell qies li kien jeżisti xebh dgħajjef bejn il-prodotti inkwistjoni u kkonkluda li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti ( 2 ).

    Il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u tiddeċiedi li l-prodotti inkwistjoni huma differenti.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tindika li l-EUIPO jista’ jaqbel ma’ talba tar-rikorrenti intiża għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell mingħajr ma r-rikors jitlef l-iskop tiegħu. Fil-fatt, l-EUIPO ma għandux jiddefendi sistematikament kull deċiżjoni kkontestata u, minħabba l-indipendenza tal-Bordijiet tal-Appell, ma jistax ibiddel jew jirtira d-deċiżjonijiet tagħhom, u lanqas jagħti istruzzjonijiet f’dan is-sens.

    Fir-rigward tal-paragun tal-prodotti, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, l-ewwel, li, minħabba l-assenza ta’ alkoħol fil-kompożizzjoni tagħhom, in-natura tal-ilma tal-flixkun jew l-ilma minerali, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, hija differenti min-natura tal-prodotti kollha koperti mit-trade mark preċedenti. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-effetti tal-konsum tal-alkoħol ma japplikawx għall-konsum tal-ilma tal-flixkun jew tal-ilma minerali. Barra minn hekk, għal parti mhux negliġibbli mill-pubbliku tal-Unjoni, il-konsum tal-alkoħol jista’ joħloq problema ġenwina tas-saħħa.

    It-tieni, l-iskop u l-użu tal-prodotti inkwistjoni huma differenti. Fil-fatt, kuntrarjament għall-ilma tal-flixkun u ilma minerali, ix-xarbiet alkoħoliċi ġeneralment ma humiex intiżi sabiex jaqtgħu l-għatx u ma jikkorrispondux għal ħtieġa vitali.

    It-tielet, il-prodotti inkwistjoni ma humiex komplementari għaliex ix-xerrej ta’ wieħed mill-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma huwiex obbligat jixtri prodott kopert mit-trade mark preċedenti u viċe versa.

    Ir-raba’, il-prodotti inkwistjoni ma humiex ta’ natura kompetittiva. Minn naħa, minħabba d-differenza dovuta għall-preżenza jew l-assenza ta’ alkoħol, il-konsumatur medju ma jikkunsidrahomx bħala interkambjabbli. Min-naħa l-oħra, l-ilma tal-flixkun u l-ilma minerali huma, normalment, ħafna irħas mix-xarbiet alkoħoliċi. Issa, peress li l-prezz jista’ jkollu effett determinanti fuq il-kwistjoni tas-sostitwibbiltà tal-prodotti, il-prodotti inkwistjoni ma humiex, minn din il-perspettiva, sostitwibbli.

    Il-ħames, fir-rigward tal-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni, il-fatt li dawn jistgħu jinbiegħu fl-istess stabbilimenti ma jippermettix li dawn jiġu kkunsidrati li huma simili.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx xebh dgħajjef bejn il-prodotti inkwistjoni, iżda dawn huma differenti u tiċħad l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.


    ( 1 ) Skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

    ( 2 ) Fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).

    Top