Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0720

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Awwissu 2022.
RO legalment irrappreżentata vs Bundesrepublik Deutschland.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin III) – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn minuri fl-Istat Membru tat-twelid tiegħu – Ġenituri ta’ dan il-minuri li preċedentement kisbu l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor – Artikolu 3(2) – Artikolu 9 – Artikolu 20(3) – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(a) – Ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u responsabbiltà għall-eżami tagħha.
Kawża C-720/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:603

Kawża C720/20

RO

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Cottbus)

Sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑1 ta’ Awwissu 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin III) – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn minuri fl-Istat Membru tat-twelid tiegħu – Ġenituri ta’ dan il-minuri li preċedentement kisbu l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor – Artikolu 3(2) – Artikolu 9 – Artikolu 20(3) – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(a) – Ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u responsabbiltà għall-eżami tagħha”

  1. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ teħid lura – Wild minuri tal-applikant – Natura inseparabbli tas-sitwazzjoni tal-minuri minn dik tal-membru tal-familja tiegħu – Applikazzjoni b’analoġija għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata, fl-Istat Membru tat-twelid tiegħu, minn minuri li għandu ġenituri li diġà jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor – Inammissibbiltà

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikoli 2(c) u (f), 3(2), 9 u 20(3))

    (ara l-punti 32, 34, 39 sa 42, 44, 45 u d-dispożittiv 1)

  2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni li tista’ tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli mill-Istati Membri – Raġuni – Għoti minn qabel ta’ protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru ieħor – Applikazzjoni b’analoġija għall-applikazzjoni ppreżentata minn minuri li ma huwiex huwa stess benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor iżda l-ġenituri tiegħu huma – Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikolu 33(2)(a))

    (ara l-punti 51 sa 55, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Ir-rikorrenti, ċittadina tal-Federazzjoni Russa, twieldet fil-Ġermanja fl-2015. F’Marzu 2012, il-ġenituri tagħha u l-ħames aħwa tagħha, ukoll ta’ nazzjonalità Russa, kienu kisbu l-istatus ta’ refuġjat fil-Polonja. F’Diċembru 2012, huma kienu telqu mill-Polonja għall-Ġermanja, fejn kienu ppreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Ir-Repubblika tal-Polonja rrifjutat li tilqa’ t-talba tal-awtoritajiet Ġermaniżi li tieħu lura dawn il-persuni, minħabba li kienu diġà jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fit-territorju tagħha. Sussegwentement, l-awtoritajiet Ġermaniżi ċaħdu l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli, minħabba l-istatus ta’ refuġjat li dawn il-persuni kienu diġà kisbu fil-Polonja. Madankollu, il-familja tar-rikorrenti baqgħet tgħix fit-territorju Ġermaniż.

F’Marzu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda bħala inammissibbli, abbażi b’mod partikolari tar-Regolament Dublin III ( 1 ).

Il-qorti tar-rinviju, adita b’rikors kontra din l-aħħar deċiżjoni ta’ ċaħda, għandha dubji dwar jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hijiex l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tar-rikorrenti u jekk, fl-affermattiv, dan l-Istat Membru għandux id-dritt li jiċħad din l-applikazzjoni bħala inammissibbli skont id-Direttiva “dwar il-Proċeduri” ( 2 ).

B’mod iktar partikolari, din il-qorti tistaqsi dwar l-applikazzjoni b’analoġija ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III u tad-Direttiva “dwar il-Proċedura” għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, hija tixtieq tkun taf, minn naħa, jekk - sabiex jipprevjeni l-movimenti sekondarji - l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Dublin III, li jikkonċerna, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni ta’ tfal imwielda wara l-wasla ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali ( 3 ), japplikax għall-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn minuri fl-Istat Membru tat-twelid tiegħu meta l-ġenituri tiegħu diġà jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva “dwar il-Proċeduri” ( 4 ) japplikax għal minuri li l-ġenituri tiegħu huma benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor iżda li ma jibbenefikax minnha huwa stess.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, tirrispondi fin-negattiv għal dawn id-domandi. Permezz tas-sentenza tagħha, hija tiċċara l-portata tar-Regolament Dublin III u tad-Direttiva “dwar il-Proċeduri” fil-kuntest ta’ movimenti sekondarji ta’ familji li diġà jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, fejn wild ġdid twieled.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal‑Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Dublin III ma huwiex applikabbli b’analoġija għas-sitwazzjoni li fiha minuri u l-ġenituri tiegħu jippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru li fih twieled dan il-wild, filwaqt li l-ġenituri diġà jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, minn naħa, din id-dispożizzjoni tippreżupponi li l-membri tal-familja tal-minuri għad għandhom il-kwalità ta’ “applikant”, b’tali mod li hija ma tirregolax is-sitwazzjoni ta’ wild li twieled wara li l-membri tal-familja tiegħu jkunu kisbu l-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-wild ikun twieled u jirrisjedi mal-familja tiegħu. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni ta’ minuri li l-membri tal-familja tiegħu huma applikanti għal protezzjoni internazzjonali u dik ta’ minuri li l-membri tal-familja tiegħu huma diġà benefiċjarji ta’ tali protezzjoni ma humiex komparabbli fil-kuntest tas-sistema stabbilita mir-Regolament Dublin III. Il-kunċetti ta’ “applikant” ( 5 ) u ta’ “benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali” ( 6 ) jkopru fil-fatt statuti legali distinti rregolati minn dispożizzjonijiet differenti ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20(3) għas-sitwazzjoni tal-minuri li l-membri tal-familja tiegħu diġà huma benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali ċċaħħad kemm lil dan il-minuri kif ukoll lill-Istat Membru li ta din il-protezzjoni lill-membri tal-familja tiegħu mill-applikazzjoni tal-mekkaniżmi previsti minn dan ir-regolament. Dan ikollu b’mod partikolari l-konsegwenza li tali minuri jista’ jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment mingħajr ma tinbeda proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà għalih.

Barra minn hekk, ir-Regolament Dublin III jipprevedi regoli speċifiċi fil-każ fejn il-proċedura miftuħa fir-rigward tal-membri tal-familja tal-applikant tkun intemmet u fejn dawn jitħallew jirrisjedu bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 9 tiegħu jipprovdi li, f’sitwazzjoni bħal din, dan l-Istat Membru huwa responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, bil-kundizzjoni li l-persuni kkonċernati jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub. Ċertament, din il-kundizzjoni teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 9 fl-assenza tal-espressjoni ta’ tali xewqa. Din is-sitwazzjoni tista’ b’mod partikolari sseħħ meta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-minuri kkonċernat tiġi ppreżentata wara moviment sekondarju irregolari tal-familja tiegħu mill-ewwel Stat Membru lejn l-Istat Membru fejn din l-applikazzjoni tiġi ppreżentata. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tneħħi xejn mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, permezz ta’ dan l-artikolu, dispożizzjoni li tkopri preċiżament is-sitwazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 9, ma tistax issir deroga minn dan ir-rekwiżit tal-manifestazzjoni tax-xewqa bil-miktub.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’sitwazzjoni fejn il-persuni kkonċernati ma jkunux esprimew, bil-miktub, ix-xewqa li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ wild jkun dak li fih il-membri tal-familja tiegħu jkunu tħallew jirrisjedu bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għandha ssir skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III ( 7 ).

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva “dwar il-Proċeduri” ma huwiex applikabbli b’analoġija għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn minuri fi Stat Membru meta ma jkunx dan il-wild nnifsu, iżda l-ġenituri tiegħu, li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li din id-direttiva telenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni li tipprevedi dawn ir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà hija ta’ natura derogatorja għall-obbligu tal-Istati Membri li jeżaminaw fil-mertu l-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali. Min-natura eżawrjenti u derogatorja ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta u għalhekk ma tistax tiġi applikata għal sitwazzjoni li ma tikkorrispondix mal-formulazzjoni tagħha. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha ma jistax, konsegwentement, jiġi estiż għal applikant għal protezzjoni internazzjonali li ma jibbenefikax huwa stess minn tali protezzjoni.


( 1 ) Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

( 2 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘dwar il-Proċeduri’”).

( 3 ) Skont din id-dispożizzjoni, li tikkonċerna l-proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà, is-sitwazzjoni tal-minuri li jakkumpanja l-applikant ta’ protezzjoni internazzjonali u jissodisfa d-definizzjoni ta’ membru tal-familja hija inseparabbli minn dik tal-membru tal-familja tiegħu u taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-imsemmi membru tal-familja, anki jekk il-minuri ma jkunx applikant individwali, sakemm dan ikun fl-interessi superjuri tal-minuri. L-istess trattament japplika għat-tfal imwielda wara l-wasla tal-applikant fit-territorju tal-Istati Membri, mingħajr ma jkun neċessarju li tinbeda proċedura ġdida ta’ teħid ta’ responsabbiltà għalihom.

( 4 ) Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor.

( 5 ) Fis-sens tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Dublin III.

( 6 ) Fis-sens tal-Artikolu 2(f) tar-Regolament Dublin III.

( 7 ) Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar abbażi tal-kriterji elenkati fir-Regolament Dublin III, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġiet ippreżentata huwa responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni.

Top