Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TJ0305

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-8 ta’ Lulju 2020 (Estratti).
Welmax + sp. z o. o. sp.k. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea – Trade mark verbali welmax – Trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali preċedenti valmex – Terminu ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell – Tardività – Bidu tad-dekorrenza – Komunikazzjoni – Prova ta’ korrispondenza permezz ta’ posta rreġistrata – Komunikazzjoni permezz tal-posta elettronika – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell fit-terminu previst – Appell meqjus li ma tressaqx – Portata tat-talbiet għal regolarizzazzjoni – Artikolu 68(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Artikoli 23 u 56 sa 58 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625.
Kawża T-305/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2020:327

Kawża T-305/19

Welmax + sp. z o. o. sp.k.

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat‑8 ta’ Lulju 2020

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea – Trade mark verbali welmax – Trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali preċedenti valmex – Terminu ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell – Tardività – Bidu tad-dekorrenza – Komunikazzjoni – Prova ta’ korrispondenza permezz ta’ posta rreġistrata – Komunikazzjoni permezz tal-posta elettronika – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell fit-terminu previst – Appell meqjus li ma tressaqx – Portata tat-talbiet għal regolarizzazzjoni – Artikolu 68(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Artikoli 23 u 56 sa 58 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625”

Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Terminu u forma tar-rikors – Ħlas tal-ispejjeż tal-appell wara l-iskadenza tat-terminu mogħti – Appell meqjus li ma tressaqx –Talba għal regolarizzazzjoni wara l-iskadenza tat-terminu – Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikoli 68(1), 104 u 105; Regolament tal-Kummissjoni 2018/625, Artikolu 23(1)(c) u (3))

(ara l-punti 65, 71-77)

Sunt

Permezz tas-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Lulju 2020, Welmax + vs EUIPO – Valmex Medical Imaging (welmax) (T‑305/19), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), li permezz tagħha dan tal-aħħar kien ċaħad l-appell imressaq minn Welmax + (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) billi tqies li ma tressaqx għar-raġuni li l-ispejjeż tal-appell ma kinux tħallsu fit-terminu previst.

F’dan il-każ, permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Lulju 2018, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO irrifjutat li tagħti l-protezzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali fl-Unjoni għat-trade mark verbali welmax tar-rikorrenti għal ċerti prodotti. Wara li r-rikorrenti bagħtet posta elettronika fl‑20 ta’ Settembru 2018 fejn informat lill-EUIPO li hija kienet għadha ma rċevietx id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, l-EUIPO kkomunikatilha din id-deċiżjoni permezz ta’ posta elettronika tal‑21 ta’ Settembru 2018. Permezz ta’ ittra li waslet l-EUIPO fis‑26 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti appellat kontra l-imsemmija deċiżjoni. Madankollu, l-EUIPO rċeviet l-ispejjeż tal-appell biss fl‑24 ta’ Diċembru 2018. Għalhekk il-Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell billi qies li ma tressaqx minħabba li l-ispejjeż tal-appell kienu tħallsu tardivament.

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-ħlas tal-ispejjeż tal-appell huwa meħtieġ sabiex l-appell jitqies li tressaq, fejn dan il-ħlas għandu jseħħ f’terminu ta’ xahrejn mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li ġiet appellata. Sussegwentement ġie osservat li, f’dan il-każ, it-terminu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell ta’ xahrejn, li għandu bħala bidu tad-dekorrenza n-notifika permezz tal-posta elettronika tal‑21 ta’ Settembru 2018, skada fil‑21 ta’ Novembru 2018. Għalhekk ġie konkluż li l-ispejjeż tal-appell, irċevuti fl‑24 ta’ Diċembru 2018, kienu tħallsu tardivament.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat li l-possibbiltajiet ta’ regolarizzazzjoni sabiex tiġi evitata l-inammissibbiltà tal-appell, imsemmija fl-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament Delegat 2018/625 ( 1 ), ma jinkludux in-nuqqas ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 23(3) tal-istess regolament, meta l-ispejjeż tal-appell ikunu tħallsu wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit, l-appell jitqies li ma jkunx tressaq, mingħajr possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni minbarra r-restitutio in integrum, suġġett għall-awtorità speċifika tal-Artikolu 104 tar-Regolament 2017/1001 ( 2 ). Issa, ir-rikorrenti ma kinitx ressqet applikazzjoni għal restitutio in integrum.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali indikat li hija biss l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, jew ta’ żball skużabbli – li ma kinux ġew allegati mir-rikorrenti – li tista’ tiġġustifika n-nuqqas ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell fit-terminu previst. Barra minn hekk, hija enfasizzat li l-EUIPO ma kellux obbligu jfakkar lir-rikorrenti biex tħallas l-ispejjeż tal-appell fit-terminu previst.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bord tal-Appell ġustament kien qies li l-appell tar-rikorrenti ma tressaqx billi kkunsidra li l-ispejjeż tal-appell, irċevuti fl‑24 ta’ Settembru 2018, kienu tħallsu tardivament.


( 1 ) Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1).

( 2 ) Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

Top