EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0193

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) tal-10 ta’ Novembru 2021.
Eternit vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta pannell għall-kostruzzjoni – Disinn preċedenti li jirrappreżenta pannell għal ħajt għat-tnaqqis tal-istorbju – Raġuni għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Settur ikkonċernat – Utent avżat – Grad ta’ libertà tad-disinjatur – Assenza ta’ impressjoni globali differenti – Rilevanza tal-prodotti realment ikkummerċjalizzati – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.
Kawża T-193/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:782

Kawża T193/20

Eternit

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) tal10 ta’ Novembru 2021

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta pannell għall-kostruzzjoni – Disinn preċedenti li jirrappreżenta pannell għal ħajt għat-tnaqqis tal-istorbju – Raġuni għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Settur ikkonċernat – Utent avżat – Grad ta’ libertà tad-disinjatur – Assenza ta’ impressjoni globali differenti – Rilevanza tal-prodotti realment ikkummerċjalizzati – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

1.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Determinazzjoni tas-settur ikkonċernat, tal-utent avżat u tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur fir-rigward tad-disinn ikkontestat – Paragun tal-impressjonijiet globali tad-disinni kunfliġġenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, premessa 14 u Artikoli 6 u 25(1)(b))

(ara l-punti 21 sa 25, 27)

2.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Evalwazzjoni globali tal-elementi kollha ppreżentati mid-disinni – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni tal-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, premessa 12 u Artikoli 3(a), 4(1), 6 u 25(1)(b))

(ara l-punti 28 sa 33, 71, 72, 75, 82)

3.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Settur ikkonċernat

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 6, 25(1)(b) u 36(2))

(ara l-punti 36, 37, 41 sa 43)

4.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Rappreżentazzjoni ta’ pannell għall-kostruzzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 6(1) u 25(1)(b))

(ara l-punti 50, 63, 65, 76 sa 78, 81, 85)

Sunt

Wara applikazzjoni ppreżentata lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), Eternit (il-Belġju) kisbet ir-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju li jirrappreżenta pannell għall-kostruzzjoni. Eternit Österreich GmbH ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari minħabba li ma kellhiex karattru individwali (1) fir-rigward tad-disinn preċedenti li jirrappreżenta pannell għal ħajt għat-tnaqqis tal-istorbju.

L-EUIPO annulla d-disinn ikkontestat billi qies li kien nieqes minn karattru individwali peress li, għall-utent avżat, kien globalment simili għad-disinn preċedenti.

Il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors ta’ Eternit kontra d-deċiżjoni tal-EUIPO. Minn naħa, hija tiċċara fir-rigward ta’ liema mid-disinni kunfliġġenti għandhom jiġu ddefiniti s-settur ikkonċernat, l-utent avżat u l-grad ta’ libertà tad-disinjatur. Min-naħa l-oħra, hija tippreċiża jekk il-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati li fihom id-disinni kunfliġġenti jiġu inkorporati jew li għalihom jiġu applikati għandhomx rilevanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat tirriżulta, essenzjalment, minn eżami f’erba’ stadji. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li l-ewwel tliet stadji tal-analiżi, jiġifieri d-determinazzjoni tas-settur ikkonċernat, tal-utent avżat u tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur, għandhom isiru biss fir-rigward tad-disinn ikkontestat. Fil-fatt, peress li d-disinn preċedenti jista’ jaqa’ taħt settur kompletament differenti, ikkaratterizzat minn utent avżat u minn libertà tad-disinjatur distinti, ma huwiex rilevanti għall-finijiet ta’ dawn l-ewwel tliet stadji tal-analiżi. Min-naħa l-oħra, ir-raba’ stadju, li jikkonsisti fil-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti, jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni kemm tad-disinn ikkontestat kif ukoll ta’ dak preċedenti.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tosserva li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati li fihom id-disinni kunfliġġenti jiġu inkorporati jew li għalihom jiġu applikati. Hija tippreċiża li l-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati jew il-mod ta’ użu tagħhom huma rilevanti jekk ir-rappreżentazzjoni grafika jew fotografika tad-disinn inkwistjoni ma tippermettix, waħedha, li jiġi ddeterminat liema aspetti tiegħu huma viżibbli jew il-mod kif ser jiġi pperċepit viżwalment. Fil-fatt, il-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss għal finijiet illustrattivi, sabiex jiġu ddeterminati l-aspetti viżivi tad-disinni. B’hekk, ma huwiex possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni prodott effettivament ikkummerċjalizzat jekk id-disinn li għalih jiġi applikat jew li fih jiġi inkorporat ikun differenti mid-disinn kif irreġistrat, jew jekk juri karatteristiċi li ma jirriżultawx b’mod ċar mir-rappreżentazzjoni grafika ta’ dan tal-aħħar.


1      Fis-sens tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), moqri flimkien mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu jekk ma jkollux karattru individwali b’tali mod li l-impressjoni globali li jipproduċi fuq l-utent avżat ma tkunx differenti minn dik prodotta fuq tali utent minn disinn li jkun diġà ġie żvelat lill-pubbliku.

Top