Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0109

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Ottubru 2021.
Republiken Polen vs PL Holdings Sàrl.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minn naħa, u l-Gvern tar-Repubblika Popolari tal-Polonja, min-naħa l-oħra, dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni reċiproċi tal-investimenti ffirmat fid‑19 ta’ Mejju 1987 – Proċedura ta’ arbitraġġ – Tilwima bejn investitur ta’ Stat Membru u Stat Membru ieħor – Klawżola ta’ arbitraġġ li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni prevista f’dan il-ftehim – Invalidità – Ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc bejn il-partijiet f’din il-kawża – Parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ arbitraġġ – Manifestazzjoni taċita tar-rieda ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor li jikkonkludi dan il-ftehim ta’ arbitraġġ – Illegalità.
Kawża C-109/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:875

Kawża C‑109/20

Republiken Polen

vs

PL Holdings Sàrl

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Högsta domstolen)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas‑26 ta’ Ottubru 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minn naħa, u l-Gvern tar-Repubblika Popolari tal-Polonja, min-naħa l-oħra, dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni reċiproċi tal-investimenti ffirmat fid‑19 ta’ Mejju 1987 – Proċedura ta’ arbitraġġ – Tilwima bejn investitur ta’ Stat Membru u Stat Membru ieħor – Klawżola ta’ arbitraġġ li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni prevista f’dan il-ftehim – Invalidità – Ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc bejn il-partijiet f’din il-kawża – Parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ arbitraġġ – Manifestazzjoni taċita tar-rieda ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor li jikkonkludi dan il-ftehim ta’ arbitraġġ – Illegalità”

  1. Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet bejn Stati Membri – Ftehimiet konklużi qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni – Trattat bilaterali ta’ investiment bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minn naħa, u r-Repubblika Popolari tal-Polonja, min-naħa l-oħra – Effetti ta’ dan it-trattat wara l-adeżjoni mal-Unjoni – Dispożizzjoni li tippermetti lil investitur ta’ Stat Membru jadixxi tribunal tal-arbitraġġ fil-każ ta’ tilwima ma’ Stat Membru ieħor – Klawżola ta’ arbitraġġ li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Inammissibbiltà

    (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Artikoli 267 u 344 TFUE; Ftehim għat-Terminazzjoni ta’ Trattati Bilaterali dwar l-Investiment bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 4(1))

    (ara l-punti 44 sa 46)

  2. Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet bejn Stati Membri – Ftehimiet konklużi qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni – Trattat bilaterali ta’ investiment bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minn naħa, u r-Repubblika Popolari tal-Polonja, min-naħa l-oħra – Effetti ta’ dan it-trattat wara l-adeżjoni mal-Unjoni – Tilwima bejn investitur ta’ Stat Membru u Stat Membru ieħor – Konklużjoni ta’ ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc bejn il-partijiet f’din il-kawża – Ftehim ta’ arbitraġġ li għandu l-istess kontenut bħall-klawżola ta’ arbitraġġ prevista fl-imsemmi trattat bilaterali u ddikjarata invalida minħabba li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Inammissibbiltà

    (Artikolu 4(3) TUE; Artikoli 267 u 344 TFUE; Ftehim għat-Terminazzjoni ta’ Trattati Bilaterali dwar l-Investiment bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7(b))

    (ara l-punti 47 sa 56, u d-dispożittiv)

Sunt

Id-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi l-konklużjoni, minn Stat Membru, ta’ ftehim ta’ arbitraġġ b’kontenut identiku għal klawżola ta’ arbitraġġ invalida li tkun tinsab fi trattat bilaterali ta’ investiment bejn Stati Membri

Il-qorti nazzjonali għandha għaldaqstant tannulla deċiżjoni arbitrali meħuda abbażi ta’ tali ftehim ta’ arbitraġġ.

Fl‑2013, ġew sospiżi d-drittijiet tal-vot ta’ PL Holdings, kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż, drittijiet li kienu marbuta ma’ azzjonijiet miżmuma f’bank Pollakk, u l-imsemmija PL Holdings ġiet ordnata tbigħ l-azzjonijiet b’mod obbligatorju. Minħabba li ma qablitx ma’ din id-deċiżjoni, meħuda mill-Komisja Nadzoru Finansowego (il-Kummissjoni tas-Suq Finanzjarju, il-Polonja), PL Holdings iddeċidiet li tibda proċedura ta’ arbitraġġ kontra l-Polonja. Għal dan il-għan, billi bbażat ruħha fuq it-trattat bilaterali ta’ investiment (TBI), konkluż fl‑1987 bejn il-Belġju u l-Lussemburgu, minn naħa, u l-Polonja, min-naħa l-oħra ( 1 ), PL Holdings adixxiet lit-tribunal ta’ arbitraġġ previst permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’dan it-trattat ( 2 ).

Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tat‑28 ta’ Ġunju u tat‑28 ta’ Settembru 2017, it-tribunal ta’ arbitraġġ ikkonkluda li kellu ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni tat-tilwima inkwistjoni, ikkonstata li l-Polonja kienet kisret l-obbligi tagħha li jirriżultaw mit-TBI u kkundannaha tħallas danni lil PL Holdings.

Ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet arbitrali ppreżentat mill-Polonja quddiem is-Svea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja) ġie miċħud. Dik il-qorti qieset, b’mod partikolari, li, anki jekk il-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fit-TBI, li tgħid li tilwima marbuta ma’ dan it-trattat għandha tiġi deċiża minn korp ta’ arbitraġġ, hija invalida, din l-invalidità ma tipprekludix lil Stat Membru u investitur ta’ Stat Membru ieħor milli jikkonkludu, fi stadju ulterjuri, ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc sabiex isolvu din it-tilwima.

Adita b’appell kontra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell, il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja), iddeċidiet li tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkjarifika jekk l-Artikoli 267 u 344 TFUE jipprekludux il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc bejn il-partijiet fit-tilwima meta dan il-ftehim ikollu kontenut identiku għal klawżola ta’ arbitraġġ li tkun prevista mit-TBI u li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha li toħroġ mis-sentenza Achmea ( 3 ) u tiddeċiedi li d-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi l-konklużjoni minn Stat Membru ta’ tali ftehim ta’ arbitraġġ.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza Achmea, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fit-TBI, li tipprovdi li investitur ta’ wieħed mill-Istati Membri jista’, fil-każ ta’ tilwima dwar investimenti fl-Istat Membru l-ieħor li jkun ikkonkluda dan it-TBI, jibda proċedura ta’ arbitraġġ kontra dan l-Istat imsemmi l-aħħar quddiem tribunal ta’ arbitraġġ, li dan l-Istat Membru obbliga ruħu li jaċċetta l-ġurisdizzjoni tiegħu, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, din il-klawżola hija tali li tippreġudika, minbarra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, il-preżervazzjoni tan-natura proprja tad-dritt tal-Unjoni, żgurata mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE. L-imsemmija klawżola għalhekk ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE u tippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni stabbilita, b’mod partikolari, fl-Artikolu 344 TFUE.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-fatt li Stat Membru jingħata l-possibbiltà li jressaq tilwima li tista’ tirrigwarda l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni quddiem korp ta’ arbitraġġ li għandu l-istess karatteristiċi bħal dak previst minn tali klawżola ta’ arbitraġġ li hija invalida għaliex tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc bl-istess kontenut bħal din il-klawżola, iwassal fir-realtà għal evażjoni mill-obbligi li jirriżultaw għal dan l-Istat Membru mit-Trattati u, b’mod partikolari, mill-artikoli ċċitati hawn fuq.

Fil-fatt, qabel kollox, dan il-ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc ikun jipproduċi, fir-rigward tat-tilwima li fil-kuntest tagħha dan ikun ġie konkluż, l-istess effetti bħal dawk marbuta mal-klawżola ta’ arbitraġġ inkwistjoni. Ir-raġuni wara dan il-ftehim hija preċiżament li tiġi ssostitwita din il-klawżola sabiex jinżammu l-effetti tagħha minkejja l-invalidità ta’ din.

Sussegwentement, il-konsegwenzi ta’ din l-evażjoni mill-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat ma humiex inqas serji minħabba li dan huwa każ individwali. Fil-fatt, dan l-approċċ ġuridiku jista’ jiġi adottat f’numru kbir ta’ kawżi li jistgħu jikkonċernaw l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk jippreġudika b’mod repetut l-awtonomija ta’ dan id-dritt.

Minbarra dan, kull talba għal arbitraġġ indirizzata lil Stat Membru abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ invalida tista’ tinkludi offerta ta’ arbitraġġ u dan l-Istat Membru jista’ mbagħad jitqies bħala li aċċetta din l-offerta mis-sempliċi fatt li naqas milli jsostni argumenti speċifiċi kontra l-eżistenza ta’ ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc. Issa, tali sitwazzjoni jkollha bħala konsegwenza li żżomm l-effetti tal-impenn, meħud minn dan l-Istat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk invalidu, li jaċċetta l-ġurisdizzjoni tal-korp ta’ arbitraġġ adit.

Fl-aħħar nett, kemm mis-sentenza Achmea kif ukoll mill-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali jirriżulta li l-Istati Membri mhux biss ma jistgħux jimpenjaw ruħhom li jneħħu mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni t-tilwim li jista’ jirrigwarda l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll li, meta tali tilwim jitressaq quddiem korp ta’ arbitraġġ bis-saħħa ta’ impenn li jmur kontra l-imsemmi dritt, huma obbligati jikkontestaw il-validità tal-klawżola ta’ arbitraġġ jew tal-ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc li abbażi tagħhom l-imsemmi korp ġie adit ( 4 ).

B’dan il-mod, kull tentattiv ta’ Stat Membru li jirrimedja l-invalidità ta’ klawżola ta’ arbitraġġ permezz ta’ kuntratt ma’ investitur ta’ Stat Membru ieħor ikun imur kontra dan l-obbligu li tiġi kkontestata l-validità tagħha u għalhekk jista’ jivvizzja b’illegalità r-raġuni nnifisha li għaliha sar dan il-kuntratt peress li din tmur kontra d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-qorti nazzjonali għandha tannulla deċiżjoni arbitrali meħuda abbażi ta’ ftehim ta’ arbitraġġ li jikser id-dritt tal-Unjoni.


( 1 ) Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minn naħa, u l-Gvern tar-Repubblika Popolari tal-Polonja, min-naħa l-oħra, dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni reċiproċi tal-investimenti, iffirmat fid‑19 ta’ Mejju 1987.

( 2 ) Artikolu 9 tat-TBI.

( 3 ) Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C 284/16, EU:C:2018:158).

( 4 ) Konklużjoni li hija wkoll ikkonfermata mill-Artikolu 7(b) tal-Ftehim għat-Terminazzjoni ta’ Trattati Bilaterali dwar l-Investiment bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, L 169, p. 1).

Top