Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TJ0370

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-23 ta’ Settembru 2020.
    Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Relazzjonijiet barranin – Kooperazzjoni teknika – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Regolament (UE) 2018/1971 – Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi – Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 – Parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiż terz f’dan il-korp – Parteċipazzjoni tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-Kosovo – Kunċett ta’ pajjiż terz – Żball ta’ liġi.
    Kawża T-370/19.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2020:440

    (Kawża T-370/19)

    Ir-Renju ta’ Spanja

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat‑23 ta’ Settembru 2020

    “Relazzjonijiet barranin – Kooperazzjoni teknika – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Regolament (UE) 2018/1971 – Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi – Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 – Parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiż terz f’dan il-korp – Parteċipazzjoni tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-Kosovo – Kunċett ta’ pajjiż terz – Żball ta’ liġi”

    1. Ftehimiet internazzjonali – Kooperazzjoni teknika – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi – Parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiż terz f’dan il-korp – Pajjiż terz – Kunċett – Entitajiet suġġetti għad-dritt internazzjonali, li jista’ jkollhom drittijiet u obbligi – Kosovo – Inklużjoni

      (Artikoli 212 u 216 sa 218 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/1971, Artikolu 35 (2))

      (ara l-punti 28 sa 30, 35, 36)

    2. Ftehimiet internazzjonali – Kooperazzjoni teknika – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi – Parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiż terz f’dan il-korp – “Ftehim mal-Unjoni għal dak l-iskop” – Kunċett – Ftehim konkluż bejn l-Unjoni u suġġett ieħor tad-dritt internazzjonali pubbliku – Ftehim li jinkludi dispożizzjonijiet li jservu bħala bażi għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz kkonċernat fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Kosovo – Inklużjoni

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2018/1971, Artikolu 35(2); Ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra, Artikolu 111)

      (ara l-punti 46 sa 48, 53, 54)

    3. Ftehimiet internazzjonali – Kooperazzjoni teknika – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi – Parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiż terz f’dan il-korp – Arranġamenti ta’ xogħol applikabbli għall-imsemmija parteċipazzjoni – Proċedura ta’ determinazzjoni – Rekwiżit ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet konklużi mal-Unjoni għal din il-parteċipazzjoni – Kompetenza tal-Kummissjoni li tiffissa unilateralment tali arranġamenti ta’ xogħol

      (Artikolu 17 TUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/1971, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2))

      (ara l-punti 70, 72, 76, 77, 79, 81, 82)

    Sunt

    Fis-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑370/19), mogħtija fit-23 ta’ Settembru 2020, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-Renju ta’ Spanja (iktar’ il quddiem ir- “rikorrent”), ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha din tal-aħħar stabbilixxiet li l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Kosovo setgħet tipparteċipa fil-korpi tal-Korp ta’ regolaturi Ewropej tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (BEREC) u tal-Uffiċċju tal-UREC (iktar’ il quddiem id- “deċiżjoni kkontestata”). ( 1 )

    Il-BEREC, stabbilit bir-Regolament Nru 1211/2009 ( 2 ), ġie inkarigat jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u sabiex itejjeb il-funzjonament tiegħu. Skont dan ir-regolament, il-BEREC kellu jwettaq il-kompiti tiegħu, b’mod indipendenti, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) u l-Kummissjoni Ewropea. Dan ir-regolament tħassar bir-Regolament 2018/1971 ( 3 ), li jipprevedi, fl-Artikolu 35 tiegħu, il-modalitajiet tal-kooperazzjoni tal-BEREC mal-korpi tal-Unjoni, il-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Mill-2001 sal-2015, l-Unjoni ffirmat mal-pajjiżi tal-Balkani oċċidentali ftehimiet ta’ stabilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni (iktar’ il quddiem l-“FSA”), li fihom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-Ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem l-“FSA Kosovo”. ( 4 ) Fit‑18 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni adottat sitt deċiżjonijiet, li fosthom hemm id-deċiżjoni kkontestata, dwar il-parteċipazzjoni tal-ARN tas-sitt pajjiżi tal-Balkani oċċidentali fil-BEREC. Dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971.

    Fir-rigward tal-osservanza, mill-Kummissjoni, ta’ din l-istess dispożizzjoni, sa fejn, skont ir-rikorrent, il-Kosovo, li ma hijiex Stat sovran b’organizzazzjoni tal-Istat, ma hijiex “pajjiż terz”, il-Qorti Ġenerali qabel kollox irrilevat li dan il-kunċett ta’ “pajjiż terz” ma huwiex iddefinit la fir-Regolament 2018/1971 u lanqas fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali nnotat ukoll li t-Trattat FUE, min-naħa tiegħu, juża kemm it-termini “pajjiżi terzi”, b’mod partikolari f’diversi dispożizzjonijiet li jittrattaw kwistjonijiet dwar ir-relazzjonijiet esterni, kif ukoll “Stati terzi”. Għalhekk, għall-Qorti Ġenerali, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar “pajjiżi terzi” huma intiżi li jippermettu li jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali ma’ entitajiet “minbarra Stati”, fosthom entitajiet territorjali, koperti taħt il-kunċett flessibbli ta’ “pajjiżi”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kunċett ta’ “pajjiż terz” imsemmi fit-Trattat FUE, sabiex jindika entitajiet suġġetti għad-dritt internazzjonali li jista’ jkollhom drittijiet u obbligi, ma jistax ikopri tifsira differenti meta dan l-istess kunċett jinsab f’test ta’ dritt sekondarju bħar-Regolament 2018/1971. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kunċett ta’ “pajjiżi terzi” fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 ma huwiex ekwivalenti għal dak ta’ “Stat terz”, iżda għandu portata iktar wiesgħa li tmur lil hinn mill-Istati sovrani biss. Għalhekk, il-Kosovo tista’ taqa’ taħt dan il-kunċett ta’ “pajjiż terz”, bla ħsara għall-pożizzjoni tal-Unjoni jew dik tal-Istati Membri dwar l-istatus tal-Kosovo bħala Stat indipendenti.

    Ir-rikorrent sostna, barra minn hekk, li l-Kummissjoni kienet kisret din l-istess dispożizzjoni sa fejn, fil-fehma tiegħu, ma jeżistix “ftehim”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tal-ARN tal-Kosovo fil-BEREC. Ir-rikorrent ikkunsidra b’mod partikolari li l-ASA Kosovo ma kinitx tikkostitwixxi tali ftehim ta’ parteċipazzjoni fil-BEREC. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 kien jissuġġetta l-parteċipazzjoni tal-ARN ta’ pajjiżi terzi għall-korpi tal-BEREC għal kundizzjoni doppja, minn naħa, tal-eżistenza ta’ “ftehim” bejn il-pajjiż terz ikkonċernat u l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim tkun saret “għal dan il-għan”. Wara li kkonstatat li l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kienet issodisfatta, peress li l-ESA Kosovo ċertament setgħet tikkostitwixxi tali ftehim bħala ftehim internazzjonali konkluż bejn żewġ suġġetti tad-dritt internazzjonali pubbliku, il-Qorti Ġenerali analizzat l-espressjoni “għal dan il-għan”. F’dan ir-rigward, hija semmiet il-fatt li din l-espressjoni kienet tindika li l-ftehimiet ikkonċernati għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jservu ta’ bażi għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat fil-qasam inkwistjoni, jiġifieri dak tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Artikolu 111 tal-ASA Kosovo, billi jirreferi espressament għal “tisħiħ” tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Kosovo, kien jipprevedi tali kooperazzjoni stretta, skont diversi modalitajiet. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li hija b’mod partikolari l-parteċipazzjoni, flimkien ma’ drittijiet limitati, imsemmija fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 li tikkorrispondi għall-kooperazzjoni mill-qrib prevista fl-imsemmi Artikolu 111 tal-ASA Kosovo, mingħajr madankollu ma hija ekwivalenti għal “integrazzjoni” tal-ARN tal-Kosovo fl-istruttura tal-BEREC. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Artikolu 111 tal-ASA Kosovo jikkostitwixxi ftehim “għal dan il-għan”, fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971.

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrent sostna, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, sa fejn hija kienet iffissat unilateralment, fid-deċiżjoni kkontestata, l-“arranġamenti ta’ xogħol” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tal-ARN tal-Kosovo fl-organi tal-BEREC. Fil-fehma tiegħu, minn naħa, dawn l-arranġamenti ta’ xogħol vinkolanti kellhom jiġu stabbiliti fil-ftehim ta’ parteċipazzjoni fil-BEREC stess u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, meta ħadet id-deċiżjoni kkontestata, aġixxiet mingħajr bażi legali. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li r-riferiment għall-kliem “dispożizzjonijiet rilevanti [tal-] ftehim”, li sar f’din id-dispożizzjoni, flimkien mal-frażi “bis-saħħa ta’”, huwa intiż li jindika li l-adozzjoni tal- “arranġamenti tax-xogħol” għandha ssir “skont” id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehim ta’ parteċipazzjoni. Għalhekk, hija ddeċidiet li ma huwiex legalment neċessarju li jiġi rikjest li l-“ftuħ għall-parteċipazzjoni” ta’ ARN ta’ pajjiż terz ikun suġġett għal awtorizzazzjoni speċifika stabbilita fi ftehim internazzjonali. Fit-tieni lok, fir-rigward tas-setgħat tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, peress li la r-Regolament 2018/1971 u lanqas xi leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni ma attribwixxew espressament lill-Uffiċċju tal-BEREC u lanqas lil organu ieħor il-kompetenza li jistabbilixxi l-arranġamenti ta’ xogħol applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-ARN ta’ pajjiżi terzi, din il-kompetenza hija tal-Kummissjoni. Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Artikolu 17 TUE, li fuqu hija bbażata b’mod partikolari d-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti, konstatazzjoni li ma hijiex ikkontestata mill-fatt li dan l-artikolu huwa dispożizzjoni ġenerali.

    Konsegwentement, minn naħa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tiffissa unilateralment, fid-deċiżjoni kkontestata, “arranġamenti ta’ xogħol” applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-ARN ta’ pajjiżi terzi fil-BEREC, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971. Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet il-kritika indirizzata lill-Kummissjoni ta’ assenza ta’ bażi legali tal-imsemmija deċiżjoni.


    ( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Marzu 2019 dwar il-parteċipazzjoni tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-Kosovo fil-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2019, C 115, p. 26).

    ( 2 ) Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju (ĠU 2009, L 337, p. 1)

    ( 3 ) Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU 2018, L 321, p. 1).

    ( 4 ) ĠU 2016, L 71, p. 3.

    Top