This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0713
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022.
Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank u Y vs X u Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11(3)(a) u (e) – Persuna residenti fi Stat Membru u li teżerċita attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru ieħor – Kuntratt(i) ta’ xogħol konkluż(i) ma’ aġenzija għal xogħol temporanju waħda – Missjonijiet ta’ xogħol temporanju – Intervalli – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli matul l-intervalli bejn il-missjonijiet ta’ xogħol temporanju – Tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol.
Kawża C-713/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022.
Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank u Y vs X u Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11(3)(a) u (e) – Persuna residenti fi Stat Membru u li teżerċita attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru ieħor – Kuntratt(i) ta’ xogħol konkluż(i) ma’ aġenzija għal xogħol temporanju waħda – Missjonijiet ta’ xogħol temporanju – Intervalli – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli matul l-intervalli bejn il-missjonijiet ta’ xogħol temporanju – Tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol.
Kawża C-713/20.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:782
Kawża C-713/20
Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank
vs
X
u
Y
vs
Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa miċ-Centrale Raad van Beroep)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11(3)(a) u (e) – Persuna residenti fi Stat Membru u li teżerċita attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru ieħor – Kuntratt(i) ta’ xogħol konkluż(i) ma’ aġenzija għal xogħol temporanju waħda – Missjonijiet ta’ xogħol temporanju – Intervalli – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli matul l-intervalli bejn il-missjonijiet ta’ xogħol temporanju – Tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol”
Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Leġiżlazzjoni applikabbli – Persuna residenti fi Stat Membru u li twettaq, permezz ta’ impriża ta’ xogħol temporanju stabbilita fi Stat Membru ieħor, missjonijiet ta’ xogħol temporanju fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor – Issuġġettar ta’ din il-persuna, matul l-intervalli bejn dawn il-missjonijiet ta’ xogħol, għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha – Kundizzjoni – Tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol matul l-imsemmija intervalli
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 11(3)(a) u (e))
(ara l-punti 40, 43, 44, 48, 50, 53 u d-dispożittiv)
Sunt
Mix-xahar ta’ Jannar 2013 u mix-xahar ta’ Lulju 2007, rispettivament, X (ċittadina tal-Pajjiżi l-Baxxi residenti fil-Ġermanja) u Y (ċittadin Pollakk residenti fil-Polonja) bdew jeżerċitaw attività bħala persuni impjegati fil-Pajjiżi l-Baxxi permezz ta’ impriżi ta’ xogħol temporanju. X kienet ikkonkludiet kuntratt ta’ xogħol ma impriża ta’ xogħol temporanju li fil-kuntest tiegħu hija kienet wettqet missjonijiet ta’ xogħol temporanju, b’intervalli bejniethom li matulhom X wettqet kompiti mingħajr remunerazzjoni u xogħol tad-dar b’remunerazzjoni baxxa ħafna, ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi. Min-naħa tiegħu Y kien ikkonkluda kuntratti ta’ xogħol suċċessivi ma impriża ta’ xogħol temporanju, b’diversi intervalli bejniethom.
F’Lulju 2015, X irċeviet r-rendikont tad-drittijiet għall-irtirar tagħha li minnu rriżulta li, sa fejn hija kienet residenti fil-Ġermanja, hija kienet assigurata abbażi tal-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi biss matul il-perijodi li matulhom hija kienet effettivament ħadmet għall-impriża ta’ xogħol temporanju fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda mhux matul l-intervalli bejn il-missjonijiet tagħha ta’ xogħol temporanju.
F’Marzu 2016, Y, li ma kienx ħadem bejn l-1 ta’ Jannar u s-7 ta’ Frar 2016, ġie informat li ma kellux dritt għall-allowances tal-familja abbażi tal-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi għax-xahar ta’ Jannar u għal dak ta’ Frar 2016 peress li huwa ma kienx jeżerċità attività professjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn ix-xhur.
Kull waħda mill-persuni kkonċernati ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni adottata fil-konfront tagħhom quddiem ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). Il-qorti tar-rinviju, iċ-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), li quddiemha tressqu appelli mis-sentenzi mogħtija mill-Qorti ta’ Amsterdam, tqis li t-tilwimiet jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk l-affiljazzjoni tal-persuni kkonċernati mas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi ntemmitx matul l-intervalli bejn il-missjonijiet ta’ xogħol temporanju. Dik il-qorti tqis li huwa neċessarju, għal dan il-għan, li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli matul dawn l-intervalli abbażi tar-Regolament Nru 883/2004 ( 1 ).
Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, abbażi tal-imsemmi regolament ( 2 ), persuna residenti fi Stat Membru u li twettaq, permezz ta’ impriża ta’ xogħol temporanju stabbilita fi Stat Membru ieħor, missjonijiet ta’ xogħol temporanju fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor hija suġġetta, matul l-intervalli bejn l-imsemmija missjonijiet ta’ xogħol, għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha, kemm il-darba, skont il-kuntratt temporanju, ir-relazzjoni ta’ xogħol tintemm matul dawn l-intervalli.
L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar il-prinċipju li jinsab fl-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, li jgħid li persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ dak l-Istat Membru. Wara dan, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-persuni kkonċernati għandhomx jitqiesu bħala li eżerċitaw, matul l-imsemmija intervalli, attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li t-termini “attività bħala persuna impjegata” huma ddefiniti bħala attività jew sitwazzjoni ekwivalenti meqjusa bħala attività għall-għanijiet tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih teżisti din l-attività jew sitwazzjoni ekwivalenti ( 3 ).
Issa, f’dan il-każ, X kienet teżerċita l-attività tagħha fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol temporanju għal żmien determinat, li kien jindika li r-relazzjoni ta’ xogħol kellha tibda meta hija effettivament tibda l-attività tagħha u tispiċċa meta din l-attività tintemm. Għaldaqstant, matul l-intervalli bejn il-missjonijiet tagħha ta’ xogħol temporanju, ma kinitx teżisti relazzjoni ta’ xogħol bejn X u l-impriża ta’ xogħol temporanju. Barra minn hekk, l-attivitajiet li X eżerċitat fil-Pajjiżi l-Baxxi matul dawn l-intervalli ma jistgħux jitqiesu li jammontaw għal attività bħala persuna impjegata jew sitwazzjoni ekwivalenti, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fir-rigward ta’ Y, matul l-intervall bejn iż-żewġ kuntratti li huwa kien ikkonkluda mal-impriża ta’ xogħol temporanju, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejnu u bejn din l-impriża kienet intemmet.
Minn dan isegwi li, minħabba t-tmiem tal-attività professjonali tagħhom, il-persuni kkonċernati ma kinux jeżerċitaw, matul l-intervalli bejn il-missjonijiet tagħhom ta’ xogħol temporanju, attività bħala persuna impjegata u lanqas ma kienu jinsabu f’sitwazzjoni ekwivalenti, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi. Konsegwentement, huma ma kinux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, b’tali mod li huma ma kinux suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impieg, l-eżistenza ta’ relazzjoni kontinwa ta’ xogħol hija dejjem neċessarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, matul l-imsemmija intervalli, il-persuni kkonċernati kienu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 4 ), li jikkostitwixxi regola residwa, li hija maħsuba sabiex tapplika għall-persuni kollha li jinsabu f’sitwazzjoni li ma hijiex irregolata b’mod speċifiku minn dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmi regolament u, għaldaqstant, kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza.
( 1 ) Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).
( 2 ) B’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 11(3)(a) u (e) tiegħu.
( 3 ) Ara l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 883/2004.
( 4 ) Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-persuni kollha li għalihom ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) tal-imsemmi paragrafu huma suġġetti għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, mingħajr ħsara għal dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu lil dawn il-persuni benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.