Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0003

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-30 ta’ Novembru 2021.
Proċeduri kriminali kontra AB et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membru ta’ korp tal-Bank Ċentrali Ewropew – Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru – Immunità minn proċeduri kriminali – Akkuża marbuta mal-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest tal-kariga fi ħdan l-Istat Membru.
Kawża C-3/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:969

Kawża C‑3/20

AB,

CE

u

CE u “MM investīcijas” SIA

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rīgas rajona tiesa)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑30 ta’ Novembru 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membru ta’ korp tal-Bank Ċentrali Ewropew – Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru – Immunità minn proċeduri kriminali – Akkuża marbuta mal-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest tal-kariga fi ħdan l-Istat Membru”

  1. Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membru ta’ korp tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru – Immunità minn proċeduri legali – Kundizzjoni – Atti mwettqa fil-kapaċità uffiċjali ta’ membru ta’ korp tal-BĊE – Tmiem tal-mandat tal-membru kkonċernat – Assenza ta’ rilevanza

    (Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 11 (a), 17 u 22(1))

    (ara l-punti 36 sa 50, 52 sa 54, 94, 97 u d-dispożittivi 1, 2 u 5)

  2. Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membru ta’ korp tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru – Immunità minn proċeduri legali – Natura funzjonali – Tneħħija tal-immunità – Kundizzjoni – Assenza ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni – Evalwazzjoni rriżervata lill-BĊE – Marġni ta’ diskrezzjoni – Limiti – Stħarriġ ġudizzjarju

    (Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 11 (a), 17 u 22(1))

    (ara l-punti 57 sa 59, 74 sa 77, u d-dispożittiv 3)

  3. Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membru ta’ korp tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru – Immunità minn proċeduri legali – Kundizzjoni – Atti mwettqa fil-kapaċità uffiċjali ta’ membru ta’ korp tal-BĊE – Evalwazzjoni rriżervata lill-BĊE – Eċċezzjoni – Assenza manifesta ta’ att imwettaq fil-kapaċità uffiċjali li tista’ tiġi kkonstatata mill-awtoritajiet nazzjonali – Stħarriġ ġudizzjarju

    (Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 11(a), 17, 18 u 22(1))

    (ara l-punti 60 sa 73, 75 sa 77, u d-dispożittiv 3)

  4. Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membru ta’ korp tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru – Immunità minn proċeduri legali – Portata – Proċeduri kriminali nazzjonali – Miżuri ta’ investigazzjoni, ġbir ta’ provi u notifika tal-att ta’ akkuża – Esklużjoni – Limiti

    (Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 11(a) u 22(1))

    (ara l-punti 79 sa 87, 89, 90, u d-dispożittiv 4)

  5. Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membru ta’ korp tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru – Immunità minn proċeduri legali – Portata – Proċeduri kriminali nazzjonali – Użu tal-provi miġbura matul l-investigazzjoni fi proċeduri ġudizzjarji oħra – Ammissibbiltà

    (Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 11(a) u 22(1))

    (ara l-punti 88 sa 90, u d-dispożittiv 4)

  6. Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membru ta’ korp tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru – Immunità minn proċeduri legali – Proċeduri kriminali nazzjonali għal atti li ma jaqgħux taħt l-immunità ġudizzjarja – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Portata

    (It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3); Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 11(a), 18 u 22(1))

    (ara l-punti 95 u 96)

Sunt

Meta awtorità fil-kamp kriminali tikkonstata li l-aġir ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru li hija tkun qed tinvestiga manifestament ma twettaqx minnu fil-kwalità uffiċjali tiegħu, il-proċedura fil-konfront tiegħu tkun tista’ titkompla peress li l-immunità minn proċeduri legali ma tapplikax.

Għalhekk, atti ta’ frodi, ta’ korruzzjoni jew ta’ ħasil tal-flus ma jitwettqux minn tali gvernatur fil‑kwalità uffiċjali tiegħu

F’Ġunju 2018, il-Prosekutur Pubbliku Latvjan akkuża lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal‑Latvja (iktar ’il quddiem “AB”) b’diversi reati ta’ korruzzjoni quddiem ir-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga, il-Latvja). B’mod konkret, AB qed jiġi akkużat li għal darbtejn aċċetta tixħim marbut ma’ proċedura fil-qasam tas-sorveljanza prudenzjali fir-rigward ta’ bank Latvjan u li ħasel il-flus li joriġina minn wieħed minn dawn il-każijiet ta’ tixħim.

Bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja, AB, li l-aħħar mandat tiegħu ta’ Gvernatur intemm f’Diċembru 2019, kien ukoll membru tal-Kunsill Ġenerali u tal-Kunsill Regolatorju tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

Fid-dawl ta’ din il-partikolarità, il-Qorti Distrettwali ta’ Riga tistaqsi jekk, fuq il-bażi tal‑kwalità tiegħu ta’ membru tal-Kunsill Ġenerali u tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, AB jistax jibbenefika minn immunità skont l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ( 1 ), li jagħti lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal l-oħra tal‑Unjoni immunità minn proċeduri legali għall-atti kollha mwettqa minnhom fil-kwalità uffiċjali tagħhom.

Għalhekk, il-Qorti Distrettwali ta’ Riga ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari dwar jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet u skont liema modalitajiet il-gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru jkun jista’ jibbenefika mill-immunità minn proċeduri legali abbażi tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li huwa jkun is-suġġett tagħhom.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Filwaqt li tfakkar li l-gvernaturi kollha tal-banek ċentrali tal-Istati Membri huma membri tal‑Kunsill Ġenerali tal-BĊE u li l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma, barra minn hekk, membri tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tosserva, qabel kollox, li l-Protokoll dwar il‑Privileġġi u l-Immunitajiet, konformement mal-Artikolu 22 tiegħu, japplika għall-BĊE, għall‑membri tal-korpi tiegħu u għall-persunal tiegħu. Konsegwentement, dan il-protokoll huwa applikabbli għall-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri, fil-kwalità tagħhom bħala membri ta’ mill-inqas korp wieħed tal-BĊE.

F’dan il-kuntest, il-gvernaturi tal-banek ċentrali jistgħu, b’mod iktar partikolari, jibbenefikaw mill-immunità minn proċeduri legali prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet għall-atti mwettqa fil-kwalità uffiċjali tagħhom bħala membru ta’ korp tal-BĊE. Skont din id-dispożizzjoni, dawn il-gvernaturi jibqgħu jgawdu minn din l-immunità minn proċeduri legali wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom.

Fir-rigward tal-għan u tal-portata tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il‑Privileġġi u l-Immunitajiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza, sussegwentement, li skont l‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-imsemmi protokoll, l-immunità minn proċeduri legali tingħata esklużivament fl-interess tal-Unjoni. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tal-istess protokoll jimplimenta dan il-prinċipju billi jipprevedi li kull istituzzjoni tal-Unjoni hija obbligata tneħħi din l-immunità fil-każijiet kollha fejn hija tqis li t-tneħħija tal-immunità ma tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni.

Għalhekk, huwa biss il-BĊE, meta jkollu quddiemu talba għat-tneħħija tal-immunità minn proċeduri legali ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali fir-rigward ta’ proċeduri kriminali nazzjonali pendenti, li għandu jevalwa jekk it-tneħħija tal-immunità tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni.

Għall-kuntrarju, il-BĊE u l-awtorità responsabbli għall-proċeduri kriminali kontra gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali għandhom il-kompetenza sabiex jikkonstataw jekk l-aġir li jista’ jkun is-suġġett ta’ klassifikazzjoni kriminali jkunx twettaq mill-gvernatur fil-kwalità uffiċjali tiegħu ta’ membru ta’ korp tal-BĊE u jaqax, minħabba f’dan il-fatt, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑immunità minn proċeduri legali prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet.

Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ dan it-tqassim tal-kompetenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, meta l-awtorità responsabbli għall-proċeduri kriminali tikkonstata li l-aġir imsemmi manifestament ma jkunx twettaq mill-gvernatur tal-bank ċentrali fil-kwalità uffiċjali tiegħu ta’ membru ta’ korp tal-BĊE, il-proċedura fil-konfront tiegħu tista’ titkompla peress li l-immunità minn proċeduri legali ma tapplikax. Dan huwa l-każ għall-atti ta’ frodi, ta’ korruzzjoni jew ta’ ħasil tal-flus imwettqa mill-gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru, li, ipotetikament, imorru lil hinn mill-ambitu tal-funzjonijiet ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal ieħor tal‑Unjoni.

Għall-kuntrarju, meta, fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri kriminali, l-awtorità nazzjonali tikkonstata li l-aġir imsemmi jkun twettaq mill-gvernatur ikkonċernat fil-kwalità uffiċjali ta’ membru ta’ korp tal-BĊE, hija għandha titlob it-tneħħija tal-immunità minn proċeduri legali. Meta l-awtorità nazzjonali tistaqsi dwar dan il-punt, hija għandha tikkonsulta lill-BĊE u, fil-każ li dan tal-aħħar iqis li l-atti jkunu twettqu fi kwalità uffiċjali, hija għandha titlob min-naħa tagħha t-tneħħija tal-immunità tal-gvernatur ikkonċernat. Tali talbiet għat-tneħħija tal-immunità għandhom jintlaqgħu, ħlief jekk jiġi stabbilit li l-interessi tal-Unjoni jipprekludu dan.

L-osservanza ta’ dan it-tqassim tal-kompetenzi hija, barra minn hekk, suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tista’ tiġi adita b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l‑Artikolu 258 TFUE fil-każ ta’ nuqqas tal-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu l-obbligu tagħhom li jikkonsultaw lill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata meta kull dubju dwar l-applikabbiltà tal‑immunità minn proċeduri legali ma jkunx jista’ raġonevolment jiġi eskluż. B’mod invers, meta t-tneħħija tal-immunità tkun ġiet irrifjutata mill-istituzzjoni tal-Unjoni kompetenti, il‑validità ta’ dan ir-rifjut tista’ tkun is-suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja jew anki ta’ rikors dirett tal-Istat Membru kkonċernat abbażi tal‑Artikolu 263 TFUE.

F’dak li jirrigwarda l-portata tal-immunità minn proċeduri legali prevista fl-Artikolu 11(a) tal‑Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li tali immunità ma tipprekludix il-proċeduri kriminali fl-intier tagħhom, b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni, il-ġbir tal-provi u l-komunikazzjoni tal-att ta’ akkuża. Madankollu, jekk, sa mill-istadju tal-investigazzjonijiet immexxija mill-awtoritajiet nazzjonali u qabel ma tiġi adita qorti, jiġi kkonstatat li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni jkun jista’ jibbenefika mill-immunità minn proċeduri legali għall-atti li jkunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali, huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jitolbu t-tneħħija tal-immunità lill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata. Barra minn hekk, din l-immunità, peress li hija ta’ benefiċċju biss għall-uffiċjal jew għall-membru tal-persunal tal-Unjoni kkonċernat għal att partikolari, ma tipprekludix li provi miġbura matul investigazzjoni tal-pulizija jew ġudizzjarja fir-rigward ta’ tali uffiċjal jew membru tal-persunal jkunu jistgħu jintużaw fi proċeduri oħra li jikkonċernaw atti oħra mhux koperti mill-immunità jew intiżi kontra terzi.

Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, anki jekk l-immunità minn proċeduri legali ma tapplikax meta l-benefiċjarju ta’ din l-immunità jiddaħħal inkwistjoni fi proċeduri kriminali għal atti li ma jkunux twettqu fil-kuntest tal-funzjonijiet li huwa jeżerċita f’isem istituzzjoni tal‑Unjoni, proċeduri abbużivi nazzjonali mibdija għal atti li ma jkunux koperti minn din l‑immunità sabiex jeżerċitaw pressjoni fuq il-membru tal-persunal tal-Unjoni kkonċernat ikunu, fi kwalunkwe każ, kuntrarji għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE.


( 1 ) Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 202, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet”).

Top