Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TJ0668

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tas-7 ta’ Lulju 2021.
    Ardagh Metal Beverage Holdings GmbH & Co. KG vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea li tikkonsisti f’taħlita ta’ ħsejjes tal-ftuħ ta’ landa ta’ xarba bil-gass – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001.
    Kawża T-668/19.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:420

    Kawża T‑668/19

    Ardagh Metal Beverage Holdings GmbH & Co. KG

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tas‑7 ta’ Lulju 2021

    “Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea li tikkonsisti f’taħlita ta’ ħsejjes tal-ftuħ ta’ landa ta’ xarba bil-gass – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001”

    1. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Trade mark ta’ ħoss li tikkonsisti f’taħlita ta’ ħsejjes tal-ftuħ ta’ landa ta’ xarba bil-gass

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 7(1)(b))

      (ara l-punti 20, 21, 33, 40 sa 48, 58)

    2. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Sinjali ta’ ħoss – Karattru distintiv – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li tista’ tkun differenti minn dik dwar it-trade marks tridimensjonali

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 7(1)(b))

      (ara l-punti 23 sa 26, 31, 32, 55, 56)

    3. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Trade mark tridimensjonali kkostitwita mill-forma tal-prodott – Karattru distintiv – Kriterji ta’ evalwazzjoni

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 7(1)(b))

      (ara l-punti 29, 30)

    Sunt

    Il-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni, għall-ewwel darba, fuq ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark ta’ ħoss ippreżentata f’format awdjo

    Fajl awdjo li jinkludi l-ħoss li jiġi prodott mal-ftuħ ta ’ landa tax-xorb, segwit minn silenzju u minn tfexfix, ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark għal xarbiet differenti u għal kontenituri għat-trasport u għall-ippakkjar tal-metall, sa fejn ma jkollux karattru distintiv

    Ardagh Metal Beverage Holdings GmbH & Co. KG ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal ta’ ħoss bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO). Dan is-sinjal, ippreżentat permezz ta’ fajl awdjo, ifakkar il-ħoss li jiġi prodott mal-ftuħ ta’ landa tax-xorb, segwit minn silenzju ta’ madwar sekonda u minn tfexfix ta’ madwar disa’ sekondi. Ir-reġistrazzjoni ntalbet għal diversi xarbiet kif ukoll għal kontenituri għat-trasport u għall-ippakkjar tal-metall.

    L-EUIPO ċaħad din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni minħabba li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv.

    Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors ta’ Ardagh Metal Beverage Holdings u tagħti deċiżjoni, għall-ewwel darba, fuq ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark ta’ ħoss ippreżentata f’format awdjo. Hija tagħmel preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks tal-ħsejjes u tal-perċezzjoni ta’ dawn it-trade marks mill-konsumaturi b’mod ġenerali.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ( 1 ) tat-trade marks tal-ħsejjes ma humiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra ta’ trade marks u li sinjal ta’ ħoss għandu jkollu ċerta reżonanza li tippermetti lill-konsumatur ikkonċernat jipperċepih bħala trade mark u mhux bħala element ta’ natura funzjonali jew bħala indikatur mingħajr karatteristika intrinsika tiegħu stess ( 2 ). B’hekk, il-konsumatur tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandu jkun jista’, permezz tal-perċezzjoni tat-trade mark biss, mingħajr ma din tiġi kkombinata ma’ elementi oħra bħal, inter alia, elementi verbali jew figurattivi, jew saħansitra trade mark oħra, jara rabta mal-oriġini kummerċjali tagħhom.

    Sussegwentement, sa fejn l-EUIPO applika b’analoġija l-ġurisprudenza ( 3 ) li tipprovdi li hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma jew mill-użanzi tas-settur li ma għandhiex karattru distintiv, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li din il-ġurisprudenza ġiet żviluppata fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali li jikkonsistu fil-forma tal-prodott innifsu jew tal-imballaġġ tiegħu, filwaqt li teżisti norma jew użanzi tas-settur li jikkonċernaw din il-forma. Issa, f’każ bħal dan, il-konsumatur ikkonċernat li huwa mdorri jara forma waħda jew iktar li jikkorrispondu għan-norma jew għall-użanzi tas-settur ma jipperċepixxix it-trade mark tridimensjonali bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jekk il-forma tagħha tkun identika jew simili għall-forma jew għall-forom abitwali. Il-Qorti Ġenerali żżid li din il-ġurisprudenza ma tistabbilixxix kriterji ġodda ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark, iżda sempliċement tippreċiża li, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-konsumatur medju ma hijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali bħal fil-każ ta’ trade mark verbali, figurattiva jew ta’ ħoss, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett estern jew mill-forma tal-prodotti. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li l-imsemmija ġurisprudenza dwar it-trade marks tridimensjonali ma tistax, bħala prinċipju, tiġi applikata għat-trade marks tal-ħsejjes. Madankollu, minkejja li l-EUIPO applika, b’mod żbaljat, din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan l-iżball ma huwiex ta’ natura li jivvizzja r-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata li hija bbażata wkoll fuq raġuni oħra.

    Fir-rigward ta’ din ir-raġuni l-oħra, ibbażata fuq il-perċezzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mill-pubbliku rilevanti bħala element funzjonali tal-prodotti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tosserva, minn naħa, li l-ħoss magħmul waqt il-ftuħ ta’ landa effettivament ser jitqies, fid-dawl tat-tip ta’ prodotti inkwistjoni, bħala element purament tekniku u funzjonali. Fil-fatt, il-ftuħ ta’ landa jew ta’ flixkun huwa intrinsiku għal soluzzjoni teknika marbuta mal-manipulazzjoni tax-xarbiet sabiex dawn jiġu kkonsmati, u għalhekk tali ħoss ma jiġix ipperċepit bħala l-indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti. Min-naħa l-oħra, il-pubbliku rilevanti immedjatament jassoċja l-ħoss tat-tfexfix tal-bżieżaq max-xarbiet. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-elementi ta’ ħoss u s-silenzju ta’ madwar sekonda, meħuda flimkien, ma għandhom l-ebda karatteristika intrinsika li tippermettilhom li jiġu pperċepiti minn dan il-pubbliku bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti. Dawn l-elementi ma humiex reżonanti biżżejjed sabiex jiddistingwu ruħhom minn ħsejjes komparabbli fil-qasam tax-xorb. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkonferma l-konklużjonijiet tal-EUIPO fir-rigward tal-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-konstatazzjoni tal-EUIPO li ma huwiex abitwali fis-swieq tax-xarbiet u tal-imballaġġ tagħhom li l-oriġini kummerċjali ta’ prodott tiġi indikata biss bl-għajnuna ta’ ħsejjes minħabba li dawn il-prodotti huma siekta sakemm jiġu kkonsmati. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-parti l-kbira tal-prodotti huma siekta fihom infushom, u jipproduċu ħoss biss fil-mument tal-konsum tagħhom. Għalhekk, is-sempliċi fatt li ħoss jista’ jsir biss waqt il-konsum ma jfissirx li l-użu ta’ ħsejjes sabiex tiġi indikata l-oriġini kummerċjali ta’ prodott f’suq partikolari għadu inabitwali. Il-Qorti Ġenerali madankollu tispjega li eventwali żball tal-EUIPO f’dan ir-rigward ma jwassalx għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li dan ma kellux influwenza determinanti fuq id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni.


    ( 1 ) Fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

    ( 2 ) Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Globo Comunicação e Participações vs EUIPO (Trade mark awdjo) (T‑408/15, EU:T:2016:468, punti 4145).

    ( 3 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI (C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punt 31).

    Top