Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0742

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Lulju 2021.
    B. K. vs Republika Slovenija (Ministrstvo za obrambo).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal‑ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Membri tal-forzi armati – Applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 4(2) TUE – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(3) – Direttiva 89/391/KEE – Artikolu 2(2) – Attivitajiet tas-suldati – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Perijodu on‑call – Tilwima dwar ir-remunerazzjoni tal-ħaddiem.
    Kawża C-742/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:597

    Kawża C‑742/19

    B. K.

    vs

    Republika Slovenija (Ministrstvo za obrambo)

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vrhovno sodišče)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑15 ta’ Lulju 2021

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal‑ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Membri tal-forzi armati – Applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 4(2) TUE – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(3) – Direttiva 89/391/KEE – Artikolu 2(2) – Attivitajiet tas-suldati – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Perijodu on‑call – Tilwima dwar ir-remunerazzjoni tal-ħaddiem”

    1. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-membri tal-forzi armati – Għan ta’ protezzjoni tal-integrità territorjali u tas-sigurtà nazzjonali – Inklużjoni

      (Artikolu 4(2) TUE; Artikolu 153(2) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88)

      (ara l-punti 39, 40, 42 sa 46)

    2. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ħaddiem – Membri tal-forzi armati – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88)

      (ara l-punti 47 sa 50)

    3. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 89/391 dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri intiżi li jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol – Kamp ta’ applikazzjoni – Inapplikabbiltà għal ċerti attivitajiet – Kunċett ta’ ‘servizz pubbliku’ – Portata – Attivitajiet speċifiċi tas-servizz pubbliku li għandhom jiġu eżerċitati b’mod kontinwu sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat – Attivitajiet li ma jippermettux, anki f’kundizzjonijiet normali, ippjanar tal-ħin tax-xogħol li josserva r-rekwiżiti imposti mid-direttiva – Esklużjoni

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88; Direttiva tal-Kunsill 89/391, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2))

      (ara l-punti 56 sa 62)

    4. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 89/391 dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri intiżi li jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol – Kamp ta’ applikazzjoni – Attività ta’ għassa eżerċitata minn suldat – Esklużjoni – Kundizzjonijiet – Verifika mill-qorti tar-rinviju

      (Artikolu 4(2) TUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 1(3); Direttiva tal-Kunsill 89/391, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2))

      (ara l-punti 65, 68 sa 88 u d-dispożittiv 1)

    5. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Ħin tax-xogħol – Kunċett – Perijodu ta’ għassa taħt sistema ta’ stand-by – Inklużjoni – Kundizzjoni – Restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu li jaffettwaw oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltà tiegħu li jiġġestixxi l-ħin tiegħu u li jiddedika ruħu għall-interessi rispettivi tiegħu – Kriterji ta’ evalwazzjoni

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 2, punt 1)

      (ara l-punti 93 sa 95)

    6. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kamp ta’ applikazzjoni – Remunerazzjoni – Esklużjoni – Portata – Modalitajiet ta’ remunerazzjoni tal-perijodi on-call – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 2)

      (ara l-punti 96 sa 98 u d-dispożittiv 2)

    Sunt

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-każijiet li fihom id-direttiva li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ma tapplikax għall-attivitajiet eżerċitati minn suldati

    Din id-direttiva ma tipprekludix li perijodu on-call li matulu suldat huwa obbligat jibqa ’ fil-kwartieri fejn huwa assenjat iżda ma jwettaqx xogħol effettiv jiġi rremunerat b’mod differenti minn perijodu on-call li matulu huwa jwettaq xogħol effettiv

    Minn Frar 2014 sa Lulju 2015, B. K., sottouffiċjal tal-armata Slovena, wettaq “xogħol ta’ għassa” mhux interrott ta’ sebat ijiem fix-xahar. Matul dan ix-xogħol, li kien jinkludi perijodi li matulhom huwa kellu jeżerċita attività ta’ sorveljanza effettiva u perijodi li matulhom huwa kien obbligat biss li jibqa’ għad-dispożizzjoni tas-superjuri tiegħu, B. K. seta’ jiġi kkuntattjat u kien preżenti b’mod permanenti fi ħdan il-kwartieri fejn kien assenjat.

    Peress li kkunsidra li, għal kull wieħed minn dawn il-ġranet ta’ “xogħol ta’ għassa”, tmien sigħat biss kienu jirrappreżentaw ħin tax-xogħol, il-Ministeru tad-Difiża ħallas lil B. K. is-salarju ordinarju li jikkorrispondi għal dawn is-sigħat u, għas-sigħat l-oħra, tah biss allowance ta’ stand-by ta’ 20 % tas-salarju bażiku.

    Ir-rikors ippreżentat minn B. K., intiż li huwa jitħallas, bħala sahra, is-sigħat li matulhom, matul ix-“xogħol ta’ għassa”, huwa ma kien eżerċita ebda attività effettiva fis-servizz tal-persuna li timpjegah, iżda kien imġiegħel jibqa’ għad-dispożizzjoni tas-superjuri tiegħu, ġie miċħud fl-ewwel istanza u fl-appell.

    Huwa f’dan il-kuntest li l-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja), adita b’rikors għal reviżjoni, iddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2003/88 ( 1 ), li tistabbilixxi rekwiżiti minimi dwar, b’mod partikolari, it-tul tal-ħin tax-xogħol, l-attività ta’ għassa eżerċitata minn suldat fi żmien ta’ paċi u, skont il-każ, dwar il-kwistjoni jekk il-perijodu on-call li matulu s-suldat huwa marbut jibqa’ fil-kwartieri fejn huwa assenjat, iżda ma jwettaqx hemmhekk xogħol effettiv, għandux jitqies bħala ħin tax-xogħol, fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għall-finijiet tal-iffissar tar-remunerazzjoni dovuta lil dan is-suldat għal tali perijodu.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Fis-sentenza tagħha, mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, fl-ewwel lok, il-każijiet li fihom l-attività ta’ għassa eżerċitata minn suldat hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.

    Sabiex tagħmel dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, qabelxejn, li l-Artikolu 4(2) TUE, li jipprevedi li s-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà esklużiva ta’ kull Stat Membru ( 2 ), ma għandux l-effett li jeskludi l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tas-suldati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-kompiti prinċipali tal-forzi armati tal-Istati Membri, li huma l-preżervazzjoni tal-integrità territorjali u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, jinsabu espliċitament fost il-funzjonijiet essenzjali tal-Istat li l-Unjoni għandha tosserva. Hija tippreċiża li madankollu minn dan ma jirriżultax li d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar l-organizzazzjoni tal-forzi armati tagħhom ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari meta inkwistjoni jkun hemm regoli armonizzati dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

    Għalkemm l-osservanza dovuta mill-Unjoni għall-funzjonijiet essenzjali tal-Istat għalhekk ma timplikax li l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tas-suldati tiġi eskluża kompletament mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 4(2) TUE jirrikjedi li l-applikazzjoni għas-suldati tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar din l-organizzazzjoni ma tkunx tista’ tostakola t-twettiq korrett ta’ dawn il-funzjonijiet essenzjali. Id-dritt tal-Unjoni għandu għalhekk jieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi li kull Stat Membru jagħti lill-funzjonament tal-forzi armati tiegħu, li jirriżultaw, b’mod partikolari, mir-responsabbiltajiet internazzjonali partikolari assunti minn dan l-Istat Membru, mill-kunflitti jew mit-theddid li jiffaċċja, jew mill-kuntest ġeopolitiku li fih dan l-Istat jevolvi.

    Fir-rigward, sussegwentement, tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2003/88, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-kunċett ta’ “ħaddiem” huwa ddefinit fir-rigward tal-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol, jiġifieri ċ-ċirkustanza li persuna twettaq, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni. Peress li, matul il-perijodu kkonċernat, dan kien il-każ ta’ B. K., l-imsemmija direttiva tista’ tapplika għas-sitwazzjoni tiegħu.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2003/88, iddefinit b’riferiment għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391 ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li din tapplika għas-“setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati” ( 4 ), ħlief meta karatteristiċi partikolari inerenti għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizz pubbliku, b’mod partikolari fil-forzi armati, jipprekludu dan b’mod vinkolanti ( 5 ).

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-membri tal-forzi armati tal-Istati Membri huma esklużi, fl-intier tagħhom u b’mod permanenti, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, tali esklużjoni ma tikkonċernax ċerti setturi tas-servizz pubbliku, ikkunsidrati fil-globalità tagħhom, iżda tikkonċerna biss ċerti kategoriji ta’ attivitajiet f’dawn is-setturi, minħabba n-natura speċifika tagħhom. Għal dak li jirrigwarda, speċifikament, l-attivitajiet eżerċitati mis-suldati, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva b’mod partikolari li dawk li huma marbuta ma’ servizzi ta’ amministrazzjoni, ta’ manutenzjoni, ta’ tiswija, ta’ saħħa, ta’ żamma tal-ordni jew ta’ prosekuzzjoni ta’ reati ma għandhomx, bħala tali, karatteristiċi li jipprekludu kull ppjanar tal-ħin tax-xogħol li jirrispetta r-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2003/88, tal-inqas sakemm dawn l-attivitajiet ma jiġux eżerċitati fil-kuntest ta’ operazzjoni militari jew matul il-preparazzjoni immedjata tagħha.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-imsemmija direttiva ma tapplikax għall-attivitajiet tas-suldati u, b’mod partikolari għall-attivitajiet ta’ għassa tagħhom, meta dawn iseħħu fil-kuntest tat-taħriġ inizjali tagħhom, ta’ taħriġ operattiv jew inkella fil-kuntest ta’ operazzjonijiet li jimplikaw impenn militari tal-forzi armati, kemm jekk dawn jintbagħtu, b’mod permanenti jew okkażjonali, fi ħdan il-fruntieri tal-Istat Membru kkonċernat jew barra minnhom. Barra minn hekk, id-Direttiva 2003/88 hija wkoll inapplikabbli għall-attivitajiet militari li huma tant partikolari li ma humiex tali li jistgħu jkunu suġġetti għal sistema ta’ rotazzjoni tal-persunal li tippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. L-istess japplika meta jidher li l-attività militari titwettaq fil-kuntest ta’ avvenimenti eċċezzjonali, li l-gravità u l-portata tagħhom jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri indispensabbli għall-protezzjoni tal-ħajja, tas-saħħa kif ukoll tas-sigurtà tal-kollettività u li l-eżekuzzjoni tajba tagħhom tkun kompromessa jekk ir-regoli kollha stabbiliti mill-imsemmija direttiva kellhom jiġu osservati jew meta l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal tali attività, billi timponi fuq l-awtoritajiet ikkonċernati li jistabbilixxu sistema ta’ rotazzjoni jew ta’ ppjanar tal-ħin tax-xogħol, tista’ ssir biss bi ħsara għat-twettiq tajjeb tal-operazzjonijiet militari nnifishom. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-attività ta’ għassa żgurata minn B. K. taqax taħt waħda minn dawn l-ipoteżijiet. Fin-negattiv, din l-attività jkollha titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.

    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, jekk jitqies li d-Direttiva 2003/88 tapplika f’dan il-każ, perijodu on-call impost fuq suldat li jimplika l-preżenza kontinwa tiegħu fil-post tax-xogħol tiegħu għandu jitqies li huwa ħin tax-xogħol, meta dan il-post tax-xogħol ma huwiex id-dar tiegħu. Madankollu, peress li l-metodu ta’ remunerazzjoni tal-ħaddiema fir-rigward tal-perijodi on-call li huma jwettqu jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali u mhux taħt id-Direttiva 2003/88, din tal-aħħar ma tipprekludix li perijodu on-call li matulu suldat huwa obbligat jibqa’ fil-kwartieri fejn huwa assenjat, mingħajr ma jwettaq xogħol effettiv hemmhekk, jiġi rremunerat b’mod differenti minn perijodu on-call li matulu huwa jwettaq xogħol effettiv.


    ( 1 ) Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

    ( 2 ) Skont din l-istess dispożizzjoni, l-Unjoni tosserva l-funzjonijiet essenzjali tal-Istat, b’mod partikolari dawk li għandhom l-għan li jiżguraw l-integrità territorjali tiegħu, li jżommu l-ordni pubbliku u li jiżguraw is-sigurtà nazzjonali.

    ( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat‑12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349)

    ( 4 ) Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/391.

    ( 5 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391.

    Top