Vælg de eksperimentelle funktioner, som du ønsker at prøve

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 62020CJ0680

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Jannar 2023.
    Unilever Italia Mkt. Operations Srl vs Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Pożizzjoni dominanti – Imputazzjoni lill-produttur tal-aġir tad-distributuri tiegħu – Eżistenza ta’ rabtiet kuntrattwali bejn il-produttur u d-distributuri – Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’ – Kamp ta’ applikazzjoni – Operat abbużiv – Klawżola ta’ esklużività – Ħtieġa li jintwerew l-effetti fuq is-suq.
    Kawża C-680/20.

    ECLI-indikator: ECLI:EU:C:2023:33

    Kawża C‑680/20

    Unilever Italia Mkt. Operations Srl

    vs

    Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato)

    Sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) tad‑19 ta’ Jannar 2023

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Pożizzjoni dominanti – Imputazzjoni lill-produttur tal-aġir tad-distributuri tiegħu – Eżistenza ta’ rabtiet kuntrattwali bejn il-produttur u d-distributuri – Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’ – Kamp ta’ applikazzjoni – Operat abbużiv – Klawżola ta’ esklużività – Ħtieġa li jintwerew l-effetti fuq is-suq”

    1. Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Ksur – Imputazzjoni – Impriża – Kunċett – Unità ekonomika – Kumpanniji li għandhom relazzjoni vertikali – Kumpannija produttriċi li għandha network ta’ distribuzzjoni organizzat esklużivament fuq bażi kuntrattwali – Imputazzjoni tal-aġir tad-distributuri lill-kumpannija produttriċi – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

      (Artikolu 102 TFUE)

      (ara l-punti 26 sa 33, u d-dispożittiv)

    2. Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kunċett – Kunċett oġġettiv li jikkonċerna l-aġir ta’ natura li jinfluwenza l-istruttura tas-suq u li għandu bħala effett li jostakola ż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni – Obbligi tal-impriża dominanti – Kompetizzjoni abbażi biss tal-merti – Kriterji ta’ evalwazzjoni

      (Artikolu 102 TFUE)

      (ara l-punti 35 sa 44)

    3. Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Klawżoli ta’ esklużività li jinsabu f’kuntratti ta’ distribuzzjoni – Natura inġusta – Kapaċità ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni u effett ta’ esklużjoni – Kontestazzjoni mill-impriża kkonċernata – Obbligu għall-awtorità tal-kompetizzjoni li turi l-kapaċità li tirrestrinġi l-kompetizzjoni tal-aġir inkwistjoni

      (Artikolu 102 TFUE)

      (ara l-punti 46 sa 55, u d-dispożittiv)

    4. Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Klawżoli ta’ esklużività li jinsabu f’kuntratti ta’ distribuzzjoni – Natura inġusta – Obbligu għall-awtorità tal-kompetizzjoni li tirrikorri għat-test tal-kompetitur daqstant effettiv – Assenza – Produzzjoni mill-impriża kkonċernata ta’ analiżi bbażata fuq l-imsemmi test – Obbligu għall-awtorità tal-kompetizzjoni li teżamina l-valur probatorju tiegħu

      (Artikolu 102 TFUE)

      (ara l-punti 56 sa 62, u d-dispożittiv)

    Sunt

    Abbuż minn pożizzjoni dominanti: il-klawżoli ta’ esklużività li jinsabu fil-kuntratti ta’ distribuzzjoni għandu jkollhom il-kapaċità li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni.

    L-awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata tevalwa din il-kapaċità effettiva ta’ esklużjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-provi prodotti mill-impriża f’pożizzjoni dominanti.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Ottubru 2017, l-Awtorità Taljana ta’ Garanzija tal-Kompetizzjoni u tas-Suq (iktar ’il quddiem l-“AGKS”) ( 1 ) ikkonstatat li Unilever Italia Mkt. Operations Srl (iktar ’il quddiem “Unilever”) kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Taljan tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ġelati f’pakketti individwali intiżi li jiġu kkunsmati “barra”, jiġifieri barra mid-dar tal-konsumaturi, f’diversi punti ta’ bejgħ.

    L-abbuż allegat fil-konfront ta’ Unilever kien jirriżulta minn aġir materjalment imwettaq mhux minn din il-kumpannija, iżda minn distributuri indipendenti tal-prodotti tagħha li kienu imponew klawżoli ta’ esklużività fuq l-operaturi tal-imsemmija punti ta’ bejgħ. F’dan ir-rigward, l-AGKS qieset b’mod partikolari li l-prattiki, li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni tagħha, kienu eskludew, jew tal-inqas illimitaw, il-possibbiltà għall-operaturi kompetituri li jikkompetu abbażi tal-merti tal-prodotti tagħhom.

    F’dan il-kuntest, hija ma qisitx li kien obbligatorju li tanalizza l-istudji ekonomiċi prodotti minn Unilever sabiex turi li l-prattiki kkontestati ma kellhomx effett ta’ esklużjoni kontra l-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effettivi, minħabba li dawn l-istudji kienu irrilevanti fil-preżenza ta’ klawżoli ta’ esklużività, peress li l-użu ta’ tali klawżoli minn impriża f’pożizzjoni dominanti kien suffiċjenti sabiex jikkaratterizza użu abbużiv minn din il-pożizzjoni.

    Konsegwentement, l-AGKS imponiet fuq Unilever multa ta’ EUR 60668580 talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

    Ir-rikors ippreżentat minn Unilever kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud kollu kemm hu mill-qorti tal-ewwel istanza.

    Adit b’appell, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-AGKS.

    Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-projbizzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti prevista fl-Artikolu 102 TFUE fil-konfront ta’ impriża dominanti li n-network ta’ distribuzzjoni tagħha jkun organizzat esklużivament fuq bażi kuntrattwali u speċifikat, f’dan il-kuntest, l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li aġir abbużiv imwettaq minn distributuri li jagħmlu parti min-network ta’ distribuzzjoni ta’ produttur li jgawdi minn pożizzjoni dominanti, bħalma kienet Unilever, jista’ jiġi imputat lil dan tal-aħħar skont l-Artikolu 102 TFUE jekk jiġi stabbilit li dan l-aġir ma jkunx ġie adottat b’mod indipendenti mid-distributuri tiegħu, iżda jkun jagħmel parti minn politika deċiża unilateralment minn dan il-produttur u implimentata permezz tal-imsemmija distributuri.

    Fil-fatt, f’każ bħal dan, id-distributuri u, konsegwentement, in-network ta’ distribuzzjoni li dawn tal-aħħar jifformaw mal-impriża dominanti għandhom jitqiesu li jkunu sempliċement strument ta’ ramifikazzjoni territorjali tal-politika kummerċjali tal-imsemmija impriża u, għalhekk, bħala l-istrument li permezz tiegħu, jekk ikun il-każ, tkun ġiet implimentata l-prattika ta’ esklużjoni inkwistjoni.

    Dan japplika b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, id-distributuri ta’ produttur dominanti jkunu obbligati jġiegħlu lill-operaturi ta’ punti ta’ bejgħ jiffirmaw kuntratti standard ipprovduti minn dan il-produttur u li jinkludu klawżoli ta’ esklużività għall-benefiċċju tal-prodotti tiegħu.

    Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għad-domanda dwar jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti kinitx obbligata tistabbilixxi li klawżoli ta’ esklużività li jkunu jinsabu f’kuntratti ta’ distribuzzjoni jkollhomx l-effett li jeskludu mis-suq kompetituri effiċjenti daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti u jekk din l-awtorità tkunx obbligata teżamina fid-dettall l-analiżi ekonomiċi prodotti minn din l-impriża, b’mod partikolari meta dawn ikunu bbażati fuq test imsejjaħ tal-“kompetitur daqstant effettiv”.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li abbuż ta’ pożizzjoni dominanti jista’ b’mod partikolari jiġi stabbilit meta l-aġir ikkritikat ikun ipproduċa effetti ta’ esklużjoni fir-rigward ta’ kompetituri daqstant effettivi bħall-awtur ta’ dan l-aġir f’termini ta’ struttura ta’ spejjeż, ta’ kapaċità ta’ innovazzjoni jew ta’ kwalità jew inkella meta l-imsemmi aġir ikun ibbażat fuq l-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jaqgħu taħt kompetizzjoni “normali”, jiġifieri bbażata fuq il-merti. B’mod ġenerali, huma l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li għandhom juru n-natura abbużiva ta’ aġir fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha li jikkaratterizzaw l-aġir inkwistjoni, u dan jinkludi dawk enfasizzati mill-provi prodotti bħala difiża mill-impriża f’pożizzjoni dominanti.

    Ċertament, sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ aġir, awtorità tal-kompetizzjoni ma għandhiex neċessarjament turi li dan l-aġir effettivament ikun ipproduċa effetti antikompetittivi. Għalhekk, awtorità tal-kompetizzjoni tista’ tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE billi tistabbilixxi li, matul il-perijodu li matulu l-aġir inkwistjoni jkun ġie implimentat, dan kellu jkollu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fuq il-merti minkejja n-nuqqas ta’ effett tiegħu. Madankollu, din il-konstatazzjoni għandha, bħala prinċipju, tkun ibbażata fuq provi tanġibbli, li juru, billi jmorru lil hinn mis-sempliċi ipoteżi, il-kapaċità effettiva tal-prattika inkwistjoni li tipproduċi tali effetti, fejn l-eżistenza ta’ dubju f’dan ir-rigward għandha tibbenefika lill-impriża li tirrikorri għal tali prattika.

    Għalkemm awtorità tal-kompetizzjoni tista’ tibbaża ruħha fuq it-tagħlim tax-xjenzi ekonomiċi, ikkonfermati minn studji empiriċi jew komportamentali, sabiex tevalwa l-kapaċità tal-aġir ta’ impriża li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, elementi oħra speċifiċi għaċ-ċirkustanzi tal-każ, bħalma huma l-portata tal-imsemmi aġir fis-suq, ir-restrizzjonijiet tal-kapaċitajiet imposti fuq il-fornituri ta’ materja prima jew il-fatt li l-impriża f’pożizzjoni dominanti ikollha titqies, tal-inqas fir-rigward ta’ parti mid-domanda, li tkun sieħba inevitabbli, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl ta’ dan it-tagħlim, l-aġir inkwistjoni jkollux jitqies li kellu l-kapaċità li jipproduċi effetti ta’ esklużjoni fis-suq ikkonċernat.

    F’dan il-kuntest, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-użu ta’ klawżoli ta’ esklużività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-klawżoli li permezz tagħhom partijiet kontraenti jintrabtu li jixtru l-bżonnijiet tagħhom kollha jew parti kunsiderevoli mill-bżonnijiet tagħhom mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, anki jekk ma jkunux suġġetti għal tnaqqis, jikkostitwixxu, min-natura tagħhom, sfruttament ta’ pożizzjoni dominanti u li l-istess jgħodd għat-tnaqqis għal fedeltà mogħti minn tali impriża.

    Fis-sentenza Intel ( 2 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, kienet ippreċiżat din il-ġurisprudenza billi indikat, fl-ewwel lok, li, meta impriża f’pożizzjoni dominanti ssostni, matul il-proċedura amministrattiva, li l-aġir tagħha ma kellux il-kapaċità li jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati u tipproduċi provi insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, l-awtorità tal-kompetizzjoni hija b’mod partikolari obbligata tevalwa l-eventwali eżistenza ta’ strateġija intiża li teskludi lill-kompetituri tal-inqas daqstant effettivi bħall-impriża f’pożizzjoni dominanti.

    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-analiżi tal-kapaċità ta’ esklużjoni hija rilevanti wkoll għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk sistema ta’ tnaqqis li bħala prinċipju taqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 102 TFUE tistax tkun oġġettivament iġġustifikata. Barra minn hekk, l-effett ta’ esklużjoni li jirriżulta minn sistema ta’ tnaqqis, żvantaġġuża għall-kompetizzjoni, jista’ jiġi kkumpensat, jew anki maqbuż, permezz tal-vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effikaċja li minnhom japprofitta wkoll il-konsumatur. Tali bbilanċjar tal-effetti, favorevoli u sfavorevoli għall-kompetizzjoni, tal-prattika kkontestata jista’ jsir biss wara analiżi tal-kapaċità ta’ esklużjoni tal-kompetituri li jkunu mill-inqas effiċjenti daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti, inerenti għall-prattika inkwistjoni.

    Issa, din il-preċiżazzjoni magħmula fis-sentenza Intel fir-rigward tas-sistemi ta’ tnaqqis għandha tinftiehem bħala li tapplika wkoll għall-klawżoli ta’ esklużività.

    Minn dan isegwi li, minn naħa, meta awtorità tal-kompetizzjoni tissuspetta li impriża tkun kisret l-Artikolu 102 TFUE billi tkun irrikorriet għal tali klawżoli u meta din tal-aħħar tikkontesta, matul il-proċedura, il-kapaċità konkreta tal-imsemmija klawżoli li jeskludu mis-suq kompetituri daqstant effiċjenti, bi provi insostenn, din l-awtorità għandha tiżgura ruħha, fl-istadju tal-karatterizzazzjoni tal-ksur, li dawn il-klawżoli kellhom, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kapaċità effettiva li jeskludu mis-suq kompetituri effiċjenti daqs din l-impriża.

    Min-naħa l-oħra, l-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun fetħet din il-proċedura għandha wkoll tevalwa, b’mod konkret, il-kapaċità ta’ dawn il-klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, meta, matul il-proċedura amministrattiva, l-impriża ssuspettata ssostni li jeżistu ġustifikazzjonijiet għall-aġir tagħha.

    Fi kwalunkwe każ, il-produzzjoni matul il-proċedura ta’ provi li jistgħu juru n-nuqqas ta’ kapaċità li jiġu prodotti effetti restrittivi toħloq l-obbligu li l-imsemmija awtorità tal-kompetizzjoni teżaminahom.

    Konsegwentement, meta l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun ipproduċiet studju ekonomiku sabiex turi li l-prattika li qed tiġi akkużata biha ma tistax teskludi kompetituri, l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti ma tistax teskludi r-rilevanza ta’ dan l-istudju mingħajr ma tesponi r-raġunijiet għalfejn hija tqis li dan ma jippermettix li tingħata prova tal-inkapaċità tal-prattiki kkontestati li jippreġudikaw il-kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat u, konsegwentement, mingħajr ma tqiegħed lil din l-impriża f’pożizzjoni li tiddetermina l-offerta ta’ prova li tkun tista’ titressaq minflokha.

    Peress li l-qorti tar-rinviju rreferiet espressament, fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha, għat-test tal-“kompetitur daqstant effettiv”, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fl-aħħar nett, li tali test huwa biss metodu fost oħrajn li jippermetti li jiġi evalwat jekk prattika jkollhiex il-kapaċità li tipproduċi effetti ta’ esklużjoni. Konsegwentement, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma jistax ikollhom l-obbligu ġuridiku li jużaw dan it-test sabiex jikkonstataw in-natura abbużiva ta’ prattika. Madankollu, jekk ir-riżultati ta’ test ta’ din in-natura jiġu ppreżentati mill-impriża kkonċernata matul il-proċedura amministrattiva, l-awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata teżamina l-valur probatorju tagħhom.


    ( 1 ) Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità ta’ Garanzija tal-Kompetizzjoni u tas-Suq, l-Italja).

    ( 2 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 138, iktar ’il quddiem is-“sentenza Intel”).

    Op