Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0300

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Frar 2022.
    Bund Naturschutz in Bayern eV vs Landkreis Rosenheim.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ – Artikolu 3(2)(a) – Atti elaborati għal ċerti setturi u li jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92/UE tista’ tiġi awtorizzata fil-futur – Artikolu 3(4) – Atti li jiddefinixxu kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti tista’ tkun awtorizzata fil-futur – Regolament ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ adottat minn awtorità lokali.
    Kawża C-300/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:102

    Kawża C-300/20

    Bund Naturschutz in Bayern e.V.

    vs

    Landkreis Rosenheim

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑22 ta’ Frar 2022

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ – Artikolu 3(2)(a) – Atti elaborati għal ċerti setturi u li jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92/UE tista’ tiġi awtorizzata fil-futur – Artikolu 3(4) – Atti li jiddefinixxu kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti tista’ tkun awtorizzata fil-futur – Regolament ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ adottat minn awtorità lokali”

    1. Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttiva 2001/42 – Pjan u programm – Kunċett – Miżura nazzjonali intiża li tipproteġi n-natura u l-pajsaġġ adottata minn awtorità lokali– Inklużjoni – Natura ġenerali u astratta tal-imsemmija miżura – Assenza ta’ effett

      (Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill 2001/42, Artikolu 2(a))

      (ara l-punti 35 sa 41)

    2. Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttiva 2001/42 – Kamp ta’ applikazzjoni – Pjanijiet u programmi li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent – Setturi msemmija fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92 – Miżura nazzjonali intiża li tipproteġi n-natura u l-pajsaġġ u li tinkludi regoli dwar attivitajiet li jaqgħu taħt dawn is-setturi – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Att li jistabbilixxi ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġetti li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent – Miżura li tistabbilixxi projbizzjonijiet ġenerali u obbligi ta’ awtorizzazzjoni mingħajr ma tipprovdi regoli dettaljati biżżejjed fuq dawn il-proġetti – Esklużjoni

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/42, Artikoli 3(2)(a) u 2011/92, Annessi I u II)

      (ara l-punti 47 sa 53, 55 sa 70, u d-dispożittiv 1)

    3. Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttiva 2001/42 – Kamp ta’ applikazzjoni – Pjanijiet u programmi li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent – Atti li jiddefinixxu qafas għall-awtorizzazzjoni ta’ implimentazzjoni ta’ proġetti futuri – Kunċett – Att li jistabbilixxi ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġetti li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent – Miżura nazzjonali intiża li tipproteġi n-natura u l-pajsaġġ billi tistabbilixxi projbizzjonijiet ġenerali u obbligi ta’ awtorizzazzjoni mingħajr ma tipprovdi regoli ddettaljati biżżejjed dwar dawn il-proġetti – Esklużjoni

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/42, Artikolu 3(4))

      (ara l-punti 72 sa 74, u d-dispożittiv 2)

    Sunt

    Fl‑2013, il-Landkreis Rosenheim (id-Distrett Amministrattiv ta’ Rosenheim, il-Ġermanja) adotta regolament dwar żona ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Inntal Süd”) ( 1 ), mingħajr ma wettaq minn qabel evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva 2001/42 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent ( 2 ). Ir-Regolament Inntal Süd qiegħed taħt protezzjoni żona ta’ madwar 4021 ettaru, jiġifieri żona ta’ madwar 650 ettaru inqas minn dik koperta mir-regolamenti preċedenti.

    Bund Naturschutz in Bayern eV, assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, ikkontestat dan ir-regolament quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja). Peress li t-talba tagħha ġiet miċħuda bħala inammissibbli, l-assoċjazzjoni ppreżentat appell għal reviżjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja).

    Din l-aħħar qorti tqis li r-Regolament Inntal Süd jikkostitwixxi pjan jew programm fis-sens ta-Direttiva 2001/42. Madankollu, peress li għandha dubji dwar l-obbligu tad-distrett ta’ Rosenheim li jwettaq, skont id-direttiva, evalwazzjoni ambjentali qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament, hija ddeċidiet li tagħmel din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    Fis-sentenza tagħha, mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kunċett ta’ pjanijiet u programmi li għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva 2001/42.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li d-Direttiva 2001/42 tkopri l-pjanijiet u l-programmi li huma, minn naħa, imfassla jew adottati minn awtorità fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali u, min-naħa l-oħra, meħtieġa minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi.

    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jitqiesu bħala “meħtieġa”, fis-sens u għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42, il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija rregolata minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali, li jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawhom kif ukoll il-proċedura għall-preparazzjoni tagħhom. Għalhekk, miżura għandha titqies li hija “meħtieġa” meta fid-dritt nazzjonali teżisti bażi legali partikolari li tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jadottawha, anki jekk din l-adozzjoni ma tkunx obbligatorja.

    Għaldaqstant, peress li r-Regolament Inntal Süd ġie adottat minn awtorità lokali abbażi ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, huwa jikkostitwixxi pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva 2001/42. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li n-natura ġenerali tal-imsemmi regolament, li tinkludi dispożizzjonijiet ġenerali u astratti li jistabbilixxu rekwiżiti ġenerali, ma tipprekludix tali kwalifika. Effettivament, il-fatt li att nazzjonali jkollu ċertu livell astratt u li jfittex għan ta’ trasformazzjoni ta’ żona ġeografika jikkostitwixxi illustrazzjoni tad-dimensjoni pjanifikatriċi jew programmatika tiegħu u ma jipprekludix l-inklużjoni tiegħu fil-kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’.

    Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk miżura nazzjonali bħar-Regolament Inntal Süd, li hija intiża li tipproteġi n-natura u l-pajsaġġ u tipprovdi għal dan il-għan projbizzjonijiet ġenerali u obbligi ta’ awtorizzazzjoni, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42. Din id-dispożizzjoni tipprovdi l-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali għall-pjanijiet u l-programmi kollha li jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi.

    Fl-ewwel lok, il-pjanijiet u l-programmi għandhom “jikkonċernaw” jew “jittrattaw” wieħed mis-setturi elenkati fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 ( 3 ). Fil-każ ineżami, jidher li din l-ewwel kundizzjoni hija ssodisfatta skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-fatt li l-għan prinċipali ta’ pjan jew ta’ programm ikun il-protezzjoni tal-ambjent ma jeskludix li dan jista’ wkoll “jikkonċerna” jew “jitratta” wieħed mis-setturi elenkati mill-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, il-qofol stess tal-miżuri ta’ portata ġenerali ppreparati bil-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent huwa preċiżament li jiġu rregolati l-attivitajiet tal-bniedem li għandhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent, fosthom dawk li jaqgħu taħt is-setturi msemmija.

    Fit-tieni lok, il-pjanijiet jew il-programmi għandhom jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92 ( 4 ) dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.

    Dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt meta pjan jew programm jistabbilixxi ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ wieħed jew iktar mill-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92, b’mod partikolari fir-rigward tal-lokalizzazzjoni, tan-natura, tad-daqs u tal-kundizzjonijiet ta’ funzjonament ta’ tali proġetti, jew l-attribuzzjoni ta’ riżorsi marbuta ma’ dawn il-proġetti. Kuntrarjament, meta pjan jew proġett, bħar-Regolament Inntal Süd, jillimita ruħu li jiddefinixxi l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ f’termini ġenerali u jissuġġetta l-attivitajiet jew il-proġetti fiż-żona ta’ protezzjoni għal obbligu ta’ awtorizzazzjoni, mingħajr madankollu ma jipprovdi kriterji jew modalitajiet għall-awtorizzazzjoni jew għall-implimentazzjoni tal-imsemmija proġetti, l-imsemmi rekwiżit ma jkunx issodisfatt, anki jekk l-imsemmi regolament jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq il-lokalizzazzjoni tal-proġetti.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li r-Regolament Inntal Süd ma jikkostitwixxix pjan jew programm li għandu jiġi suġġett għal evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, sa fejn dan ma jipprovdix regoli ddettaljati biżżejjed fir-rigward tal-kontenut, tat-tfassil u tal-implimentazzjoni ta’ proġetti msemmija fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li miżura nazzjonali intiża li tipproteġi n-natura u l-pajsaġġ u li, għal dan il-għan, tistabbilixxi projbizzjonijiet ġenerali kif ukoll obbligi ta’ awtorizzazzjoni mingħajr ma tipprovdi regoli suffiċjentement iddettaljati fir-rigward tal-kontenut, tat-tfassil u tal-implimentazzjoni ta’ proġetti msemmija fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92, lanqas ma taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2001/42, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk il-pjanijiet u programmi, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, li jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti tista’ tiġi awtorizzata għall-futur, għandhomx effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.


    ( 1 ) Verordnung des Landkreises Rosenheim über das Landschaftsschutzgebiet “Inntal Süd”.

    ( 2 ) Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).

    ( 3 ) Jiġifieri l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar tal-iskart, l-amministrazzjoni tal-ilma, it-telekomunikazzjoni, it-turiżmu, l-ippjanar urban u rurali jew l-użu tal-art.

    ( 4 ) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), li ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KE tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).

    Top