Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0237

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ April 2022.
    Federatie Nederlandse Vakbeweging vs Heiploeg Seafood International BV u Heitrans International BV.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KEE – Artikoli 3 sa 5 – Trasferimenti ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Eċċezzjonijiet – Proċedura ta’ insolvenza — “pre-pack” – Sopravivenza ta’ impriża – Trasferiment ta’ (parti minn) impriża wara dikjarazzjoni ta’ falliment ippreċeduta minn pre-pack.
    Kawża C-237/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:321

    Kawża C‑237/20

    Federatie Nederlandse Vakbeweging

    vs

    Heiploeg Seafood International BV
    u
    Heitrans International BV

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi))

    Sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) tat‑28 ta’ April 2022

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KEE – Artikoli 3 sa 5 – Trasferimenti ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Eċċezzjonijiet – Proċedura ta’ insolvenza – “pre-pack” – Sopravivenza ta’ impriża – Trasferiment ta’ (parti minn) impriża wara dikjarazzjoni ta’ falliment ippreċeduta minn pre-pack”

    1. Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trasferimenti ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Direttiva 2001/23 – Eċċezzjonijiet – Trasferiment ta’ impriża li jseħħ wara dikjarazzjoni ta’ falliment ippreċeduta minn pre-pack – Pre-pack għandu l-għan li jippermetti, fil-proċedura ta’ falliment, likwidazzjoni tal-impriża avvjata sabiex il-kredituri jiġu ssodisfatti bl-aħjar mod u sabiex kemm jista’ jkun jinżamm l-impjieg – Inklużjoni – Kundizzjoni

      (Direttiva tal-Kunsill 2001/23, Artikoli 3, 4 u 5(1) u (2))

      (ara l-punti 47, 49, 55 u d-dispożittiv 1)

    2. Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trasferimenti ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Direttiva 2001/23 – Eċċezzjonijiet – Trasferiment ta’ impriża li jseħħ wara dikjarazzjoni ta’ falliment ippreċeduta minn pre-pack – Pre-pack imwettaq minn kuratur prospettiv, imqiegħed taħt il-kontroll ta’ imħallef superviżur prospettiv, maħtur mill-qorti kompetenti – Konklużjoni u eżekuzzjoni tal-ftehim dwar it-trasferiment wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment intiża għal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent – Inklużjoni – Kundizzjoni – Żmien li għadda bejn il-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment u l-iffirmar tal-ftehim – Assenza ta’ effett

      (Direttiva tal-Kunsill 2001/23, Artikoli 3, 4 u 5(1))

      (ara l-punti 62, 66 u d-dispożittiv 2)

    Sunt

    Falliment ta’ impriża u dritt tal-ħaddiema: fil-każ ta’ trasferiment ta’ assi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack, iċ-ċessjonarju għandu d-dritt li jidderoga miż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema, jekk din il-proċedura tkun irregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji

    Il-grupp Heiploeg (iktar ’il quddiem “Ex Grupp Heiploeg”) kien kompost minn diversi kumpanniji attivi fil-qasam tal-kummerċ bl-ingrossa ta’ ħut u ta’ frott tal-baħar. Matul is-snin 2011 u 2012, l-Ex Grupp Heiploeg akkumula telf finanzjarju sostanzjali u, fl-2013, ġiet imposta fuq erba’ mill-kumpanniji tiegħu multa ta’ EUR 27 miljun talli pparteċipaw f’akkordju. Peress li l-ebda bank ma aċċetta li jiffinanzja din il-multa, inbdiet proċedura ta’ pre-pack.

    Fid-dritt Olandiż, il-pre-pack hija prattika ta’ oriġini ġurisprudenzjali li għandha bħala għan li tippermetti, waqt il-proċedura ta’ falliment, likwidazzjoni tal-impriża avvjata (going concern) sabiex il-kredituri jiġu ssodisfatti bl-aħjar mod u sabiex kemm jista’ jkun jinżamm l-impjieg. It-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ tal-impriża kollha jew parti minnha, huma organizzati, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, minn “kuratur prospettiv”, li l-missjoni tiegħu hija ddeterminata mill-qorti kompetenti li taħtru u mill-indikazzjonijiet pprovduti minn din tal-aħħar jew mill-“imħallef superviżur prospettiv” maħtur minn din l-istess qorti għal dan il-għan u taħt il-kontroll li taħtu jitqiegħed. Fil-każ ta’ proċedura sussegwenti ta’ insolvenza, din il-qorti tikkontrolla jekk dawn il-persuni jkunux segwew l-indikazzjonijiet kollha li ngħatawlhom u, jekk dan ma jkunx il-każ, jaħtru persuni oħra bħala kuratur u imħallef superviżorju fil-mument tad-dikjarazzjoni tal-falliment.

    F’dan il-kuntest, f’Jannar 2014, fuq talba tal-Ex Grupp Heiploeg, il-qorti kompetenti ħatret żewġ “kuraturi prospettivi” u “imħallef superviżur prospettiv”. Fl-istess xahar, l-Ex Grupp Heiploeg ġie ddikjarat fallut u dawn l-istess persuni nħatru, rispettivament, bħala kuraturi u imħallef-superviżorju.

    Żewġ kumpanniji Olandiżi (iktar ’il quddiem “Heiploeg il-Ġdida”), irreġistrati fir-Reġistru tal-Kummerċ fil‑21 ta’ Jannar 2014, ħadu l-parti l-kbira tal-attivitajiet kummerċjali tal-Ex Grupp Heiploeg abbażi ta’ ftehim ta’ ċessjoni tal-assi. Skont dan il-ftehim, Heiploeg il-Ġdida ħadet il-kuntratti ta’ xogħol ta’ madwar żewġ terzi tal-impjegati tal-Ex Grupp Heiploeg sabiex huma jeżerċitaw l-istess xogħol, għalkemm b’kundizzjonijiet inqas favorevoli.

    Il-Federatie Nederlandse Vakbeweging (il-Federazzjoni tal-Moviment Sindakali Olandiż, iktar ’il quddiem l-“FNV”) appellat mis-sentenza li tiddikjara l-falliment tal-Ex Grupp Heiploeg. Dan l-appell ġie miċħud minħabba li dan il-falliment kien sar inevitabbli u, abbażi ta’ dan il-fatt, deroga għaż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi hija applikabbli f’dan il-każ. Konsegwentement, Heiploeg il-Ġdida ma tkunx marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg applikabbli qabel it-trasferiment.

    Skont id-Direttiva2001/23 ( 1 ), intiża li tipproteġi lill-ħaddiema b’mod partikolari sabiex tiżgura ż-żamma tad-drittijiet tagħhom fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża, tliet kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti sabiex din id-deroga tkun applikabbli: iċ-ċedent għandu jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment jew ta’ proċedura ta’ insolvenza analoga, liema proċedura għandha tinfetaħ bil-għan tal-likwidazzjoni tal-assi tiegħu u għandha taqa’ taħt il-kontroll tal-awtorità pubblika kompetenti (jew ta’ amministrazzjoni awtorizzata minn tali awtorità).

    L-FNV ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), fejn sostniet li, għall-kuntrarju, din id-deroga ma kinitx applikabbli fil-każ ta’ proċedura ta’ pre-pack u li, minħabba dan il-fatt, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-persunal meħud għandhom jinżammu.

    Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari minn din il-qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li, fil-każ ta’ trasferiment ippreparat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack, bħal dik f’din il-kawża, u suġġett għall-fatt li tali proċedura tkun irregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji, iċ-ċessjonarju għandu, bħala prinċipju, id-dritt li jidderoga miż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema ( 2 ).

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, fir-rigward tal-kundizzjoni intiża għall-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment jew ta’ proċedura ta’ insolvenza analoga bil-għan tal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent ( 3 ), li, f’dan il-każ, l-insolvenza taċ-ċedent hija inevitabbli u li kemm il-proċedura ta’ falliment kif ukoll il-proċedura ta’ pre-pack li ppreċedietha kienu jipprevedu l-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent, li kienet ġiet iddikjarata. It-trasferiment tal-impriża twettaq ukoll waqt din il-proċedura ta’ falliment.

    L-għan tad-deroga għaż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema hija li teskludi r-riskju serju ta’ deterjorament tal-valur tal-impriża ttrasferita jew tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema, filwaqt li dik tal-proċedura ta’ pre-pack segwita minn proċedura ta’ falliment hija li tikseb ir-rimbors l-iktar għoli possibbli għall-kredituri kollha u li jinżamm l-impjieg sa fejn hu possibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li l-użu ta’ proċedura ta’ pre-pack, għall-finijiet tal-likwidazzjoni ta’ kumpannija, jseħħ sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ sodisfazzjon tal-kredituri. Konsegwentement il-proċeduri ta’ pre-pack u ta’ falliment, meħuda flimkien, jistgħu jitqiesu li huma intiżi għal-likwidazzjoni tal-impriża fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/23, suġġett għall-fatt li l-pre-pack tkun irregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-proċedura ta’ pre-pack inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies li ġiet implimentata taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika kompetenti, kif mitlub mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/23, suġġett għall-fatt li tali proċedura tkun irregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji. Fil-fatt, il-“kuratur prospettiv” u l-“imħallef superviżur prospettiv” jinħatru mill-qorti kompetenti għall-proċedura ta’ pre-pack, li tiddefinixxi l-funzjonijiet tagħhom u tipproċedi, waqt il-ftuħ sussegwenti tal-proċedura ta’ falliment, għal kontroll tal-eżerċizzju ta’ dawn il-proċeduri, billi tiddeċiedi jekk taħtarx jew le, bħala kuratur u bħala mħallef superviżorju tal-proċedura ta’ falliment, dawn l-istess persuni.

    Barra minn hekk, it-trasferiment ippreparat matul il-proċedura ta’ pre-pack jitwettaq biss wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment, il-kuratur u l-imħallef superviżorju jistgħu jirrifjutaw li jipproċedu għal din iċ-ċessjoni jekk iqisu li dan imur kontra l-interess tal-kredituri taċ-ċedent. Jingħad ukoll li, il-“kuratur prospettiv” mhux biss għandu jirrapporta l-ġestjoni tiegħu tal-fażi preparatorja fir-rapport ta’ falliment, iżda jista’ wkoll jinżamm responsabbli bl-istess kundizzjonijiet bħall-kuratur tal-falliment.


    ( 1 ) Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/23”), Artikolu 5(1).

    ( 2 ) Dawn huma d-drittijiet previsti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva jirrigwarda t-trasferiment tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol li jorbtu liċ-ċedent maċ-ċessjonarju, filwaqt li l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 jipprojbixxi t-tkeċċija tal-ħaddiema għal raġuni unika ta’ trasferiment.

    ( 3 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn il-proċedura ta’ pre-pack inkwistjoni u dik fil-kawża li tat lok għas-sentenza Federatie Nederlandse Vakvereniging et. (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et., C‑126/16, EU:C:2017:489), fejn indikat li din tal-aħħar ma kinitx intiża għal-likwidazzjoni tal-impriża kkonċernata.

    Top