Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0562

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Marzu 2021.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja.
    Appell – Artikolu 107(1) TFUE – Għajnuna mill-Istat – Taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut – Artikolu 108(2) TFUE – Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
    Kawża C-562/19 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:201

    Kawża C‑562/19 P

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir‑Repubblika tal‑Polonja

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas‑16 ta’ Marzu 2021

    “Appell – Artikolu 107(1) TFUE – Għajnuna mill-Istat – Taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut – Artikolu 108(2) TFUE – Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali”

    1. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ trattament fiskali vantaġġuż lil ċerti impriżi – Inklużjoni – Vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha – Esklużjoni

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punti 27 sa 30)

    2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Deroga mis-sistema fiskali ġenerali – Elementi kostituttivi tas-sistema ta’ referenza jew sistema fiskali normali – Karatteristiċi kostituttivi tat-taxxa inkwistjoni – Struttura ta’ taxxa progressiva – Inklużjoni – Limiti – Element manifestament diskriminatorju

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punti 31, 32, 37 sa 39, 40, 42)

    3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Stabbiliment ta’ taxxa progressiva bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ – Assenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Indikatur newtrali u rilevanti tal-kapaċità kontributtiva tal-persuni taxxabbli – Assenza ta’ parametri manifestament diskriminatorji – Assenza ta’ selettività

      (Artikolu 107(1) TFUE)

      (ara l-punti 40 sa 45)

    4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, ta’ miżura statali flimkien ma’ ordni ta’ sospensjoni ta’ din il-miżura – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni

      (Artikolu 108(2) u (3) TFUE)

      (ara l-punti 50, 52, 55)

    5. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, ta’ miżura statali flimkien ma’ ordni ta’ sospensjoni ta’ din il-miżura – Klassifikazzjoni provviżorja ta’ għajnuna ġdida – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Konsegwenzi – Annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Annullament tal-ordni ta’ sospensjoni tal-miżura

      (Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikoli 1(f) u 13(1))

      (ara l-punti 51, 53, 56)

    Sunt

    It-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u t-taxxa Ungeriża fuq ir-reklamar ma jiksrux id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli tal-Kummissjoni u tikkonferma s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali

    Permezz ta’ liġi li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Settembru 2016, il-Polonja stabbiliet taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. Din it-taxxa kienet ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ fix-xahar magħmul minn kull bejjiegħ bl-imnut fuq il-bejgħ ta’ merkanzija lill-konsumaturi, li jaqbeż ammont ta’ 17‑il miljun zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 4 miljun). Din it-taxxa tinkludi żewġ rati differenti: rata ta’ 0.8 % li tapplika għad-dħul mill-bejgħ bejn PLN 17‑il miljun u PLN 170 miljun u rata ta’ 1.4 % li tapplika fuq il-parti tad-dħul mill-bejgħ li jaqbeż dan l-aħħar ammont.

    Wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ din il-miżura mibdija b’deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2016 ( 1 ), il-Kummissjoni Ewropea qieset, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2017 ( 2 ), li din it-taxxa progressiva kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u ordnat lill-Polonja tannulla l-ħlasijiet kollha pendenti taħt din it-taxxa, b’effett mid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019 ( 3 ), il-Qorti Ġenerali, adita mill-Polonja, annullat, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni negattiva meħuda mill-Kummissjoni dwar il-miżura fiskali adottata mill-Polonja. Hija ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet qieset b’mod żbaljat li l-istabbiliment ta’ taxxa progressiva fuq id-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ bl-imnut tal-merkanzija kien jagħti lok għal vantaġġ selettiv favur kumpanniji bi dħul mill-bejgħ baxx marbut ma’ din l-attività u li, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija ma setgħetx, fl-istat tal-fajl fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, tikklassifika provviżorjament il-miżura fiskali inkwistjoni bħala għajnuna ġdida mingħajr ma tibbaża ruħha fuq l-eżistenza ta’ dubji leġittimi fuq dan il-punt.

    Min-naħa tagħha, l-Ungerija kienet stabbiliet, permezz ta’ liġi li daħlet fis-seħħ fil‑15 ta’ Awwissu 2014, taxxa progressiva fuq id-dħul mill-bejgħ marbuta mal-pubblikazzjoni ta’ reklamar f’dan l-Istat Membru. Din it-taxxa, ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ nett fix-xahar magħmul minn min jirreklama (l-istampa bil-miktub, il-media awdjoviżiva, il-billboards) li jopera fl-Ungerija, inizjalment inkludiet skala ta’ sitt rati progressivi skont id-dħul mill-bejgħ, sussegwentement adattata sabiex tinkludi żewġ rati biss, u kienet suġġetta għall-possibbiltà, għall-persuni taxxabbli li l-profitt tagħhom qabel it-taxxa tas-sena finanzjarja 2013 kien żero jew negattiv, li jnaqqsu mill-valur taxxabbli tagħhom 50 % mit-telf ittrasferit mis-snin finanzjarji preċedenti.

    Wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ din il-miżura, miftuħa b’deċiżjoni tat‑12 ta’ Marzu 2015 ( 4 ), il-Kummissjoni qieset, b’deċiżjoni tal‑4 ta’ Novembru 2016 ( 5 ), li l-miżura fiskali adottata mill-Ungerija, minħabba kemm l-istruttura tagħha kif ukoll il-possibbiltà li jitnaqqas it-telf ittrasferit li kienet tipprovdi, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u ordnat l-irkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna mħallsa lill-benefiċjarji tagħha.

    Permezz tas-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2019 ( 6 ), il-Qorti Ġenerali, adita mill-Ungerija, annullat din l-aħħar deċiżjoni, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet qieset b’mod żbaljat li l-miżura fiskali inkwistjoni u l-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit kienu jikkostitwixxu vantaġġi selettivi.

    Fiż-żewġ sentenzi mogħtija fis‑16 ta’ Marzu 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tiċħad l-appelli ppreżentati mill-Kummissjoni fil-konfront tas-sentenzi appellati. Insostenn tal-appelli tagħha, il-Kummissjoni argumentat b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali kienet kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, billi ddeċidiet li n-natura progressiva tat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ rispettivament inkwistjoni ma wasslitx għal vantaġġ selettiv.

    Filwaqt li teskludi l-ilmenti tal-Kummissjoni fis-sentenzi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tafferma mill-ġdid, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-prinċipju stabbilit f’termini ta’ libertajiet fundamentali tas-suq intern li jgħid li, fl-istat attwali tal-armonizzazzjoni tad-dritt fiskali tal-Unjoni, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu s-sistema ta’ tassazzjoni li huma jqisu l-iktar xierqa, b’mod li l-applikazzjoni ta’ tassazzjoni progressiva bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali ta’ kull Stat Membru ( 7 ), bil-kundizzjoni li l-karatteristiċi kostituttivi tal-miżura inkwistjoni ma jkollhom l-ebda element manifestament diskriminatorju.

    L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ portata ġenerali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ prevista mill-miżura inkwistjoni tirrikjedi li jiġi ddeterminat jekk din tkunx ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li huma, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u li għalhekk ikunu suġġetti għal trattament iddifferenzjat li jkun jista’ essenzjalment jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju. B’mod partikolari, fil-każ ta’ miżura fiskali nazzjonali, hija l-Kummissjoni, wara li tkun identifikat is-sistema ta’ referenza, jiġifieri s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, li turi li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn din is-sistema ta’ referenza, sa fejn hija tintroduċi differenzjazzjoni bejn operaturi li, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema tal-aħħar, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, mingħajr madankollu ma ssib xi ġustifikazzjoni fir-rigward tan-natura jew tal-istruttura tas-sistema inkwistjoni.

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, l-ewwel nett, jekk, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidietx, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kinitx wriet li n-natura progressiva tal-miżuri fiskali inkwistjoni kellha l-konsegwenza li tagħti vantaġġ selettiv lil “ċerti impriżi jew [lil] ċerti produtturi”. Fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-progressjoni tar-rati prevista mill-miżuri fiskali rispettivament inkwistjoni kienet tagħmel parti integrali mis-sistema ta’ referenza li fir-rigward tagħha kellu jiġi evalwat jekk l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv setax jiġi stabbilit.

    Fil-fatt, fid-dawl tal-awtonomija fiskali mogħtija lill-Istati Membri barra mill-oqsma li kienu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, dawn huma liberi li jistabbilixxu s-sistema ta’ tassazzjoni li huma jqisu l-iktar xierqa, billi jadottaw, fejn xieraq, tassazzjoni progressiva. B’mod partikolari, id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, bħala prinċipju, ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jiddeċiedu li jagħżlu rati ta’ tassazzjoni progressivi, intiżi li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kapaċità tal-persuni taxxabbli li jħallsu, u lanqas ma tobbliga lill-Istati Membri jirriżervaw l-applikazzjoni ta’ rati progressivi biss għal taxxi bbażati fuq il-profitti, bl-esklużjoni ta’ dawk ibbażati fuq id-dħul mill-bejgħ.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-karatteristiċi li jikkostitwixxu t-taxxa, li minnha jagħmlu parti r-rati ta’ tassazzjoni progressivi, jifformaw, bħala prinċipju, is-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali” għall-finijiet tal-analiżi tal-kundizzjoni ta’ selettività. Hija l-Kummissjoni li, fejn xieraq, għandha turi li l-karatteristiċi ta’ miżura fiskali nazzjonali kienu tfasslu b’mod manifestament diskriminatorju, bil-għan li jiġu esklużi mis-sistema ta’ referenza, li jaf b’mod partikolari juri għażla ta’ kriterji ta’ tassazzjoni inkoerenti fid-dawl tal-għan imfittex minn din il-miżura. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tikkonstata li f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-karatteristiċi tal-miżuri adottati rispettivament mil-leġiżlatur Pollakk u mil-leġiżlatur Ungeriż kienu tfasslu b’mod manifestament diskriminatorju, bil-għan li jiġu evitati r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fis-sentenzi appellati, li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha b’mod żbaljat fuq sistema ta’ referenza inkompleta u fittizja meta kkonstatat li l-iskala progressiva tal-miżuri fiskali rispettivi inkwistjoni ma kinitx parti mis-sistema ta’ referenza li fid-dawl tagħha kellha ssir l-analiżi tan-natura selettiva ta’ dawn il-miżuri.

    Fil-kawża (C‑562/19 P) dwar it-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut stabbilita fil-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement teżamina r-raġunijiet li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sabiex tannulla wkoll id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-miżura fiskali adottata minn dan l-Istat Membru. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ibbażat il-klassifikazzjoni provviżorja bħala għajnuna ġdida tal-miżura fiskali inkwistjoni fuq analiżi manifestament żbaljata ta’ din tal-aħħar, li konsegwentement ma kinitx issostni l-eżistenza ta’ dubji leġittimi dwar il-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala għajnuna ġdida. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-qorti tal-Unjoni, meta tistħarreġ il-validità ta’ tali deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tintalab biss teżerċita stħarriġ limitat fuq l-evalwazzjoni adottata mill-Kummissjoni rigward il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, meta ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali sempliċement eżerċitat, fuq il-klassifikazzjoni provviżorja ta’ għajnuna mill-Istat adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, stħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u tqis f’dan ir-rigward li hija, fi kwalunkwe każ, ma annullatx din id-deċiżjoni insegwitu għal sempliċi ripetizzjoni tal-motivi li permezz tagħhom hija kienet annullat id-deċiżjoni negattiva meħuda mill-Kummissjoni dwar il-miżura fiskali adottata mill-Polonja. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-aggravji diretti kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn hija annullat id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-ordni ta’ sospensjoni marbuta magħha.

    Fl-aħħar nett, fil-kawża (C‑596/19 P) dwar it-taxxa fuq ir-reklamar stabbilita fl-Ungerija, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Qorti Ġenerali ma kienet wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta qieset li l-mekkaniżmu tranżitorju ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit ma kienx jagħti vantaġġ selettiv. Fil-fatt, l-istabbiliment ta’ miżura tranżitorja li tqis il-profitti ma kinitx inkoerenti mal-għan ta’ ridistribuzzjoni mfittex mil-leġiżlatur Ungeriż meta stabbilixxa t-taxxa fuq ir-reklamar. Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza f’dan ir-rigward li, f’dan il-każ, il-kriterju relatat mal-assenza ta’ profitti rreġistrati fir-rigward tas-sena finanzjarja preċedenti għal dik tad-dħul fis-seħħ ta’ din it-taxxa kellu natura oġġettiva, peress li l-impriżi li jibbenefikaw mill-mekkaniżmu tranżitorju ta’ tnaqqis parzjali ta’ telf kellhom, minn din il-perspettiva, kapaċità kontributtiva inferjuri għall-oħrajn.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli ppreżentati mill-Kummissjoni fil-konfront tas-sentenzi appellati fl-intier tagħhom.


    ( 1 ) Deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2016, Għajnuna mill-Istat SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN) – Taxxa Pollakka fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut – Stedina biex jintbagħtu kummenti skont l-Artikolu 108(2) [TFUE] (ĠU 2016, C 406, p. 76, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ” jew id-“deċiżjoni ta’ ftuħ dwar il-Polonja”).

    ( 2 ) Deċiżjoni (UE) 2018/160 tat‑30 ta’ Ġunju 2017 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN) implimentata mill-Polonja għat-taxxa fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut (ĠU 2018, L 29, p. 38, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni negattiva dwar il-Polonja”).

    ( 3 ) Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (T‑836/16 u T‑624/17, , EU:T:2019:338).

    ( 4 ) Deċiżjoni tat‑12 ta’ Marzu 2015, Għajnuna mill-Istat SA.39235 (2015/C) (ex 2015/NN) – l‑Ungerija – Taxxa tar-riklamar – Stedina biex jitressqu kummenti skont l-Artikolu 108(2) [TFUE] (ĠU 2015, C 136, p. 7).

    ( 5 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/329 tal‑4 ta’ Novembru 2016 dwar il-miżura SA.39235 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Ungerija dwar it-taxxa tad-dħul mir-reklamar (ĠU 2017, L 49, p. 36, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni negattiva dwar l-Ungerija” jew, flimkien mad-deċiżjoni negattiva dwar il-Polonja, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”).

    ( 6 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, (T‑20/17, EU:T:2019:448) (iktar ’il quddiem, flimkien mas-sentenza Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni iċċitata iktar ’il fuq, is-“sentenzi appellati”).

    ( 7 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország (C‑75/18, EU:C:2020:139, punt 49); u tat‑3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak (C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 69); kif ukoll, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED (C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 50).

    Top