Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0251

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2021.
    Gtflix Tv vs DR.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 1215/2012 – Punt 2 tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitt jew kważi delitt – Pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ dikjarazzjonijiet allegatament dispreġattivi fir-rigward ta’ persuna – Post fejn seħħ id-dannu – Qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tagħhom kontenut imqiegħed online huwa jew kien aċċessibbli.
    Kawża C-251/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:1036

    Kawża C‑251/20

    Gtflix Tv

    vs

    DR

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑21 ta’ Diċembru 2021

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 1215/2012 – Punt 2 tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitt jew kważi delitt – Pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ dikjarazzjonijiet allegatament dispreġattivi fir-rigward ta’ persuna – Post fejn seħħ id-dannu – Qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tagħhom kontenut imqiegħed online huwa jew kien aċċessibbli”

    1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni speċjali – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi delitt – Post fejn seħħ id-dannu – Malafama transkonfinali permezz tal-istampa – Qrati ta’ kull Stat Membru li għandhom jikkorrispondu, skont it-talbiet tagħha, għal post ta’ ħsara għar-reputazzjoni tal-vittma – Ġurisdizzjoni limitata għad-danni kkawżati fl-Istat Membru tal-qorti adita

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1215/2012, premessa 16 u l-punt 2 tal-Artikolu 7)

      (ara l-punt 29)

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni speċjali – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi delitt – Ksur tad-drittijiet tal-personalità permezz tat-tixrid ta’ dikjarazzjonijiet dispreġattivi fuq l-internet – Post fejn seħħ id-dannu – Persuna kkonċernata li titlob simultanjament it-tneħħija ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u r-rettifika tal-informazzjoni ppubblikata, minn naħa, u l-kumpens għad-dannu li rriżulta minn dan it-tqegħid online, min-naħa l-oħra – Talba għal kumpens imressqa quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru ta’ tixrid tal-imsemmija dikjarazzjonijiet u intiża għall-kumpens għad-dannu kkawżat fl-Istat Membru tal-qorti adita – Ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ din it-talba għal kumpens parzjali – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni tat-talba għal rettifika u għal tneħħija – Assenza ta’ effett sabiex tittieħed konjizzjoni tal-imsemmija talba għal kumpens parzjali

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1215/2012, punt 2 tal-Artikolu 7)

      (ara l-punti 30 sa 33, 35 sa 37, 41, 43, u d-dispożittiv)

    Sunt

    Tixrid ta’ dikjarazzjonijiet allegatament dispreġattivi fuq l-internet: il-kumpens għad-dannu li jirriżulta minnu fit-territorju ta’ Stat Membru jista’ jintalab mill-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

    Din il-ġurisdizzjoni hija suġġetta biss għall-kundizzjoni li l-kontenut li jikkawża preġudizzju jkun jew kien aċċessibbli f’dan it-territorju

    Gtflix Tv (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) hija kumpannija stabbilita fir-Repubblika Ċeka li tipproduċi u xxerred kontenut awdjoviżiv għall-adulti. DR, iddomiċiljat fl-Ungerija, huwa professjonist ieħor f’dan il-qasam.

    Ir-rikorrenti, li tikkritika lil DR talli xerred dikjarazzjonijiet dispreġattivi fil-konfront tagħha fuq diversi siti internet, ħarrkitu quddiem il-qrati Franċiżi, billi talbet, minn naħa, it-tħassir ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u r-rettifika tal-informazzjoni ppubblikata u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-imsemmija dikjarazzjonijiet. Kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, dawn il-qrati ddikjaraw li ma kellhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ dawn it-talbiet.

    Quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), ir-rikorrenti talbet l-annullament tas-sentenza mogħtija mill-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell), li kisret ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 1 ) favur il-qrati “tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, billi ddeċidiet li ma huwiex biżżejjed, sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, li d-dikjarazzjonijiet meqjusa bħala dispreġattivi li jkunu ġew ippubblikati fuq l-internet ikunu aċċessibbli fit-territorju ta’ din il-qorti, iżda li huwa neċessarju wkoll li dawn ikunu jistgħu jikkawżaw dannu hemmhekk.

    Il-qorti tar-rinviju, billi qieset b’mod partikolari li ċ-ċentru tal-interessi tar-rikorrenti kien stabbilit fir-Repubblika Ċeka u billi kkonstatat li DR huwa ddomiċiljat fl-Ungerija, iddeċidiet li l-qrati Franċiżi ma kellhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba intiża għat-tneħħija tad-dikjarazzjonijiet allegatament dispreġattivi u għar-rettifika tal-informazzjoni ppubblikata. Madankollu, hija ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-qrati Franċiżi għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba għal kumpens għal dak li jirrigwarda d-dannu li allegatament ġie kkawżat lir-rikorrenti fit-territorju li fih jinsabu dawn il-qrati, u dan anki jekk dawn ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba għal rettifika u għal tħassir.

    Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala kulleġġ ġudikanti, tagħti preċiżazzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjoni għal kumpens skont fejn ikun seħħ id-dannu fuq l-internet.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li persuna li, billi tqis li jkun twettaq ksur tad-drittijiet tagħha permezz tat-tixrid ta’ dikjarazzjonijiet dispreġattivi fil-konfront tagħha fuq l-internet, taġixxi fl-istess ħin għall-finijiet, minn naħa, tar-rettifika tal-informazzjoni u tat-tneħħija tal-kontenut imqiegħed online dwarha, u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu li rriżulta minn dan it-tqegħid online, tista’ titlob, quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu dawn id-dikjarazzjonijiet kienu aċċessibbli, il-kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat lilha fl-Istat Membru tal-qorti adita, għalkemm dawn il-qrati ma jkollhomx il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba għal rettifika u għal tneħħija.

    Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tagħha, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 favur il-qrati “tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” tkopri kemm il-post tal-avveniment kawżali kif ukoll dak fejn ikun seħħ id-dannu, fejn kull wieħed miż-żewġ postijiet jista’, skont iċ-ċirkustanzi, jipprovdi indikazzjoni partikolarment utli għal dak li jirrigwarda l-prova u l-organizzazzjoni tal-proċess.

    Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-personalità permezz ta’ kontenut imqiegħed online fuq sit internet, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar ukoll li l-persuna li tħossha leża għandha l-possibbiltà tressaq azzjoni għad-danni, bil-għan li jiġi kkumpensat id-dannu kollu kkawżat, quddiem il-qrati tal-post ta’ stabbiliment tal-persuna li xerrdet dan il-kontenut skont il-post tal-avveniment kawżali, jew quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn ikun jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha skont fejn ikun seħħ id-dannu. Din il-persuna tista’ tressaq wkoll, minflok azzjoni għad-danni intiża sabiex jiġi kkumpensat id-dannu kollu kkawżat, l-azzjoni tagħha quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu kontenut jitqiegħed jew tqiegħed online. Madankollu, dawn għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu biss dwar id-danni kkawżati fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti adita.

    Konsegwentement, skont il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, kif interpretat mill-ġurisprudenza preċedenti, persuna li tħossha leża mit-tqegħid online ta’ informazzjoni fuq sit internet tista’ tressaq kawża, għall-finijiet tar-rettifika ta’ din l-informazzjoni u tat-tneħħija tal-kontenut imqiegħed online, quddiem il-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-totalità ta’ talba għall-kumpens għad-dannu, jiġifieri quddiem il-qorti tal-post ta’ stabbiliment tal-persuna li tkun xerrdet dan il-kontenut skont il-post tal-avveniment kawżali, jew quddiem dik li fit-territorju tagħha jkun jinsab iċ-ċentru tal-interessi ta’ din il-persuna skont fejn ikun seħħ id-dannu.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li talba għar-rettifika tal-informazzjoni u għat-tneħħija tal-kontenut imqiegħed online ma tistax titressaq quddiem qorti differenti minn dik li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-totalità ta’ talba għal kumpens għad-dannu, għar-raġuni li tali talba għal rettifika u għal tneħħija hija waħda u indiviżibbli.

    Min-naħa l-oħra, talba dwar il-kumpens għad-dannu jista’ jkollha bħala għan kumpens sħiħ jew kumpens parzjali. Għalhekk, ma huwiex iġġustifikat li tiġi eskluża, għal din l-istess raġuni, il-possibbiltà għar-rikorrent li jressaq it-talba tiegħu għal kumpens parzjali quddiem kull qorti oħra li fit-territorju tagħha huwa jqis li ġarrab dannu.

    Barra minn hekk, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja lanqas ma timponi li tiġi eskluża tali possibbiltà, peress li qorti li jkollha ġurisdizzjoni biss sabiex tieħu konjizzjoni tad-dannu mġarrab fl-Istat Membru li fih hija tinsab tidher li tkun ukoll f’pożizzjoni li tevalwa, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija f’dan l-Istat Membru u fid-dawl tal-provi miġbura fih, is-seħħ u l-portata tad-dannu allegat.

    Fl-aħħar nett, l-għoti, lill-qrati kkonċernati, tal-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni biss tad-dannu kkawżat fit-territorju tal-Istat Membru li fih huma jinsabu huwa suġġett biss għall-kundizzjoni li l-kontenut li jikkawża preġudizzju jkun jew kien aċċessibbli f’dan it-territorju, peress li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jimponix kundizzjoni oħra f’dan ir-rigward. Iż-żieda ta’ kundizzjonijiet addizzjonali tista’ fil-prattika twassal għall-esklużjoni tal-possibbiltà, għall-persuna kkonċernata, li tressaq talba għal kumpens parzjali quddiem il-qrati li fit-territorju tagħhom din il-persuna tkun tqis li ġarrbet dannu.


    ( 1 ) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). B’mod iktar preċiż, skont il-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament: “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor: […] fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq […].”

    Top