Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TJ0389

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal-15 ta’ Ottubru 2020.
Maria Teresa Coppo Gavazzi et vs Il-Parlament Ewropew.
Dritt istituzzjonali – Statut uniku ta’ Membri tal-Parlament Ewropew – Membri tal-Parlament Ewropew eletti fil-kostitwenzi Taljani – Adozzjoni mill-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, fil-qasam tal-pensjonijiet ‐ Bidla fl-ammont tal-pensjonijiet għall-Membri tal-Parlament nazzjonali Taljani – Bidla korrispondenti, mill-Parlament Ewropew, tal-ammont tal-pensjonijiet ta’ ċerti eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja – Kompetenza tal-awtur tal-att – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet miksuba – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament.
Kawżi magħquda T-389/19 sa T-394/19, T-397/19, T-398/19, T-403/19, T-404/19, T-406/19, T-407/19, T-409/19 sa T-414/19, T-416/19 sa T-418/19, T-420/19 sa T-422/19, T-425/19 sa T-427/19, T-429/19 sa T-432/19, T-435/19, T-436/19, T-438/19 sa T-442/19, T-444/19 sa T-446/19, T-448/19, T-450/19 sa T-454/19, T-463/19 u T-465/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2020:494

Kawżi magħquda T-389/19 sa T-394/19, T-397/19, T-398/19, T-403/19, T-404/19, T-406/19, T-407/19, T-409/19 sa T-414/19, T-416/19 sa T-418/19, T-420/19 sa T-422/19, T-425/19 sa T-427/19, T-429/19 sa T-432/19, T-435/19, T-436/19, T-438/19 sa T-442/19, T-444/19 sa T-446/19, T-448/19, T-450/19 sa T-454/19, T-463/19 u T-465/19

Maria Teresa Coppo Gavazzi et

kontra

Il-Parlament Ewropew

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal-15 ta’ Ottubru 2020

“Dritt istituzzjonali – Statut uniku tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Membri tal-Parlament Ewropew eletti fil-kostitwenzi Taljani – Adozzjoni mill-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, fil-qasam tal-pensjonijiet – Bidla fl-ammont tal-pensjonijiet għall-membri parlamentari nazzjonali Taljani – Bidla korrispondenti, mill-Parlament Ewropew, tal-ammont tal-pensjonijiet ta’ ċerti eks membri Parlamentari Ewropej eletti fl-Italja – Kompetenza tal-awtur tal-att – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet miksuba – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament”

  1. Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Deċiżjoni nazzjonali ta’ Kamra tal-Membri li temenda l-ammont tal-pensjonijiet tal-eks Membri nazzjonali – Esklużjoni – Noti u deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew dwar il-bidla tal-ammont tal-pensjonijiet tal-eks Membri tal-Parlament Ewropew, b’applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni nazzjonali – Inklużjoni

    (Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut Artikolu 75; Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew, Anness III, Artikolu 2(1))

    (ara l-punti 62, 63, 65)

  2. Parlament Ewropew – Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Statut uniku tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Kompetenza ġenerali tal-Bureau tal-Parlament fil-qasam ta’ kwistjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw il-membri – Kompetenza tal-amministrazzjoni tal-Parlament sabiex tadotta deċiżjonijiet individwali li jistabbilixxu d-drittijiet għall-pensjoni tal-Membri – Deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew dwar il-bidla tal-ammont tal-pensjonijiet tal-eks Membri tal-Parlament Ewropew – Inklużjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2018/1046, Artikolu 73(3); Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684; Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, Artikolu 25(3))

    (ara l-punti 83sa 88, 90 sa 92)

  3. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew dwar il-bidla tal-ammont tal-pensjonijiet tal-eks Membri tal-Parlament Ewropew

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(ċ))

    (ara l-punti 101, 109 sa 112, 117, 118)

  4. Parlament Ewropew – Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Statut uniku tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew dwar il-bidla tal-ammont tal-pensjonijiet tal-eks Membri tal-Parlament Ewropew – Bidla mwettqa skont ir-regola ta’ pensjoni identika– Assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi statut – Assenza ta’ garanzija fir-rigward tal-immutabbiltà tal-ammont tal-pensjonijiet

    (Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut Artikoli 74 u 75; Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew, Anness III, Artikolu 2(1))

    (ara l-punti 126, 129 sa 133, 138 sa 145, 150 sa 158, 160 sa 163)

  5. Parlament Ewropew – Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Statut uniku tal-membri tal-Parlament Ewropew – Deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew dwar il-bidla tal-ammont tal-pensjonijiet tal-eks Membri tal-Parlament Ewropew – obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1); deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684; Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, Artikolu 75; Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew, Anness III, Artikolu 2(1))

    (ara l-punti 180 sa 182)

  6. Parlament Ewropew – Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Statut uniku tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew dwar il-bidla tal-ammont tal-pensjonijiet tal-eks Membri tal-Parlament Ewropew – Regola ta’ pensjoni identika– Nuqqas ta’ retroattività – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Ksur – Assenza

    (Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, Artikolu 75; Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew, Anness III, Artikolu 2(1))

    (ara l-punti 194 sa 204)

  7. Parlament Ewropew – Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Statut uniku tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew dwar il-bidla tal-ammont tal-pensjonijiet tal-eks Membri tal-Parlament Ewropew – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Ksur – Assenza

    (Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, Artikolu 75; Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew, Anness III, Artikolu 2(1))

    (ara l-punti 205, 208 sa 211)

  8. Parlament Ewropew – Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Statut uniku tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew dwar il-bidla tal-ammont tal-pensjonijiet tal-eks Membri tal-Parlament Ewropew – Restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà– Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 17(1); deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684; Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, Artikolu 75; Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew, Anness III, Artikolu 2(1))

    (ara l-punti 212-216, 219, 222 sa 224, 227 sa 235)

  9. Parlament Ewropew – Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Statut uniku tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew dwar il-bidla tal-ammont tal-pensjonijiet tal-eks Membri tal-Parlament Ewropew – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Ksur – Assenza

    (Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, Artikolu 75; Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew, Anness III, Artikolu 2(1))

    (ara l-punti 244, 251 sa 254, 257, 258)

Sunt

Sunt tas-sentenza Coppo Gavazzi vs Il-Parlament (T-389/19)

Maria Teresa Coppo Gavazzi kif ukoll diversi persuni fiżiċi oħra, eks membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja jew il-konjuġi superstiti tagħhom (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti), jibbenefikaw rispettivament minn pensjoni tal-irtirar jew minn pensjoni tas-superstiti skont id-Deċiżjoni nazzjonali Nru 14/2018 ( 1 ), il-Parlament Ewropew iddeċieda li jnaqqas l-ammont tal-pensjoni għal ċertu numru ta’ eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja (jew dik tal-konjuġi superstiti tagħhom) b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019.

Fil-fatt, f’Jannar 2019, il-Parlament informa lir-rikorrenti li kienu obbligati li japplikaw id-Deċiżjoni Nru 14/2008 u għaldaqstant, li jikkalkula mill-ġdid l-ammonti tal-pensjoni tagħhom, b’mod partikolari skont id-dispożizzjonijiet tar-Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem ir-“Regoli PEAM”) li jistabbilixxu r-regola ta’ “pensjoni identika” ( 2 ). Skont din ir-regola, il-livell u l-modalitajiet tal-pensjoni proviżorja għandhom ikunu identiċi għal dawk tal-pensjoni li jirċievu l-membri tal-kamra inferjuri tal-Istat Membru li għalih ġie elett il-membru tal-Parlament. B’hekk, permezz ta’ diversi noti tal-11 ta’ April 2019 u d-deċiżjoni finali tal-11 ta’ Ġunju 2019 ( 3 ) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament (iktar ’il quddiem l-“awtur tad-deċiżjonijiet ikkontestati”), ir-rikorrenti ġew informati bit-tibdil fl-ammont tal-pensjoni tagħhom, b’applikazzjoni tar-regola ta’ “pensjoni identika” prevista mir-Regoli PEAM u tad-Deċiżjoni Nru 14/20018, sal-ammont tat-tnaqqis tal-pensjonijiet analogi mħallsa fl-Italja lill-eks membri nazzjonali mill-Kamra tad-Deputati. Id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu jippreċiżaw ukoll li l-ammont tal-pensjonijiet tar-rikorrenti kien ser jiġi adattat mix-xahar ta’ April 2019 u kellu effett retroattiv għall-1 ta’ Jannar 2019.

Ir-rikorrenti ppreżentaw rikorsi intiżi għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet, billi invokaw motivi bbażati, b’mod partikolari, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tagħhom, fuq assenza ta’ bażi legali, fuq żball ta’ liġi relatat mal-klassifikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 kif ukoll fuq ksur ta’ diversi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

Fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Ottubru 2020, mogħtija f’Awla Estiża, il-Qorti Ġenerali tiċħad dawn ir-rikorsi.

Billi tiddeċiedi, fl-ewwel lok, fuq il-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ( 4 ), il-Qorti Ġenerali tippreċiża li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 sa fejn dan huwa att adottat minn awtorità nazzjonali. Min-naħa l-oħra, huwa jirrileva li huwa kompetenti sabiex jeżamina jekk l-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri, dwar b’mod partikolari l-pensjonijiet tal-irtirar ( 5 ), (iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ implimentazzjoni”) kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regoli PEAM li jistabbilixxu r-regola ta’ “pensjoni identika” ( 6 ) jiksrux ir-regoli ta’ livell superjuri tad-dritt tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali żżid li tista’ teżamina l-konformità mad-dritt tal-Unjoni kemm tad-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll tal-applikazzjoni mill-Parlament, skont ir-regola ta’ pensjoni identika, tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 14/2018.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Bureau tal-Parlament għandu kompetenza ġenerali fil-qasam ta’ kwistjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw il-Membri ( 7 ). Għalhekk, l-amministrazzjoni tal-Parlament tista’ tingħata l-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet individwali fil-qasam ta’ kwistjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw il-Membri, peress li huwa l-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li jkun iffissa l-limiti u l-modalitajiet tal-eżerċizzju tagħhom. Fid-dawl ta’ dan it-tqassim tal-kompetenzi, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-Parlament jista’ jagħti lill-amministrazzjoni tiegħu l-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet individwali fil-qasam tad-drittijiet għall-pensjoni u tal-iffissar tal-ammont tal-pensjonijiet. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-awtur tad-deċiżjonijiet ikkontestati kien kompetenti, bħala uffiċjal awtorizzanti subdelegat għall-kwistjonijiet baġitarji relatati mal-pensjonijiet tal-irtirar, sabiex jadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implementazzjoni, billi ddeċidiet li l-Parlament validament ibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni kif ukoll fuq ir-regola ta’ “pensjoni identika” sabiex jadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. Għalhekk, huwa jinnota, l-ewwel nett, li r-regola ta’ “pensjoni identika” tibqa’ applikabbli għar-rikorrenti, b’deroga mir-regoli previsti mill-miżuri ta’ implimentazzjoni, li jgħidu li r-Regoli PEAM skadew fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, jiġifieri fl-14 ta’ Lulju 2009 ( 8 ). Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li għalkemm iż-żewġ paragrafi li jifformaw l-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implementazzjoni jirrigwardaw id-dritt għal pensjoni tal-irtirar tal-eks Membri tal-Parlament Ewropew, il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom huma differenti.

Fil-fatt, minn naħa, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tal-miżuri ta’ implementazzjoni japplika għall-eks Membri li bdew jibbenefikaw mill-pensjoni tal-irtirar tagħhom qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, jiġifieri qabel l-14 ta’ Lulju 2009, u li jkomplu, wara din id-data, jaqgħu taħt is-sistema ta’ pensjoni stabbilita mill-Anness III tar-Regoli PEAM (iktar ’il quddiem l-“Anness III”). Filwaqt li jiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ dawn il-Membri, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jinnota li, skont ir-regola ta’ “pensjoni identika”, il-Parlament huwa obbligat jiddetermina l-livell u l-modalitajiet tal-pensjoni tal-irtirar ta’ eks Membru tal-Parlament Ewropew abbażi ta’ dawk iddefiniti fid-dritt nazzjonali applikabbli, f’dan il-każ, abbażi tar-regoli ddefiniti fid-Deċiżjoni Nru 14/2018. Dan l-obbligu huwa impost fuq il-Parlament, li ma għandu ebda marġni għal metodu ta’ kalkolu awtonomu, matul il-perijodu kollu ta’ ħlas tal-pensjonijiet tal-irtirar, bla ħsara għall-osservanza tar-regoli ta’ livell superjuri tad-dritt tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji ġenerali tad-dritt u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet, skont dawn ir-regoli, ma jippreġudikax id-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar miksuba mill-benefiċjarji tagħhom peress li la l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(1) u lanqas l-Anness III ma jiggarantixxu l-immutabbiltà tal-ammont ta’ dawn il-pensjonijiet. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, id-drittijiet għall-pensjoni miksuba msemmija fl-Artikolu 75 ma għandhomx jiġu konfużi ma’ allegat dritt li wieħed jirċievi ammont fiss ta’ pensjoni.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni japplika għall-eks Membri li bdew jirċievu l-pensjoni tal-età tagħhom wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri u jiggarantixxi li d-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba sa din id-data jibqgħu miksuba ( 9 ). Madankollu, il-Qorti Ġenerali tinnota li din id-dispożizzjoni ( 10 ), li tiddistingwi b’mod ċar id-“pensjoni tal-età miksuba” mill-“pensjonijiet”, ma tiggarantixxix l-immutabbiltà tal-ammont ta’ din il-pensjoni, fis-sens li dan l-ammont ma jistax jiġi rivedut. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li ż-żewġ rekwiżiti li l-eks Membri għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-pensjoni tal-età tagħhom ( 11 ) għandhom l-għan uniku li jikkundizzjonaw il-benefiċċju effettiv ta’ dawn il-pensjonijiet mingħajr madankollu ma jiggarantixxu l-immutabbiltà tal-ammont tagħhom. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ rekwiżiti għandhom biss bħala debituri r-rikorrenti, u mhux il-Parlament.

Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ diversi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tal-Karta. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tenfasizza, qabelxejn, li l-Parlament huwa obbligat jikkalkula u, jekk ikun il-każ, jaġġorna l-pensjonijiet tal-eks Membri tal-Parlament Ewropew Taljani, billi jislet il-konsegwenzi tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, ħlief jekk l-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni twassal għal ksur tal-Karta ( 12 ) jew ta’ dawn il-prinċipji ġenerali. Sussegwentement, filwaqt li tiddeċiedi fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali tammetti li d-deċiżjonijiet ikkontestati pproduċew effetti retroattivi, b’mod partikolari qabel id-data tal-adozzjoni tagħhom, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2019. Madankollu, huwa jenfasizza li dan huwa spjegat mill-obbligu tal-Parlament li japplika r-regola ta’ “pensjoni identika” ( 13 ). Fil-fatt, b’applikazzjoni ta’ din ir-regola u, konsegwentement, tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, ir-rikorrenti ma kellhomx iktar id-dritt li jitolbu, minn din id-data, li jibbenefikaw mill-pensjoni tagħhom, hekk kif kienet ikkalkulata qabel din id-data. Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-Qorti Ġenerali tinnota li l-Parlament ma tbiegħedx mill-assigurazzjoni preċiża u inkundizzjonata mogħtija lir-rikorrenti meta aderixxew mal-iskema ta’ pensjoni organizzata mill-Anness III, li tikkonsisti fil-garanzija tal-benefiċċju ta’ “pensjoni identika” għal dik tal-membri tal-parlament nazzjonali.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà ( 14 ), il-Qorti Ġenerali tosserva li, bit-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet tar-rikorrenti, il-Parlament la ċaħad lir-rikorrenti minn parti mid-drittijiet tagħhom għal pensjoni, u lanqas ma biddel il-kontenut ta’ dawn id-drittijiet. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li din ir-restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti hija ġġustifikata, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti previsti mill-Karta. F’dan is-sens, huwa jinnota, minn naħa, li d-dritt għall-proprjetà ma jistax jiġi interpretat bħala li jagħti dritt għal pensjoni ta’ ammont iddeterminat. Min-naħa l-oħra, huwa jenfasizza li din ir-restrizzjoni, prevista mil-liġi, tista’ tiġi ġġustifikata, l-ewwel nett, mill-għan ta’ interess ġenerali mfittex mid-Deċiżjoni Nru 14/2018, li huwa dak li jirrazzjonalizza l-ispejjeż pubbliċi f’kuntest ta’ rigorożità baġitarja, għan diġà rrikonoxxut mill-ġurisprudenza bħala li jiġġustifika ksur tad-drittijiet fundamentali, u, fit-tieni lok, mill-għan leġittimu, iddikjarat b’mod espliċitu fl-Anness III, li r-rikorrenti jingħataw pensjonijiet li l-livell u l-modalitajiet tagħhom huma identiċi għal dawk tal-pensjoni li jirċievu l-membri tal-Kamra tad-Deputati.

Fl-aħħar nett, billi ddeċidiet fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-allegazzjoni li l-Parlament, bi ksur ta’ dan il-prinċipju, assimila lir-rikorrenti mal-eks Membri tal-Kamra tad-Deputati. F’dan is-sens, hija ssostni li r-rikorrenti ma ppruvawx li s-sitwazzjoni tagħhom hija fundamentalment differenti minn dik tal-eks Membri tal-Kamra tad-Deputati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-allegazzjoni li l-Parlament ittratta lir-rikorrenti b’mod differenti minn eks Membri tal-Parlament Ewropew oħra, eletti fi Franza jew fil-Lussemburgu, li jaqgħu wkoll taħt l-iskema ta’ pensjoni organizzata mill-Anness III ( 15 ). Għalhekk, hija ddeċidiet li r-rikorrenti ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni bħal dik tal-eks Membri tal-Parlament Ewropew l-oħra eletti fi Franza jew fil-Lussemburgu, peress li, b’mod partikolari, il-pensjonijiet ta’ dawn tal-aħħar ma humiex intiżi li jiġu rregolati mir-regoli stabbiliti mid-dritt Taljan, iżda minn regoli nazzjonali oħra li huma speċifikament applikabbli għalihom.


( 1 ) Deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2018, adottata mill-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) (iktar ’il quddiem “id-Deċiżjoni Nru 14/2018”). Il-legalità ta’ din id-deċiżjoni hija attwalment eżaminata mill-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati (il-Kunsill għall-Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja).

( 2 ) Artikolu 2(1) tal-Anness III ta’ dawn ir-regoli.

( 3 ) Id-deċiżjoni finali tikkonċerna biss lil L.A. Florio, ir-rikorrent fil-Kawża T-465/19.

( 4 ) Artikolu 263 TFUE.

( 5 ) Permezz tad-deċiżjonijiet tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008, il-Bureau tal-Parlament adotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri (ĠU 2009, C 159, p. 1).

( 6 ) Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM.

( 7 ) Skont l-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew.

( 8 ) Artikolu 74, moqri flimkien mal-Artikolu 75, tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.

( 9 ) L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.

( 10 ) It-tieni sentenza l-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.

( 11 ) Jiġifieri, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-għoti tal-pensjoni ta’ rtirar u li ppreżentat it-talba għal-likwidazzjoni ta’ din il-pensjoni.

( 12 ) Artikolu 51(1).

( 13 ) Previst mill-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM.

( 14 ) Artikolu 17(1) tal-Karta

( 15 ) Previst fl-Anness III tar-Regoli PEAM.

Top