Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0556

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Mejju 2022.
    Schneider Electric SA et vs Premier ministre u Ministre de l’Economie, des Finances et de la Relance.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 90/435/KEE – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Artikolu 4 u Artikolu 7(2) – Prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika tad-dividendi.
    Kawża C-556/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:378

    Kawża C‑556/20

    Schneider Electric SE et

    vs

    Prim Ministru

    u

    Ministre de l’Economie, des Finances et de la Relance

    [talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (Franza)]

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat‑12 ta’ Mejju 2022

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 90/435/KEE – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Artikolu 4 u Artikolu 7(2) – Prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika tad-dividendi”

    1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 90/435 – Prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika – Eżenzjoni, għand il-kumpannija omm, tad-dividendi rċevuti – Miżura fiskali adottata mill-Istat Membru tal-kumpannija omm li tipprevedi l-ġbir ta’ ħlas bil-quddiem ta’ taxxa mar-ridistribuzzjoni minn din il-kumpannija tad-dividendi li ma jkunux ħallsu t-taxxa fuq il-kumpanniji bir-rata tad-dritt komuni – Taxxa li taqbeż il-limitu ta’ 5 % previst mid-Direttiva 90/435 – Inammissibbiltà – Possibbiltà għall-kumpannija omm li tibbenefika minn kreditu ta’ taxxa – Assenza ta’ effett

      (Direttiva tal-Kunsill 90/435, Artikolu 4)

      (ara l-punti 41 sa 49, 52 sa 54, 58 sa 65, 88 u d-dispożittiv)

    2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 90/435 – Eżenzjoni, għand il-kumpannija omm, tad-dividendi rċevuti – Eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew konvenzjonali intiżi li jneħħu jew itaffu t-taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi – Miżura fiskali adottata mill-Istat Membru tal-kumpannija omm li tipprevedi l-ġbir ta’ ħlas bil-quddiem ta’ taxxa mar-ridistribuzzjoni minn din il-kumpannija tad-dividendi li ma jkunux ħallsu t-taxxa fuq il-kumpanniji bir-rata tad-dritt komuni – Esklużjoni

      (Direttiva tal-Kunsill 90/435, Artikolu 7(2))

      (ara l-punti 67 sa 88, u d-dispożittiv)

    Sunt

    Il-kumpannija Schneider Electric SE kif ukoll kumpanniji oħra, li kollha għandhom ir-residenza fiskali tagħhom fi Franza, qassmu mill-ġdid lill-azzjonisti tagħhom, matul il-perijodu ta’ bejn l‑2000 u l‑2004, dividendi li ġejjin minn sussidjarji stabbiliti, b’mod partikolari, fi Stati Membri oħra.

    Minħabba din ir-ridistribuzzjoni, dawn il-kumpanniji sabu ruħhom suġġetti għal taxxa minn ras il-għajn imsemmija f’kummenti amministrattivi. Peress li dawn tal-aħħar irrepetew dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ( 1 ) inkompatibbli mad-Direttiva Kumpanniji Omm u Sussidjarji ( 2 ), huma ppreżentaw rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) sabiex jiksbu l-annullament tagħhom. Fil-fatt, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, it-taxxa minn ras il-għajn kienet dovuta fil-każ ta’ tqassim ta’ profitti li jagħtu lok għall-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa, meta dawn il-profitti ma jkunux ħallsu t-taxxa fuq il-kumpanniji bir-rata tad-dritt komuni fuq il-livell tal-kumpannija omm. F’dan ir-rigward, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeduċa mis-sentenza Accor ( 3 ) li l-kumpannija li tirċievi d-dividendi għandha dritt għal kreditu ta’ taxxa li jippermetti li jiġi żgurat l-istess trattament fiskali tad-dividendi li ġejjin minn kumpanniji stabbiliti fi Franza u ta’ dawk li ġejjin minn kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, imputabbli fuq it-taxxa minn ras il-għajn.

    Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn din il-qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva Kumpanniji Omm u Sussidjarji ( 4 ) tipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li kumpannija omm hija suġġetta għal ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fil-każ ta’ ridistribuzzjoni lill-azzjonisti tagħha ta’ profitti mħallsa mis-sussidjarji tagħha, meta dawn il-profitti ma jkunux ħallsu t-taxxa fuq il-kumpanniji bir-rata tad-dritt komuni, peress li s-somom dovuti abbażi ta’ dan il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa jaqbżu l-limitu massimu ta’ 5 % previst mill-istess direttiva. Barra minn hekk, tali ħlas bil-quddiem ta’ taxxa ma jaqax taħt id-dispożizzjoni ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li l-imsemmija direttiva ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew konvenzjonali intiżi li jneħħu jew inaqqsu t-taxxa doppja ekonomika tad-dividendi ( 5 ).

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota, qabelxejn, li d-Direttiva Kumpanniji Omm u Sussidjarji hija intiża sabiex tiżgura n-newtralità, fuq il-livell fiskali, tat-tqassim tal-profitti minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, din id-direttiva hija intiża li tevita taxxa doppja ta’ dawn il-profitti, f’termini ekonomiċi, jiġifieri, li jiġi evitat li l-profitti ddistribwiti jiġu affettwati, l-ewwel darba, għand il-kumpannija sussidjarja u, it-tieni darba, għand il-kumpannija omm ( 6 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-imsemmija direttiva tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintaxxaw lill-kumpannija omm għall-profitti ddistribwiti mis-sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont jekk l-avvenniment li jagħti lok għall-ħlas tat-taxxa huwiex ir-reċezzjoni ta’ dawn il-profitti jew ir-ridistribuzzjoni tagħhom.

    Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li taxxa tal-profitti ddistribwiti minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha mill-Istat Membru tal-kumpannija omm fir-rigward ta’ din il-kumpannija waqt ir-ridistribuzzjoni tagħhom, li jkollha bħala effett li tissuġġetta l-imsemmija profitti għal tassazzjoni li teċċedi l-limitu ta’ 5 % previst mid-Direttiva Kumpanniji Omm u Sussidjarji ( 7 ), tkun twassal għal taxxa doppja fuq il-livell tal-imsemmija kumpannija kuntrarja għal din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-applikazzjoni tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa, li kienet tikkorrispondi għall-kreditu ta’ taxxa marbut mad-dividendi mqassma mill-ġdid mill-kumpannija omm lill-azzjonisti tagħha, kienet tippermetti li l-imsemmija dividendi jiġu suġġetti għal taxxa, li taqbeż il-limitu ta’ 5 %, kuntrarju għad-Direttiva Kumpanniji Omm u Sussidjarji.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja teskludi li kreditu ta’ taxxa favur kumpanniji omm li jkunu rċevew dividendi minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, mogħti sabiex jirrimedja l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, jista’ jirrimedja l-effetti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li huma inkompatibbli mad-Direttiva Kumpanniji Omm u Sussidjarji. Fil-fatt, f’tali każ, il-kisba tal-kreditu ta’ taxxa hija suġġetta għall-introduzzjoni ta’ proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji kif ukoll għall-produzzjoni ta’ provi mill-persuna taxxabbli, filwaqt li din id-direttiva ma tippermettix li jiġu previsti tali kundizzjonijiet. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kreditu ta’ taxxa jwassal sabiex jiġi applikat metodu ta’ imputazzjoni għad-dividendi, filwaqt li l-Istat Membru jkun għażel il-metodu ta’ eżenzjoni, u ma jeskludix li jkun jista’ jibqa’ bilanċ tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa.

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa jaqax taħt l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva Kumpanniji Omm u Sussidjarji, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li din id-dispożizzjoni tippermetti biss li tinżamm l-applikazzjoni ta’ sistemi nazzjonali jew konvenzjonali li huma konformi mal-għan ta’ din id-direttiva u li huma intiżi li jneħħu jew inaqqsu biss it-taxxa doppja ekonomika tad-dividendi. Fid-dawl ta’ dan l-għan, imposta fiskali tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jekk l-applikazzjoni tagħha ma tannullax l-effetti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew konvenzjonali intiżi li jneħħu jew inaqqsu din it-taxxa doppja.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li, anki jekk il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa jaqa’ fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi għall-prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika tad-dividendi fuq il-livell nazzjonali, l-applikazzjoni tal-imsemmi ħlas bil-quddiem ta’ taxxa seta’ kellu l-effett li jissuġġetta l-profitti rċevuti minn kumpannija omm mis-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stat Membru ieħor għal taxxa doppja ekonomika meta jiġu ddistribwiti mill-ġdid. Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li twassal għal tali taxxa doppja ma tistax tkun kompatibbli mal-għan tad-Direttiva Kumpanniji Omm u Sussidjarji, anki meta l-effetti ta’ din it-taxxa doppja jkunu eventwalment imnaqqsa b’talba ulterjuri ta’ restituzzjoni tal-ammonti mħallsa indebitament fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa mogħti permezz tal-ġurisprudenza.


    ( 1 ) Artikolu 223 sexies tal-code général des impôts français (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi Franċiż), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

    ( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat‑23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Kumpanniji Omm u Sussidjarji”).

    ( 3 ) Sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Accor (C‑310/09, EU:C:2011:581).

    ( 4 ) Artikolu 4(1) tad-Direttiva Kumpanniji Omm u Sussidjarji.

    ( 5 ) Artikolu 7(2) tad-Direttiva Kumpanniji Omm u Sussidjarji.

    ( 6 ) L-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Kumpanniji Omm u Sussidjarji.

    ( 7 ) Artikolu 4(2) tad-Direttiva Kumpanniji Omm u Sussidjarji.

    Top