Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0228

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ April 2022.
    I GmbH vs Finanzamt H.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 132(1)(b) – Eżenzjonijiet favur ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali – Eżenzjoni tal-kura fi sptar u tal-kura medika – Stabbiliment li huwa sptar privat – Stabbiliment debitament irrikonoxxut – Kundizzjonijiet soċjali komparabbli.
    Kawża C-228/20.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:275

    Kawża C‑228/20

    I GmbH

    vs

    Finanzamt H

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Niedersächsisches Finanzgericht)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) tas‑7 ta’ April 2022

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 132(1)(b) – Eżenzjonijiet favur ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali – Eżenzjoni tal-kura fi sptar u tal-kura medika – Stabbiliment li huwa sptar privat – Stabbiliment debitament irrikonoxxut – Kundizzjonijiet soċjali komparabbli”

    1. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet – Eżenzjonijiet favur ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali – Eżenzjoni tal-kura fi sptar u tal-kura medika kif ukoll tat-tranżazzjonijiet marbuta mill-qrib magħhom – Stabbilimenti debitament irrikonoxxuti – Kunċett – Sptarijiet privati – Inklużjoni

      (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 132(1)(c) u 133)

      (ara l-punti 48 sa 52, 55 sa 60)

    2. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet – Eżenzjonijiet favur ċerti attivitajiet ta' interess ġenerali – Eżenzjoni tal-kura fi sptar u tal-kura medika kif ukoll tat-tranżazzjonijiet marbuta mill-qrib magħhom – Stabbilimenti debitament irrikonoxxuti – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-rikonoxximent tal-istabbilimenti – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Limitu – Osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali

      (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 132(1)(b))

      (ara l-punti 61 sa 63)

    3. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet – Eżenzjonijiet favur ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali – Eżenzjoni tal-kura fi sptar u tal-kura medika kif ukoll tat-tranżazzjonijiet marbuta mill-qrib magħhom – Servizzi ta’ kura pprovduti minn sptarijiet privati – Provvista ta’ servizzi simili f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku – Leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal għal trattament differenti fir-rigward tal-eżenzjoni – Inammissibbiltà

      (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 132(1)(b))

      (ara l-punt 70 u d-dispożittiv 1)

    4. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet – Eżenzjonijiet favur ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali – Eżenzjoni tal-kura fi sptar u tal-kura medika kif ukoll tat-tranżazzjonijiet marbuta mill-qrib magħhom – Servizzi ta’ kura pprovduti minn sptarijiet privati – Provvista ta’ servizzi simili f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku – Verifika tan-natura komparabbli tal-kundizzjonijiet soċjali – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

      (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 132(1)(b))

      (ara l-punti 75 sa 83, u d-dispożittiv 2)

    Sunt

    I GmbH hija kumpannija rregolata mid-dritt privat Ġermaniż li għandha bħala għan, b’mod partikolari, l-operat ta’ sptar fil-qasam tan-newroloġija. Hija tipprovdi, bl-awtorizzazzjoni tal-Istat, servizzi tal-isptarijiet, fis-sens tad-dritt Ġermaniż, lil pazjenti li jaqgħu, fir-rigward tal-ħlas tal-ispejjeż mediċi tagħhom, taħt sistemi differenti, fosthom skemi ta’ assigurazzjoni għall-mard privati jew statutorji. Dawn il-pazjenti huma ttrattati każ b’każ, wara konferma li ser tittieħed responsabbiltà għall-ħlas tal-ispejjeż tagħhom mis-servizzi tal-“Beihilfe” (għajnuna mħallsa lill-uffiċjali f’każ ta’ mard), mill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard, mill-fondi sostituti jew mill-assigurazzjonijiet privati.

    Fid-dikjarazzjonijiet fiskali tagħha għas-snin 2009 sa 2012, I kkunsidrat is-servizzi tal-isptarijiet iffatturati abbażi ta’ tariffi b’rata fissa għall-kura u t-tariffi ffatturati lit-tobba li jkollhom sodod f’dipartiment tal-isptar, bħala tranżazzjonijiet eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).

    Skont id-dritt tal-Unjoni ( 1 ), għandhom jiġu eżentati mill-VAT is-servizzi tal-isptarijiet ipprovduti minn organi rregolati mid-dritt pubbliku jew, f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli għal dawk applikabbli għal dawn tal-aħħar, mill-isptarijiet u minn stabbilimenti oħra tal-istess natura debitament irrikonoxxuti ( 2 ). Il-liġi Ġermaniża li tittrasponi d-Direttiva dwar il-VAT tipprevedi li s-servizzi tal-isptarijiet ipprovduti minn organi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom jiġu eżentati mill-VAT u li sptar li ma jkunx organu rregolat mid-dritt pubbliku jista’ jibbenefika wkoll minn din l-eżenzjoni, fir-rigward tal-istess servizzi, jekk ikollu approvazzjoni fis-sens tad-dritt nazzjonali, jew minħabba l-integrazzjoni tiegħu fil-pjan tal-isptarijiet ta’ Land jew minħabba l-konklużjoni ta’ kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura mal-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard jew mal-fondi sostituti statutorji.

    F’dan il-każ, qabel l-1 ta’ Lulju 2012, I ma kinitx ikkunsidrata bħala sptar approvat fis-sens tad-dritt Ġermaniż. Għall-kuntrarju, peress li kkonkludiet ma’ fond ta’ assigurazzjoni għal inċidenti kuntratt qafas li daħal fis-seħħ f’din id-data, I setgħet tinvoka l-eżenzjoni għas-servizzi tal-isptarijiet imwettqa wara din id-data.

    I ikkontestat quddiem il-qorti tar-rinviju d-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa li qieset li l-parti l-kbira tas-servizzi pprovduti qabel l-1 ta’ Lulju 2012 ma kellhomx jiġu eżentati mill-VAT. Skont I, dawn is-servizzi huma eżentati skont id-Direttiva dwar il-VAT.

    Il-qorti tar-rinviju tqis li s-sistema applikabbli, fil-Ġermanja, għas-servizzi pprovduti mill-isptarijiet li ma humiex organi rregolati mid-dritt pubbliku tista’ twassal sabiex jiġu ttrattati b’mod differenti servizzi komparabbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva dwar il-VAT li l-eżenzjoni tas-servizzi ta’ kura pprovduti minn sptar privat tiġi suġġetta għall-approvazzjoni ta’ dan l-isptar konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-mard u, jekk le, liema huma l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat li s-servizzi pprovduti minn tali sptarijiet privati jitwettqu “taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli”, fis-sens tad-Direttiva dwar l-VAT, ma’ dawk applikabbli għal organi rregolati mid-dritt pubbliku.

    Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva dwar il-VAT tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal sabiex sptarijiet privati li jipprovdu servizzi simili f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-eżenzjoni prevista fl-imsemmija direttiva. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kundizzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiddeterminaw jekk is-servizzi pprovduti minn sptarijiet irregolati mid-dritt privat humiex imwettqa “taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli” ma’ dawk applikabbli għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, li jinkludu l-kundizzjonijiet intiżi li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u li din il-kura tkun iktar aċċessibbli għall-individwi, kif ukoll l-indikaturi tal-prestazzjoni tal-isptar.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa mid-Direttiva dwar il-VAT sabiex is-servizzi ta’ kura fi sptar, offruti minn entità li ma hijiex organu rregolat mid-dritt pubbliku, ikunu jistgħu jiġu eżentati mill-VAT, tirrigwarda l-kwalità tal-istabbiliment li jwettaq dawn is-servizzi u teżiġi li l-operatur ikun sptar, ċentru ta’ kura medika u ta’ dijanjosi jew stabbiliment ieħor tal-istess natura debitament irrikonoxxut. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, qabelxejn, li r-rekwiżit li stabbiliment ikun “debitament irrikonoxxut” jirrigwarda l-entitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT u ma huwiex limitat għall-“istabbilimenti oħrajn ta’ natura simili”. Għaldaqstant, Stat Membru jista’, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, jissuġġetta lil sptar privat għall-kundizzjoni li jkun “debitament irrikonoxxut” sabiex is-servizzi ta’ kura pprovduti minnu taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku jkunu jistgħu jiġu eżentati skont id-Direttiva dwar il-VAT.

    Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-rikonoxximent tal-istabbilimenti li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni. Għall-implimentazzjoni ta’ din l-eżenzjoni, l-osservanza tan-newtralità fiskali teżiġi li l-organi kollha li ma jkunux irregolati mid-dritt pubbliku jitqiegħdu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza għall-finijiet tar-rikonoxximent tagħhom fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi simili. Issa, l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ sptar u n-nuqqas ta’ obbligu, għall-awtoritajiet pubbliċi, li jintegraw fil-pjan tal-isptarijiet tagħhom l-istabbilimenti rregolati mid-dritt privat li jwettqu tranżazzjonijiet taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku jista’ jkollhom bħala konsegwenza, bi ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li sptarijiet privati komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-eżenzjoni.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjoni l-oħra meħtieġa mid-Direttiva dwar il-VAT għall-eżenzjoni tas-servizzi ta’ kura fi sptar offruti minn entità li ma hijiex organu rregolat mid-dritt pubbliku, li tikkonċerna s-servizzi pprovduti u li tirrikjedi li dawn għandhom jitwettqu taħt “kundizzjonijiet soċjali komparabbli” ma’ dawk applikabbli għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li, sabiex jiġi evalwat jekk is-servizzi ta’ sptar privat jitwettqux f’dawn il-kundizzjonijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-kundizzjonijiet regolamentari applikabbli għas-servizzi pprovduti mill-isptarijiet irregolati mid-dritt pubbliku, bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u li l-kura ta’ kwalità tajba tkun iktar aċċessibbli għall-individwi, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tas-servizzi pprovduti mill-isptar privat li jkollhom jitħallsu mill-pazjenti ( 3 ). Il-prestazzjoni tal-isptar privat fil-qasam tal-persunal, tal-bini u tat-tagħmir kif ukoll l-effiċjenza ekonomika tal-amministrazzjoni tiegħu jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni meta dawn l-indikaturi jkunu applikabbli wkoll għall-isptarijiet irregolati mid-dritt pubbliku u jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u li l-kura ta’ kwalità tajba tkun iktar aċċessibbli għall-individwi.


    ( 1 ) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).

    ( 2 ) L-Artikolu 132(1)(b) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-kura fl-istpar u l-kura medika kif ukoll it-tranżazzjonijiet marbuta mill-qrib magħhom ipprovduti minn organi rregolati mid-dritt pubbliku jew, f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli għal dawk applikabbli għal dawn tal-aħħar, minn sptarijiet, ċentri ta’ kura mediċi u ta’ dijanjosi u minn stabbilimenti oħra tal-istess natura debitament irrikonoxxuti.

    ( 3 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, f’dan ir-rigward, li jista’ jkun rilevanti li jiġi evalwat jekk il-kalkolu tat-tariffi b’rata fissa għal kull jum isirx b’mod komparabbli fi sptar privat u fi sptar irregolat mid-dritt pubbliku u li hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk titteħidx responsabbiltà għall-ispejjeż tas-servizzi pprovduti mill-isptar privat mill-iskema tas-sigurtà soċjali jew taħt kuntratti konklużi mal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, b’tali mod li l-ispejjeż sostnuti mill-pazjent ikunu qrib dawk sostnuti, fir-rigward ta’ servizzi simili, mill-pazjent ta’ sptar irregolat mid-dritt pubbliku.

    Top