Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0564

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Novembru 2021.
    Proċeduri kriminali kontra IS.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2010/64/UE – Artikolu 5 – Kwalità tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 4(5) u Artikolu 6(1) – Dritt li wieħed jiġi informat dwar l-akkuża miġjuba kontrih – Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni – Direttiva 2016/343/UE – Dritt għal rimedju effettiv u għal qorti imparzjali – Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 267 TFUE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Ammissibbiltà – Appell fl-interess tal-liġi kontra deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura dixxiplinari – Setgħa tal-qorti superjuri li tiddikjara illegali t-talba għal deċiżjoni preliminari.
    Kawża C-564/19.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:949

    Kawża C‑564/19

    IS

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Pesti Központi Kerületi Bíróság)

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Novembru 2021

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2010/64/UE – Artikolu 5 – Kwalità tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 4(5) u Artikolu 6(1) – Dritt li wieħed jiġi informat dwar l-akkuża miġjuba kontrih – Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni – Direttiva 2016/343/UE – Dritt għal rimedju effettiv u għal qorti imparzjali – Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 267 TFUE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Ammissibbiltà – Appell fl-interess tal-liġi kontra deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura dixxiplinari – Setgħa tal-qorti superjuri li tiddikjara illegali t-talba għal deċiżjoni preliminari”

    1. Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli – Assenza

      (Artikolu 267 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

      (ara l-punti 62, 63, 65, 66, 85, 87, 88)

    2. Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Kompetenzi tal-qrati nazzjonali – Portata – Appell fl-interess tal-liġi kontra deċiżjoni ta’ rinviju ta’ qorti inferjuri – Setgħa tal-qorti superjuri li tiddikjara illegali din id-deċiżjoni, mingħajr ma taffettwa l-effetti legali tagħha – Inammissibbiltà

      (Artikoli 258, 259 u 267 TFUE)

      (ara l-punti 71 sa 77, 82 u d-dispożittiv 1)

    3. Stati Membri – Obbligi – Kompetenza tal-qrati nazzjonali sabiex jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja – Supremazija – Setgħa tal-qorti superjuri li tiddikjara illegali deċiżjoni ta’ rinviju ta’ qorti inferjuri, mingħajr ma taffettwa l-effetti legali tagħha – Inammissibbiltà – Obbligi u setgħat tal-qorti nazzjonali – Obbligu li tiġi eskluża tali deċiżjoni tal-qorti superjuri li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Konstatazzjoni eventwali mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-inammissibbiltà tad-domandi preliminari mressqa mill-qorti inferjuri – Assenza ta’ rilevanza

      (Artikolu 267 TFUE)

      (ara l-punti 78 sa 82 u d-dispożittiv 1)

    4. Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Kompetenzi tal-qrati nazzjonali – Estent – Proċedura dixxiplinari mibdija kontra mħallef nazzjonali talli adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari – Inammissibbiltà

      (Artikolu 267 TFUE)

      (ara l-punti 90 u 93, u d-dispożittiv 2)

    5. Drittijiet fundamentali – Drittijiet tad-difiża – Rikonoxximent fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem – Sens u portata identiċi – Livell ta’ protezzjoni żgurat mill-Karta li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-imsemmija konvenzjoni

      (Artikolu 6(1) u (3) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 48 u 52(3) u (7))

      (ara l-punt 101)

    6. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Kwalità tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni – Obbligu tal-Istati Membri – Portata – Miżuri konkreti li jiżguraw kwalità suffiċjenti tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni – Miżuri li jippermettu lill-persuna akkużata tifhem l-akkuża miġjuba kontriha u lill-qrati nazzjonali li jistħarrġu l-kwalità tal-interpretazzjoni

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/64, Artikoli 2(5) u (8), u 5(1) u (2))

      (ara l-punti 105, 106, 110 sa 115, 117, 138 u d-dispożittiv 3)

    7. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Dritt li wieħed jiġi informat dwar l-akkuża miġjuba kontrih – Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Portata – Assenza ta’ informazzjoni pprovduta f’lingwa li tinftiehem mill-persuna kkonċernata – Assenza ta’ interpretazzjoni adegwata jew impossibbiltà li tiġi stabbilita l-kwalità tal-interpretazzjoni – Tkomplija tal-proċeduri kriminali fil-kontumaċja – Inammissibbiltà

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(2); Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/64, Artikolu 2(5), 2012/13, premessa 27 u Artikoli 4(5) u 6(1) u (3), u 2016/343, Artikoli 8(2) u 9)

      (ara l-punti 123, 128 sa 132, 135 sa 138 u d-dispożittiv 3)

    Sunt

    Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li, wara appell fl-interess tal-liġi ppreżentat mill-Prosekutur Ġenerali, qorti suprema nazzjonali tikkonstata l-illegalità ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti inferjuri, minħabba li d-domandi magħmula ma jkunux rilevanti u neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fuq il-bażi tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali għandha twarrab kull prattika ġudizzjarja nazzjonali li tippreġudika l-fakultà tagħha li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    Imħallef tal-Pesti Központi Kerületi Bíróság (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Pest, l-Ungerija) huwa adit b’proċeduri kriminali kontra ċittadin Svediż. Matul l-ewwel smigħ mill-awtorità investigattiva, l-imputat, li ma kienx jaf l-Ungeriż u li kien assistit minn interpretu tal-lingwa Svediża, ġie informat bis-suspetti fil-konfront tiegħu. Madankollu, ma teżisti ebda informazzjoni dwar l-għażla tal-interpretu, dwar il-verifika tal-kompetenzi tiegħu jew dwar il-fatt li huwa u l-imputat kienu jifhmu lil xulxin. Fil-fatt, fl-Ungerija ma jeżisti ebda reġistru uffiċjali ta’ tradutturi u ta’ interpreti u l-leġiżlazzjoni Ungeriża ma tispeċifikax min jista’ jinħatar f’dan ir-rigward fil-proċeduri kriminali, u lanqas skont liema kriterji. Għaldaqstant, skont l-imħallef adit, la l-avukat u lanqas l-imħallef ma huma f’pożizzjoni li jivverifikaw il-kwalità tal-interpretazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa jqis li d-dritt tal-imputat li jiġi informat bid-drittijiet tiegħu u d-drittijiet tad-difiża tiegħu jistgħu jiġu ppreġudikati.

    Huwa għalhekk li dan il-imħallef iddeċieda li jagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ungeriża mad-Direttiva 2010/64 ( 1 ), dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, u mad-Direttiva 2012/13 ( 2 ), dwar id-dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ tali proċeduri. Fil-każ ta’ inkompatibbiltà, huwa jistaqsi, barra minn hekk, jekk il-proċeduri kriminali jistgħux jitkomplew fl-assenza tal-imputat, peress li tali proċeduri huma previsti fid-dritt Ungeriż, f’ċerti każijiet, meta dan ma jkunx preżenti waqt is-seduta.

    Wara dan ir-rinviju inizjali lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) iddeċidiet appell fl-interess tal-liġi ppreżentat mill-Prosekutur Ġenerali Ungeriż kontra d-deċiżjoni tar-rinviju u qieset li din kienet illegali, mingħajr madankollu ma affettwat l-effetti legali ta’ din id-deċiżjoni, minħabba, essenzjalment, li d-domandi magħmula ma kinux rilevanti u neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima kkonċernata. Fuq il-bażi tal-istess raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema), inbdiet proċedura dixxiplinari, li fil-frattemp ġiet irtirata, kontra l-imħallef tal-qorti tar-rinviju. Peress li kellu dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ tali proċedura u kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) u dwar l-impatt tagħha fuq it-tkomplija tal-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali, l-imsemmi mħallef ressaq talba għal deċiżjoni preliminari addizzjonali f’dan ir-rigward.

    L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tqis li s-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, tipprekludi li qorti suprema nazzjonali tikkonstata, wara appell fl-interess tal-liġi, l-illegalità ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti inferjuri, mingħajr ma taffettwa l-effetti legali tad-deċiżjoni tar-rinviju, minħabba li d-domandi magħmula ma jkunux rilevanti u neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, tali stħarriġ tal-legalità jixbah l-istħarriġ tal-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, li għalih il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva. Barra minn hekk, tali konstatazzjoni ta’ illegalità hija ta’ natura, minn naħa, li ddgħajjef l-awtorità tar-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ser tipprovdi u, min-naħa l-oħra, li tillimita l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, u, konsegwentement, tista’ tirrestrinġi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni.

    F’tali ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qorti inferjuri tinjora d-deċiżjoni tal-qorti suprema tal-Istat Membru kkonċernat. Il-fatt li, sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ eventwalment tiddikjara inammissibbli d-domandi preliminari magħmula minn din il-qorti inferjuri ma jaffettwax din il-konklużjoni.

    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi proċedura dixxiplinari mibdija kontra mħallef nazzjonali minħabba li jkun adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, peress li l-perspettiva biss li dan jiġi espost għal tali proċedura tista’ tippreġudika l-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 267 TFUE, kif ukoll l-indipendenza tal-imħallef, li hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb ta’ dan il-mekkaniżmu. Barra minn hekk, tali proċedura tista’ tiddiswadi lill-qrati nazzjonali kollha milli jressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari, u dan jista’ jikkomprometti l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri, skont id-Direttiva 2010/64, fid-dawl tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri konkreti li jiżguraw, minn naħa, li l-kwalità tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjonijiet tkun suffiċjenti sabiex il-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata tifhem l-akkuża miġjuba kontriha. Il-ħolqien ta’ reġistru ta’ tradutturi jew interpreti indipendenti jikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, wieħed mill-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan. Min-naħa l-oħra, il-miżuri adottati mill-Istati Membri għandhom jippermettu lill-qrati nazzjonali jivverifikaw il-kwalità suffiċjenti tal-interpretazzjoni, sabiex in-natura ekwa tal-proċedura u l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża jkunu ggarantiti.

    Wara din il-verifika, qorti nazzjonali tista’ tikkonkludi li, minħabba interpretazzjoni inadegwata jew l-impossibbiltà li tiġi stabbilita l-kwalità tagħha, persuna ma ġietx informata bl-akkuża miġjuba kontriha f’lingwa li tifhem. F’tali ċirkustanzi, id-Direttivi 2010/64 u 2012/13, moqrija fid-dawl tad-drittijiet tad-difiża, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludu li l-proċeduri kriminali jitkomplew fil-kontumaċja.


    ( 1 ) Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1).

    ( 2 ) Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).

    Top