Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TJ0257

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-24 ta’ Novembru 2021 (Estratti).
    Khaldoun Al Zoubi vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żbalji ta’ evalwazzjoni.
    Kawża T-257/19.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:819

    Kawża T‑257/19

    Khaldoun Al Zoubi

    vs

    Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir‑Raba’ Awla) tal‑24 ta’ Novembru 2021

    “Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żbalji ta’ evalwazzjoni”

    1. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u Regolament Nru 36/2012 – Kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Negozjanti prominenti li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-Sirja – Kunċett

      (Artikolu 29 TUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2019/87, (PESK) 2019/806 u (PESK) 2020/719, Artikolu 27(2)(a) u (3) u Artikolu 28(2)(a) u (3); Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, Artikolu 15(1a)(a) u (1b), 2019/85, 2019/798 u 2020/716)

      (ara l-punti 51, 52)

    2. L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Portata tal-istħarriġ – Inklużjoni tar-rikorrent fil-lista annessa mad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-kwalità tiegħu ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja – Dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku – Valur probatorju

      (Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2019/87, (PESK) 2019/806 u (PESK) 2020/719, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2019/85, 2019/798 u 2020/716, Anness II)

      (ara l-punti 55, 70, 73, 80)

    3. L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Portata tal-istħarriġ – Evalwazzjoni tal-legalità skont informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni

      (Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2019/87, (PESK) 2019/806 u (PESK) 2020/719, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2019/85, 2019/798 u 2020/716, Anness II)

      (ara l-punt 58)

    4. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Rikors għal annullament ippreżentat minn negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja suġġett għal deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Tqassim tal-oneru tal-prova – Deċiżjoni bbażata fuq sensiela ta’ indizji – Valur probatorju – Portata

      (Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2019/87, (PESK) 2019/806 u (PESK) 2020/719, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2019/85, 2019/798 u 2020/716, Anness II)

      (ara l-punti 81, 82, 91, 94 sa 96, 99, 102 sa 104, 110, 116 sa 121)

    5. L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2019/87, (PESK) 2019/806 u (PESK) 2020/719, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2019/85, 2019/798 u 2020/716, Anness II)

      (ara l-punti 87 sa 93)

    6. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u Regolament Nru 36/2012 – Kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Appoġġ lir-reġim Sirjan u benefiċċju miksub minnu – Kunċett – Kriterju ġuridiku awtonomu – Inklużjoni fil-listi bbażata fuq sensiela ta’ indizji preċiżi, konkreti u konkordanti – Assenza

      (Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2019/87, (PESK) 2019/806 u (PESK) 2020/719, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2019/85, 2019/798 u 2020/716, Anness II)

      (ara l-punti 125, 128)

    Sunt

    Khaldoun Al Zoubi huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana li għandu, skont il-Kunsill, interessi u attivitajiet f’bosta setturi tal-ekonomija Sirjana. Ismu kien ġie inkluż f’Jannar 2019 ( 1 ) fil-listi tal-persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Għarbija Sirjana mill-Kunsill u sussegwentement inżamm fihom f’Mejju 2019 u f’Mejju 2020 ( 2 ), inkwantu negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, Viċi President ta’ Aman Holding u azzjonist maġġoritarju ta’ kumpannija tal-ajru, attivitajiet li fir-rigward tagħhom huwa kellu rabtiet ma’ Samer Foz, li wkoll kien inkluż fil-listi. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien indika wkoll li l-kumpannija Aman Holding kellha sehem maġġoritarju f’Aman Dimashq, impriża attiva fil-kostruzzjoni ta’ żvilupp residenzjali u kummerċjali ta’ lussu appoġġjat mir-reġim Sirjan u li Khaldoun Al Zoubi kien jibbenefika mir-reġim Sirjan u kien jappoġġjah.

    Dawn ir-raġunijiet kienu bbażati, minn naħa, fuq il-kriterju ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, iddefinit fl-Artikolu 27(2)(a) u fl-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255 ( 3 ), kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u fl-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament Nru 36/2012 ( 4 ), kif emendat bir-Regolament 2015/1828, u, min-naħa l-oħra, fuq il-kriterju ta’ assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan iddefinit fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Artikolu 15(1)(a) tal-imsemmi regolament.

    Il-Qorti Ġenerali tilqa’ r-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrent kontra l-atti kkontestati (iktar ’il quddiem l-“atti inizjali”, l-“atti ta’ żamma tal‑2019” u l-“atti ta’ żamma tal‑2020”), peress li ż-żamma ta’ interessi f’entità waħda ma turix, fiha nnifisha, l-eżistenza ta’ interessi u ta’ attivitajiet f’diversi setturi tal-ekonomija li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni bħala negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-istatus allegat ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, il-Qorti Ġenerali teżamina l-provi prodotti kemm mill-Kunsill kif ukoll mir-rikorrent dwar l-attivitajiet ekonomiċi ta’ dan tal-aħħar.

    Fir-rigward tal-istatus ta’ azzjonist maġġoritarju tal-kumpannija tal-ajru Fly Aman, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, qabel kollox, li din ir-raġuni hija fl-aħħar mill-aħħar fondata biss fir-rigward tal-atti inizjali, peress li r-rikorrent wera li huwa ma kienx għadu l-azzjonist maġġoritarju tagħha fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2019 u tal‑2020. Fir-rigward tal-istatus ta’ Viċi President ta’ Aman Holding, il-Qorti Ġenerali tikkonstata wkoll li r-rikorrent wera b’mod validu li huwa ma kienx jokkupa tali pożizzjoni. Għalhekk, fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ din il-kumpannija fil-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq, impriża involuta fl-iżvilupp residenzjali Marota city appoġġjat mir-reġim Sirjan, il-Kunsill ma setax jieħu inkunsiderazzjoni, sabiex juri l-istatus ta’ negozjant prominenti tar-rikorrent, il-parteċipazzjoni ta’ Aman Holding fl-imsemmi żvilupp residenzjali u l-kwalità allegata ta’ Viċi President ta’ Aman Holding tar-rikorrent, meta dan kien biss impjegat ta’ Aman Holding u ma kienx ipoġġi fuq il-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq. Fir-rigward tar-rabtiet tar-rikorrent ma’ Samer Foz, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, barra minn hekk, li l-Kunsill ma pproduċiex indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jistgħu jissostanzjaw b’mod suffiċjenti r-rabtiet eżistenti bejn ir-rikorrent u S. Foz. Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-twaqqif tal-kumpannija Asas Iron Company, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrent wera b’mod validu li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2020, huwa ma kellu l-ebda sehem f’din il-kumpannija u li huwa ma kienx membru fundatur tagħha.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kunsill, billi bbaża ruħu biss, b’mod validu, fl-atti inizjali biss, fuq il-kwalità tar-rikorrent ta’ azzjonist maġġoritarju ta’ Fly Aman, ma rnexxilux juri li r-rikorrent kien negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja. Fir-rigward tal-atti ta’ żamma tal‑2019 u tal‑2020, hija tikkonstata li l-Kunsill lanqas ma rnexxielu juri li r-rikorrent kellu l-istatus ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija atti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-ewwel raġuni għal inklużjoni ma hijiex issostanzjata biżżejjed.

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-appoġġ lir-reġim Sirjan u tal-vantaġġ li r-rikorrent kien kiseb mill-imsemmi reġim, il-Qorti Ġenerali tfakkar, qabel kollox, li, għal persuna speċifika, ir-raġunijiet għal inklużjoni jistgħu jikkoinċidu u li persuna tista’, konsegwentement, tiġi kklassifikata bħala negozjanta prominenti li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-Sirja u titqies, fl-istess ħin u permezz tal-istess attivitajiet, bħala li tibbenefika mir-reġim Sirjan jew bħala li tappoġġjah.

    F’dan il-każ, peress li r-rikorrent ma kienx Viċi President ta’ Aman Holding fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, huwa ma setax jitqies bħala li jibbenefika mir-reġim Sirjan f’dan ir-rigward, u lanqas li jappoġġjah minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proġett Marota city. Bl-istess mod, peress li r-rikorrent ma kienx iktar azzjonist maġġoritarju ta’ Fly Aman, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ebda prova ma turi li r-rikorrent kien jibbenefika, f’din il-kwalità, mir-reġim Sirjan jew li huwa kien jappoġġjah. Peress li l-Kunsill ma pproduċiex sensiela ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti li jistgħu juru l-fatt li r-rikorrent kien jappoġġja lir-reġim Sirjan u kien jikseb vantaġġ minnu, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent ukoll ma hijiex fondata fir-rigward ta’ din ir-raġuni.

    Konsegwentement, hija tannulla l-atti kkontestati inkwantu dawn jikkonċernaw lir-rikorrent.


    ( 1 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2019, L 18 I, p. 13) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/85 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2019, L 18 I, p. 4).

    ( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/806 tas‑17 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2019, L 132, p. 36, rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/798 tas‑17 ta’ Mejju 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2019, L 132, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31); Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 66) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 1).

    ( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal‑31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14, rettifika fil-ĠU 2018, L 190, p. 20), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 75, rettifika fil-ĠU 2016, L 336, p. 42).

    ( 4 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat‑18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 294, p. 59 u fil-ĠU 2018, L 190, p. 20), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1828 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 1).

    Top